Kumitat għall-Baġits

 

2016/0132(COD)

21.3.2017

OPINJONI

tal-Kumitat għall-Baġits

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-"Eurodac" għat-tqabbil ta' marki tas-swaba' għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f'wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma' data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta' infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (riformulazzjoni)

( COM(2016)0272 – C8-0179/2016 – 2016/0132(COD) )

Rapporteur għal opinjoni: Gérard Deprez

 

PA_Legam

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

Ir-rapporteur huwa tal-opinjoni li l-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati li għaddejja bħalissa li qiegħda tiffaċċja l-Unjoni Ewropea kixfet dgħufijiet strutturali sinifikanti fit-tfasssil u l-implimentazzjoni tal-politika Ewropea dwar l-asil u l-migrazzjoni, inklużi s-sistemi ta' Dublin u Eurodac. B'hekk din il-kriżi ġġiegħel lill-Unjoni u lill-Istati Membri jippjanaw mill-ġdid u, fejn xieraq, ifasslu mill-ġdid is-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil u jfittxu modi aħjar ta' kif jindirizzaw il-migrazzjoni irregolari. Il-proposta tal-Kummissjoni għal riformulazzjoni tar-Regolament Eurodac hija parti mill-ewwel sett ta' proposti leġiżlattivi fil-kuntest ta' tali riforma kbira.

 

B'mod ġenerali, ir-rapporteur jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni, li timmira li tadatta s-sistema Eurodac u testendi l-kamp ta' applikazzjoni attwali tagħha għal finijiet ta' migrazzjoni usa'. Din ir-riforma jenħtieġ li tippermetti lill-Eurodac tkompli tipprovdi d-data bijometrika u personali li teħtieġ biex taħdem u żżomm ir-rilevanza tagħha f'kuntest ta' migrazzjoni li qiegħed jinbidel. Ir-rapporteur jilqa' l-fatt li s-sistema Eurodac irriformata tista' tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari permezz ta' monitoraġġ aħjar tal-movimenti sekondarji tal-migranti irregolari fi ħdan l-UE u faċilitazzjoni tal-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni mill-ġdid ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li qed jirrisjedu illegalment u dawk li daħlu fl-Unjoni Ewropea irregolarment mill-fruntieri esterni, u b'hekk titjieb l-effettività tal-politiki tal-UE dwar ir-ritorn u r-riammissjoni. Ir-rapporteur jenfasizza li dan irid isir b'rispett sħiħ tar-rekwiżiti eżistenti tal-protezzjoni tad-data u d-drittijiet fundamentali tal-individwi kkonċernati.

 

Kamp ta' applikazzjoni tal-Eurodac

Ir-rapporteur jipproponi li jitnaqqas il-kamp ta' applikazzjoni. Bħalissa, kif previst fl-Artikolu 14, kull Stat Membru għandu immedjatament jieħu l-marki tas-swaba' tas-swaba' kollha u jieħu ritratt tax-xbieha tal-wiċċ ta' kull ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna apolida ta' mill-anqas sitt snin li tinstab tirrisjedi illegalment fit-territorju tiegħu. Dan jinkludi l-każ ta' turisti li bi żball ikunu qabżu l-perjodu permess ta' tliet xhur bi ftit jiem biss u jkunu fil-fruntiera jippruvaw joħorġu mill-UE. Għalhekk, ir-rapporteur jissuġġerixxi d-deroga li ġejja: meta ċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikun qasam preċedentement il-fruntiera legalment, l-Istat Membru jista' jippermetti massimu ta' 15-il jum b'residenza skaduta qabel ma tiddaħħal l-informazzjoni fil-Eurodac. Tali deroga tillimita d-dħul ta' data mhux neċessarja u jiġu evitati spejjeż mhux neċessarji.

 

Ir-rapporteur iqis li l-informazzjoni dwar iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li għalihom tkun għaddejja proċedura ta' risistemazzjoni jenħtieġ li tiddaħħal fil-Eurodac. F'konformità mal-proposta ta' risistemazzjoni[1], l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu l-marki tas-swaba' mid-data ta' risistemazzjoni (l-Artikolu 10 tal-proposta) u meta Stat Membru jeskludi persuna mir-risistemazzjoni, l-ebda Stat Membru ieħor ma jista' jieħu lil din il-persuna għal 5 snin (l-Artikolu 6 tal-proposta). Ir-rapporteur jemmen li din l-informazzjoni jenħtieġ li tiżdied fil-Eurodac.

 

Lista ta' data

 

Sabiex titjieb il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-migrazzjoni irregolari, ir-rapporteur iqis li jkun utli ħafna li jiġu indikati fil-Eurodac il-miżuri ta' tneħħija (volontarja, forzata, eċċ.), aktar milli n-numru tal-applikazzjoni għall-asil. Bħalissa, il-problema hija li m'hemm l-ebda qsim ta' informazzjoni dwar deċiżjonijiet ta' ritorn bejn l-Istati Membri. Għalhekk, meta Stat Membru joħroġ deċiżjoni ta' ritorn, il-persuna kkonċernata tista' sempliċiment tmur lejn Stat Membru ieħor u tibda l-proċedura kollha mill-ġdid.

 

Ir-rapporteur iqis li l-eu-LISA jenħtieġ li twettaq studju biex tiddetermina jekk huwiex neċessarju li tarmonizza kombinazzjonijiet ta' identifikaturi bijometriċi minn bażijiet tad-data differenti tal-UE fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, b'mod partikolari, jekk huwiex xieraq li l-Eurodac tnaqqas l-elementi ta' identifikazzjoni għal erba' marki tas-swaba' u xbieha tal-wiċċ, bħalma huwa l-każ għas-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES). Ir-rapporteur jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt fuq il-baġit ta' tali tnaqqis tan-numru ta' data li għandha tinħażen u tinġabar.

 

Żvilupp u interoperabbiltà ma' bażijiet tad-data oħra

Ir-rapporteur jinnota li l-intenzjoni hija li jiżdied softwer tar-rikonoxximent tal-wiċċ fil-futur, u b'hekk iġib il-Eurodac konformi ma' sistemi oħra bħal pereżempju l-EES; ir-rapporteur jagħti importanza partikolari lit-titjib tal-interoperabbiltà tas-sistemi ta' informazzjoni dwar il-fruntieri u s-sigurtà, li hija objettiv komuni ddikjarat tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE.

 

Ir-rapporteur huwa tal-opinjoni li l-Eurodac trid issir interoperabbli malajr kemm jista' jkun mas-Sistemi ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS), kif ukoll mal-EES il-ġdida. L-EES se tieħu d-data bijometrika taċ-ċittadini kollha ta' pajjiżi terzi li jiġu l-Ewropa għal soġġorn qasir u tipproduċi lista ta' dawk b'residenza skaduta. Ir-rapporteur huwa tal-opinjoni li konnessjoni bejn iż-żewġ sistemi hija neċessarja sabiex id-data ta' ċittadin ta' pajjiż terz irreġistrata fl-EES tiġi ttrasferita awtomatikament lejn il-Eurodac jekk iċ-ċittadin ta' pajjiż terz jaqbeż il-perjodu ta' soġġorn awtorizzat b'aktar minn 15-il jum.

 

Ir-rapporteur jistieden lill-Kummissjoni u lill-eu-LISA jantiċipaw kemm jista' jkun iż-żieda futura tar-rikonoxximent tal-wiċċ u l-interoperabbiltà ma' bażijiet tad-data oħra, kemm f'termini amministrattivi kif ukoll teknoloġiċi, fi ħdan l-eżerċizzju ta' riformulazzjoni preżenti, sabiex ikunu kemm jista' jkun kosteffettivi.

 

Marki tas-swaba' bil-forza

 

Anki jekk ma jkun hemm l-ebda impatt fuq il-baġit, ir-rapporteur jappoġġa proċedura tal-UE għal marki tas-swaba' bil-forza. Ir-rapporteur iqis neċessarju li jiżdiedu fl-anness l-aħjar prattiki ppreżentati fid-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar l-Implimentazzjoni tar-Regolament Eurodac rigward l-obbligu li jittieħdu l-marki tas-swaba'[2] u jiżdied l-obbligu għall-Istati Membri biex jirrispettaw dan l-anness.

 

Spiża tal-proposta

 

Ir-rapporteur jinnota li l-ispiża tal-proposta hija stmata għal EUR 29 872 miljun, mifruxa fuq erba' snin. Din is-somma, li hija intiża biex tkopri l-ispejjeż tat-titjib tekniku u ż-żieda fil-ħżin u t-throughput tas-Sistema Ċentrali tal-Eurodac, kif ukoll iż-żieda ta' żewġ pożizzjonijiet fil-pjan ta' stabbiliment tal-eu-LISA, tidher proporzjonata għall-ambizzjoni u l-kamp ta' applikazzjoni intiżi tar-riformulazzjoni. Madankollu, huwa importanti li jiġi nnotat li d-dikjarazzjoni finanzjarja marbuta mal-proposta hija purament indikattiva u ma torbotx lill-awtorità baġitarja, li hija libera li tiddetermina l-approprjazzjonijiet li għandhom jintużaw għar-riforma tas-sistema bħala parti mill-proċedura baġitarja annwali.

 

EMENDI

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jieħu inkunsiderazzjoni l-emendi li ġejjin:

Emenda    1

Proposta għal regolament

Premessa 11a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(11a)  Sabiex titjieb il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-ġestjoni tal-migrazzjoni irregolari, ċittadini ta’ pajjiżi terzi misjuba li qed joqogħdu illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti bit-tip ta’ miżura ta’ tneħħija meħuda mill-Istat Membru li daħħal id-data fl-Eurodac minflok in-numru tal-applikazzjoni uniku tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

Ġustifikazzjoni

Jeżistu diversi miżuri ta' tkeċċija ta' persuni li qed jirrisjedu b’mod irregolari, pereżempju: ir-ritorn volontarju, l-ordni ta’ tkeċċija mit-territorju, l-ordni ta’ akkumpanjament, ir-rifjut tad-dħul, it-tkeċċija,... Kull miżura fiha proċeduri u żminijiet ta' applikazzjoni differenti. Għalhekk huwa importanti li Stat Membru jkun konxju mill-miżuri ta' tkeċċija meħuda fil-konfront ta' ċittadin li qed jirrisjedi illegalment min-naħa ta’ Stat Membru ieħor u għalhekk titjieb il-kooperazzjoni tagħhom. Din l-emenda tidħol loġikament fis-serje ta’ premessi ġodda 9 sa 14 proposti mill-Kummissjoni u għalhekk hija koperta taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 104(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-PE.

 

Emenda    2

Proposta għal regolament

Premessa 12a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(12a)  Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom skadenza raġonevoli ta' 15-il jum minn meta tinqabeż ir-residenza awtorizzata qabel ma jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament dwar it-tqabbil, il-ġbir u t-trażmissjoni ta' data tal-marki tas-swaba' u tax-xbieha tal-wiċċ ta' ċittadini terzi li qed joqogħdu illegalment li daħlu permezz tal-qsim irregolari tal-fruntiera esterna taż-żona Schengen.

Ġustifikazzjoni

Data dwar ċittadini minn pajjiżi terzi li jirrisjedu illegalment ser tiġi rreġistrata fl-Eurodac għal ħames snin. Huwa għalhekk li l-Istati Membri għandu jkollhom marġini ta’ diskrezzjoni u jkunu jistgħu jagħtu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi — li m’ilhomx li qabżu t-tul tas-soġġorn awtorizzat tagħhom, li dalwaqt se jħallu t-territorju minn jeddhom jew li għalihom proċedura ta’ regolarizzazzjoni tinsab għaddeja u ma jippreżentaw l-ebda riskju li jaħarbu — skadenza raġonevoli biex jitilqu mit-territorju jew jiksbu regolarizzazzjoni qabel ma jirreġistraw id-data tagħhom għal perjodu ta’ żmien tant twil. Hija biss id-data ta’ persuni li jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru b’mod illegali li għandha tiddaħħal direttament fl-Eurodac; dawk li jidħlu legalment għandhom għaldaqstant jingħataw skadenza raġonevoli ta’ 15-il jum. Din l-emenda taqbel ma’ din is-sensiela ta’ premessi ġodda (9–14) proposta mill-Kummissjoni, u għalhekk hija koperta mill-Artikolu 104(2), it-tieni subparagrafu, tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament.

 

Emenda    3

Proposta għal regolament

Premessa 13a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(13a)  Regolament (UE) Nru.../... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill1a jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-marki tas-swaba' u x-xbieha tal-wiċċ ta' kull ċittadin ta' pajjiż terz li jkollhom mill-anqas sitt snin li għalihom għandhom l-intenzjoni li jwettqu l-proċedura ta' risistemazzjoni. Dan ir-Regolament jiddisponi li l-persuni li l-Istati Membri jkunu rrifjutaw li jirrisistemaw matul l-aħħar ħames snin qabel ir-risistemazzjoni għandhom jiġu esklużi minn skemi ta' risistemazzjoni tal-Unjoni. Għalhekk huwa essenzjali li l-informazzjoni dwar iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li għalihom tkun għaddejja proċedura ta' risistemazzjoni għandha tinġabar u tiġi reġistrata fl-Eurodac.

 

_________________

 

1a Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, COM (2016)0468 .

Ġustifikazzjoni

Din l-emenda tidħol loġikament fis-serje ta’ premessi ġodda 9 sa 14 proposti mill-Kummissjoni u għalhekk hija koperta taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 104(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-PE.

 

Emenda     4

Proposta għal regolament

Premessa 14

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(14)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Sistemi tal-Informazzjoni aktar b'Saħħithom u aktar Intelliġenti għall-Fruntieri u s-Sigurtà 28 tenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb l-interoperabbiltà tas-sistemi tal-informazzjoni bħala objettiv fit-tul, kif identifikat ukoll mill-Kunsill Ewropew u mill-Kunsill. Il-Komunikazzjoni tipproponi li twaqqaf Grupp ta’ Esperti dwar is-Sistemi tal-Informazzjoni u l-Interoperabbiltà biex tkun ittrattata l-fattibbiltà legali u teknika tal-kisba tal-interoperabbiltà tas-sistemi tal-informazzjoni għall-fruntieri u s-sigurtà. Dan il-grupp jinħtieġ li jevalwa n-neċessità u l-proporzjonalità biex tiġi stabbilita l-interoperabbiltà tas-Sistemi tal-Informazzjoni ta’ Schengen (Schengen Information Systems , SIS) u s-Sistemi tal-Informazzjoni dwar il-Visa (Visa Information Systems, VIS), u jeżamina jekk hemmx bżonn li jiġi rivedut il-qafas legali għall-aċċess għall-infurzar tal-liġi għall-EURODAC.

(14)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Sistemi tal-Informazzjoni aktar b'Saħħithom u aktar Intelliġenti għall-Fruntieri u s-Sigurtà 28 tenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb l-interoperabbiltà tas-sistemi tal-informazzjoni bħala objettiv fit-tul, kif identifikat ukoll mill-Kunsill Ewropew u mill-Kunsill. Il-Komunikazzjoni tipproponi li twaqqaf Grupp ta’ Esperti dwar is-Sistemi tal-Informazzjoni u l-Interoperabbiltà biex tkun ittrattata l-fattibbiltà legali u teknika tal-kisba tal-interoperabbiltà tas-sistemi tal-informazzjoni għall-fruntieri u s-sigurtà. Dan il-grupp jinħtieġ li jevalwa n-neċessità u l-proporzjonalità biex tiġi stabbilita l-interoperabbiltà tas-Sistemi tal-Informazzjoni ta’ Schengen (Schengen Information Systems , SIS) u s-Sistemi tal-Informazzjoni dwar il-Visa (Visa Information Systems, VIS), u jeżamina jekk hemmx bżonn li jiġi rivedut il-qafas legali għall-aċċess għall-infurzar tal-liġi għall-EURODAC. Tali interoperabbiltà għandha tirrispetta l-bilanċ bejn il-libertà individwali u s-sigurtà kollettiva.

_________________

_________________

28 COM(2016) 205 final

28 COM(2016) 205 final

 

Emenda    5

Proposta għal regolament

Premessa 14a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(14a)  Sabiex tiġi permessa l-interoperabbiltà bejn l-EURODAC u tal-EES, eu-LISA għandha tistabbilixxi sistema sigura ta’ komunikazzjoni bejn is-Sistema Ċentrali tal-EES u s-Sistema Ċentrali tal-Eurodac. Jenħtieġ li ssir rabta bejn iż-żewġ sistemi b’tali mod li d-data ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz irreġistrat fl-EES tista’ tiġi trasferita awtomatikament għall-Eurodac fejn dak iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jaqbeż il-perjodu ta’ soġġorn awtorizzat b’aktar minn 15-il jum.

Ġustifikazzjoni

Is-Sistema ta' Dħul/Ħruġ se jkollha l-objettiv li tirreġistra d-data ta' dħul u ta' ħruġ taċ-ċittadini terzi li jidħlu fiż-żona Schengen għal soġġorn qasir u li tissenjala kull qbiż tal-perjodu ta' residenza awtorizzata. Ċittadin ta' pajjiż terz wara li jkun qabeż il-perjodu ta' residenza tiegħu jsib ruħu jirrisjedi illegalment u jkollu għalhekk jiġi rreġistrat fil-Eurodac f'konformità mal-Artikolu 14. L-interoperabbiltà bejn iż-żewġ sistemi tippermetti li jiġu evitati duplikazzjonijiet. Din l-emenda għandha bħala objettiv għalhekk it-titjib tal-interoperabbiltà kif irrakkomandat fil-premessa 14 il-ġdida proposta mill-Kummissjoni u għalhekk tikkostitwixxi segwitu loġiku għaliha.

 

Emenda     6

Proposta għal regolament

Premessa 18

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(18)  Barra minn hekk, l-Europol għandu rwol kruċjali fir-rigward tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-investigazzjoni ta' reati transkonfinali fis-sostenn tal-prevenzjoni tal-kriminalità, analiżi u investigazzjoni fl-Unjoni. Konsegwentement, il-Europol għandu jkollu aċċess ukoll għall-Eurodac fil-qafas tal-kompiti tiegħu u f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI31.

(18)  Barra minn hekk, l-Europol għandu rwol kruċjali fir-rigward tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-investigazzjoni ta' reati transkonfinali fis-sostenn tal-prevenzjoni tal-kriminalità, analiżi u investigazzjoni fl-Unjoni. Konsegwentement, jenħtieġ li l-Europol ikollu aċċess ukoll għall-Eurodac fil-qafas tal-kompiti tiegħu u f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI31, b'mod li jkun proporzjonat u li jirrispetta l-bilanċ il-libertajiet individwali u s-sigurtà kollettiva.

_________________

_________________

31 Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI tas-6 ta' April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) (ĠU L 121, 15.5.2009, p. 37).

31 Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI tas-6 ta' April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) (ĠU L 121, 15.5.2009, p. 37).

Ġustifikazzjoni

Il-kooperazzjoni bejn il-Eurodac u l-Europol, li hija mmotivata mix-xewqa tal-Kummissjoni li jkollha għodda li tgħinha tirreaġixxi għall-isfidi ġodda fil-qasam tas-sigurtà, trid tiġi regolata b'kundizzjonijiet stretti b'mod li jiġi evitat kwalunkwe abbuż li jista' jipperikola l-protezzjoni tal-libertajiet ċivili u individwali.

 

Emenda    7

Proposta għal regolament

Premessa 30

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(30)  L-Istati Membri jinħtieġ li jirreferu għad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-Implimentazzjoni tar-Regolament Eurodac rigward l-obbligi li jittieħdu l-marki tas-swaba' adottat mill-Kunsill fl-20 ta' Lulju34, li jistabbilixxi l-istrateġija dwar l-aħjar prattiki biex jittieħdu l-marki tas-swaba' ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi irregolari. Meta l-liġi nazzjonali ta' Stat Membru tippermetti għat-teħid tal-marki tas-swaba' bil-forza bħala l-aħħar miżura, dawn il-miżuri jridu jirrispettaw bis-sħiħ il-Karta tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali. Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu meqjusa persuni vulnerabbli u minuri ma għandhomx jiġu furzati jagħtu l-marki tas-swaba’ jew ix-xbiha tal-wiċċ, ħlief f’ċirkostanzi ġustifikati li huma permessi skont il-liġi nazzjonali.

(30)  L-Istati Membri jenħtieġ li jikkonformaw mal-aħjar prattiki stabbiliti fl-Anness Ia għal dan ir-Regolament, li huma bbażati fuq id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-Implimentazzjoni tar-Regolament Eurodac rigward l-obbligi li jittieħdu l-marki tas-swaba' adottat mill-Kunsill fl-20 ta' Lulju34, li jistabbilixxi l-istrateġija dwar l-aħjar prattiki biex jittieħdu l-marki tas-swaba' ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi irregolari. Meta l-liġi nazzjonali ta' Stat Membru tippermetti għat-teħid tal-marki tas-swaba' bil-forza bħala l-aħħar miżura, dawn il-miżuri jridu jirrispettaw bis-sħiħ il-Karta tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali. Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu meqjusa persuni vulnerabbli u minuri ma għandhomx jiġu furzati jagħtu l-marki tas-swaba’ jew ix-xbiha tal-wiċċ, ħlief f’ċirkostanzi ġustifikati li huma permessi skont il-liġi nazzjonali.

__________________

__________________

34 COM(2015) 150 final, 27.5.2015

34 SWD(2015) 150 final, 27.5.2015

Ġustifikazzjoni

Din l-emenda timmira l-Premessa 30 il-ġdida proposta mill-Kummissjoni u għalhekk hija koperta mit-2 subparagrafu tal-Artikolu 104, paragrafu 2 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-PE. Minflok li ssir sempliċi referenza għall-metodu rrakkomandat fid-dokument SWD(2015) 150, jixraq li jiġi impost obbligu tal-Istati Membri dwar dan is-suġġett.

 

Emenda     8

Proposta għal regolament

Premessa 33

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(33)  Fid-dawl tas-suċċess tal-prevenzjoni u l-monitorġġ ta’ movimenti mhux awtorizzati ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi li ma għandhomx dritt joqogħdu fl-Unjoni, u biex jittieħdu l-miżuri neċessarji għall-infurzar b’suċċess ta’ ritorn effettiv u riammissjoni lejn pajjiżi terzi skont id-Direttiva 2008/115/KE35 u d-dritt tal-protezzjoni tad-data personali, perjodu ta’ għaxar snin għandu jiġi kkunsidrat bħala perjodu neċessarju għall-ħażna tad-data tal-marki tas-swaba' u x-xbiha tal-wiċċ.

(33)  Fid-dawl tas-suċċess tal-prevenzjoni u l-monitorġġ ta’ movimenti mhux awtorizzati ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi li ma għandhomx dritt joqogħdu fl-Unjoni, u biex jittieħdu l-miżuri neċessarji għar-ritorn taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u għall-infurzar ta' riammissjoni effettiva lejn pajjiżi terzi skont id-Direttiva 2008/115/KE35 u d-dritt tal-protezzjoni tad-data personali, perjodu ta' ħames snin jenħtieġ li jiġi kkunsidrat bħala perjodu neċessarju għall-ħażna tad-data tal-marki tas-swaba' u x-xbiha tal-wiċċ.

_________________

_________________

35 ĠU L 348, 24.12.2008, p.98

35 ĠU L 348, 24.12.2008, p.98

 

Emenda     9

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt b

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(b)  tassisti fil-kontroll tal-immigrazzjoni illegali lejn u movimenti sekondarji fl-Unjoni u bl-identifikazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti illegalment għad-determinazzjoni ta’ miżuri xierqa li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri, inkluża t-tneħħija u r-ripatriazzjoni ta’ persuni residenti mingħajr awtorizzazzjoni.

(b)  tassisti fil-kontroll tal-immigrazzjoni illegali lejn u movimenti sekondarji fl-Unjoni u bl-identifikazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti illegalment għad-determinazzjoni ta’ miżuri xierqa li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri, inkluża t-tneħħija u r-ripatriazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti mingħajr awtorizzazzjoni.

 

Emenda     10

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – paragrafu 3

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3.  L-Istati Membri jistgħu jintroduċu sanzjonijiet amministrattivi, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, għal nuqqas ta’ konformità mal-proċess tal-marki tas-swaba' u t-teħid tax-xbiha tal-wiċċ skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disważivi. F’dan il-kuntest, id-detenzjoni għandha tintuża biss bħala l-aħħar alternattiva sabiex tiġi determinata jew verifikata l-identità ta' ċittadin ta' pajjiż terz.

3.  L-Istati Membri għandhom jintroduċu sanzjonijiet amministrattivi, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, għal nuqqas ta’ konformità mal-proċess tal-marki tas-swaba' u t-teħid tax-xbiha tal-wiċċ skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disważivi. F’dan il-kuntest, id-detenzjoni għandha tintuża biss bħala l-aħħar alternattiva sabiex tiġi determinata jew verifikata l-identità ta' ċittadin ta' pajjiż terz.

 

Emenda    11

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – paragrafu 5

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

5.   Il-proċedura sabiex jittieħdu l-marki tas-swaba’ u x-xbiha tal-wiċċ għandha tkun stabbilita u applikata f’konformità mal-prattika nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat u f’konformità mas-salvagwardji preskritti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fil-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

5.   Il-proċedura sabiex jittieħdu l-marki tas-swaba’ u x-xbiha tal-wiċċ għandha tkun stabbilita u applikata f’konformità mal-prattika nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, f’konformità mas-salvagwardji preskritti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fil-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u f'konformità mal-prattiki tajba għat-teħid tal-marki tas-swaba' li jinsabu fl-Anness Ia.

Ġustifikazzjoni

Din l-emenda tikkonkretizza l-emenda 6 u għalhekk hija direttament marbuta ma’ din tal-aħħar (ara t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 104(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-PE).

 

Emenda    12

Proposta għal regolament

Artikolu 13 – paragrafu 2 – punt ia (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(ia)  id-deċiżjoni ta' ritorn jew il-miżura ta' tkeċċija meħuda mill-Istat Membru ta' oriġini;

Ġustifikazzjoni

Din l-emenda tikkonkretizza l-emenda 2 u għalhekk hija direttament marbuta ma’ din tal-aħħar (ara t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 104(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-PE). Ara wkoll il-ġustifikazzjoni dettaljata tal-emenda 2.

 

Emenda    13

Proposta għal regolament

Artikolu 14 – paragrafu 2 – punt ia (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(ia)  id-deċiżjoni ta' ritorn jew il-miżura ta' tkeċċija meħuda mill-Istat Membru ta' oriġini;

Ġustifikazzjoni

Din l-emenda timmira l-Artikolu 14 il-ġdid propost mill-Kummissjoni u għalhekk hija koperta mit-2 subparagrafu tal-Artikolu 104(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-PE. Ara wkoll il-ġustifikazzjoni dettaljata tal-emenda 2.

 

Emenda    14

Proposta għal regolament

Artikolu 14 – paragrafu 2a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

2a.  L-Istati Membri jistgħu jidderogaw għall-paragrafi 1 u 2 fil-każ ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi b’residenza illegali li jkunu daħlu fit-territorju tal-Unjoni billi qasmu legalment il-fruntieri esterni taż-żona Schengen u wara li l-perjodu awtorizzat tas-soġġorn skada b’mhux aktar minn 15-il jum.

Ġustifikazzjoni

Din l-emenda timmira l-Artikolu 14 il-ġdid propost mill-Kummissjoni u għalhekk hija koperta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 104(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-PE. Ara wkoll il-ġustifikazzjoni dettaljata tal-emenda 3.

 

Emenda    15

Proposta għal regolament

Kapitolu 4a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Kapitolu IVa

 

Ċittadini ta' pajjiżi terzi li għalihom tkun għaddejja proċedura ta' risistemazzjoni

 

Artikolu 14a

 

Ġbir u trażmissjoni ta’ data dwar marki tas-swaba’ u xbiha tal-wiċċ, f’konformità mar-Regolament (UE) Nru.../... 1a

 

1.   Kull Stat Membru għandu, mal-identifikazzjoni, jieħu l-marki tas-swaba' tas-swaba' kollha u jieħu ritratt tax-xbieha tal-wiċċ ta' kull ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna apolida, li jkollha mill-anqas sitt snin, li għaliha tkun għaddejja proċedura ta' risistemazzjoni.

 

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jirreġistra fis-Sistema Ċentrali d-data li jmiss fir-rigward ta’ kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida msemmi fil-paragrafu 1, li ma jkun lura, fi żmien 72 siegħa wara l-identifikazzjoni tiegħu jew tagħha:

 

(a)   id-data dwar il-marki tas-swaba’;

 

(b)   ix-xbiha tal-wiċċ;

 

(c)   il-kunjom(ijiet) u l-isem(ismijiet), l-isem(ismijiet) fit-twelid u l-ismijiet użati preċedentement u kull psewdonimu, li jistgħu jiddaħħlu separatament;

 

(d)   iċ-ċittadinanza(i);

 

(e)   post u data tat-twelid;

 

(f)   l-Istat Membru ta' oriġini;

 

(g)   is-sess;

 

(h)   it-tip u n-numru tal-identità jew dokument tal-ivvjaġġar; il-kodiċi bi tliet ittri tal-pajjiż emittenti u l-validità;

 

(i)   in-numru ta’ referenza użat mill-Istat Membru ta’ oriġini;

 

(j)   id-data li fiha ttieħdu l-marki tas-swaba’ u / jew ix-xbiha tal-wiċċ;

 

(k)   id-data li fiha l-informazzjoni ġiet trażmessa lis-Sistema Ċentrali;

 

(l)   il-user ID tal-operatur;

 

(m)   fejn applikabbli, f'konformità mal-Artikolu 13(6), id-data li fiha l-persuna kkonċernata ħalliet jew tkeċċiet mit-territorju tal-Istati Membri

 

3.  B'deroga mill-paragrafu 1, fejn mhux possibbli li jittieħdu l-marki tas-swaba’ u x-xbiha tal-wiċċ ta’ persuna mwaqqfa minħabba miżuri li ttieħdu sabiex tiġi żgurata s-saħħa tal-applikant jew il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, l-Istati Membri konċernati għandhom jieħdu u jibagħtu dawn il-marki u x-xbiha tal-wiċċ mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn 48 siegħa wara li dawn ir-raġunijiet ta’ saħħa ma jibqgħux validi.

 

Fil-każ ta' problemi tekniċi serji, l-Istati Membri jistgħu jestendu ż-żmien ta' skadenza ta' 72 siegħa msemmi fil-paragrafu 2 b'massimu ta' 48 siegħa oħra sabiex iwettqu l-pjanijiet ta' kontinwità nazzjonali tagħhom.

 

4.   Id-data tal-marki tas-swaba' tista' tittieħed u tiġi trażmessa wkoll mill-membri tat-Timijiet Ewropej tal-Gwardjani tal-Fruntiera u tal-Kosta meta jwettqu l-ħidmiet tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill1a.

 

______________________

 

1a Ir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1.).

Ġustifikazzjoni

Din l-emenda tikkonkretizza l-emenda 4 u għalhekk hija direttament marbuta ma’ din tal-aħħar (it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 104(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-PE).

 

Emenda     16

Proposta għal regolament

Artikolu 41 – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1.  L-ispejjeż li jirriżultaw b'konnessjoni mat-twaqqif u t-tħaddim tas-Sistema Ċentrali u l-Infrastruttura ta’ Komunikazzjoni għandhom jinġarru mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

1.  L-ispejjeż li jirriżultaw b'konnessjoni mat-twaqqif u t-tħaddim tas-Sistema Ċentrali u l-Infrastruttura ta’ Komunikazzjoni għandhom jinġarru mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, skont il-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba.

Ġustifikazzjoni

Il-baġit tal-UE jrid jintuża u jiġi amministrat skont l-interess ġenerali.

 

Emenda    17

Proposta għal regolament

Artikolu 42 – paragrafu 2a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

2a.  Sabiex tiġi permessa l-interoperabbiltà bejn l-EURODAC u tal-EES, eu-LISA għandha tistabbilixxi sistema sigura ta’ komunikazzjoni bejn is-Sistema Ċentrali tal-EES u s-Sistema Ċentrali tal-Eurodac. Jenħtieġ li ssir rabta bejn iż-żewġ sistemi b’tali mod li d-data ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz irreġistrat fl-EES tista’ tiġi trasferita awtomatikament għall-Eurodac fejn dak iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jaqbeż il-perjodu ta’ soġġorn awtorizzat b’aktar minn 15-il jum.

Ġustifikazzjoni

Din l-emenda tikkonkretizza l-istabbiliment ta’ proċeduri (Artikolu 42(2)) u tikkonkretizza t-titjib tal-interoperabbiltà rrakkomandata mill-emenda 5. Ara wkoll il-ġustifikazzjoni dettaljata tal-emenda 5.

 

Emenda    18

Proposta għal regolament

Anness Ia (ġdid)

 

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Anness Ia

 

Prattiki rigward l-obbligu li jittieħdu l-marki tas-swaba’

 

Dawn l-aħjar prattiki, li jkunu bbażati fuq id-Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar l-Implimentazzjoni tar-Regolament Eurodac rigward l-obbligu li jittieħdu l-marki tas-swaba’1a, u li huma f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom l-għan li jiffaċilitaw it-teħid sistematiku tal-marki tas-swaba’. F’każijiet fejn is-suġġett tad-data inizjalment ma jikkooperax mal-Eurodac fil-proċess tat-teħid tal-marki tas-swaba’, għandhom jittieħdu l-passi raġonevoli u proporzjonati kollha biex isseħħ tali kooperazzjoni. Għal dak l-għan, u sabiex ikun żgurat li l-liġi tal-Unjoni hija rrispettata, l-Istati Membri għandhom isegwu l-approċċ imniżżel hawn taħt:

 

1.  L-Istat Membru għandu jinforma lis-suġġett tad-data dwar l-obbligu li jittieħdu l-marki tas-swaba’ skont il-liġi tal-Unjoni, u jista’ jispjegalu li huwa fl-interessi tiegħu li jikkoopera bis-sħiħ u minnufih u jipprovdi l-marki tas-swaba’ tiegħu. B’mod partikolari, jista’ jiġi spjegat lis-suġġett tad-data li, jekk huwa japplika għal asil fi Stat Membru ieħor, skont ir-Regolament (UE) [.../...] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill1b (ir-Regolament ta’ Dublin) se jkun possibbli li jintużaw il-marki tas-swaba’ jew provi indizjarji oħra bħala bażi biex jiġi effettwat it-trasferiment tiegħu lejn l-Istat Membru responsabbli għall-applikazzjoni għal asil tiegħu. L-Istat Membru jista’ wkoll jispjega lis-suġġett tad-data li, jekk huwa sussegwentement japplika għall-asil, se jkun hemm ukoll l-obbligu li jittieħdu l-marki tas-swaba’.

 

2.  Jekk is-suġġett tad-data li ma jkunx applika għall-asil ikompli jirrifjuta li jikkoopera fit-teħid tal-marki tas-swaba, hu jista’ jiġi kkunsidrat bħala migrant irregolari u l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw, fejn alternattivi oħra għad-detenzjoni inqas koerżivi ma jistgħux ikunu applikati b’mod effettiv, li jżommuh skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill1c (id-Direttiva dwar ir-Ritorn). Sakemm is-suġġett tad-data jirrifjuta li jikkoopera fil-proċess inizjali ta’ identifikazzjoni, inkluż fit-teħid tal-marki tas-swaba’ tiegħu kif meħtieġ mil-liġi tal-Unjoni, il-liġi nazzjonali jew it-tnejn, normalment ma jkunx possibbli li jiġi konkluż jekk jista’ jew ma jistax realistikament jitwettaq ritorn tiegħu u, bħala tali, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw, fejn alternattivi oħra għad-detenzjoni inqas koerżivi ma jistgħux jiġu applikati b’mod effikaċi, li jużaw id-detenzjoni skont it-termini tad-Direttiva dwar ir-Ritorn.

 

3.  F’każijiet fejn is-suġġett tad-data jkun applika għall-asil u jirrifjuta li jikkoopera fit-teħid tas-swaba, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw id-detenzjoni tiegħu sabiex tiġi determinata, aċċertata jew ivverifikata l-identità jew in-nazzjonalità tiegħu, inkluż it-teħid tal-marki tas-swaba’ tiegħu, kif meħtieġ mil-liġi tal-Unjoni.

 

4.  Jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx ippreveda l-possibbiltà ta’ proċeduri mgħaġġla, proċeduri fil-fruntiera jew it-tnejn li huma fl-ambitu tal-qafas ġuridiku nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jgħarrfu lill-applikanti għall-asil li t-talba tagħhom għal protezzjoni internazzjonali tista’ tkun soġġetta għal proċedura aċċellerata, proċedura fil-fruntiera jew għat-tnejn li huma, jekk jirrifjutaw li jikkooperaw fit-teħid tal-marki tas-swaba’. L-Istat Membru jista’ jispjega ulterjorment li l-konsegwenza tal-fatt li l-applikazzjoni tagħhom għall-asil tiġi trattata permezz ta’ tali proċedura aċċellerata, proċedura fil-fruntiera jew tat-tnejn tista’ tkun li l-applikazzjoni, wara eżami adegwat u komplet tal-fondatezza tagħha, tista’ tiġi kkunsidrata bħala manifestament infondata. Tali konstatazzjoni tista’, jekk previst fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru u f’konformità mal-liġi internazzjonali u l-liġi tal-Unjoni, tirriżulta f’limitazzjoni sinifikanti tad-dritt tal-applikant irrifjutat li jibqa’ fit-territorju filwaqt li jistenna appell kontra r-rifjut, u b’riżultat ta’ dan il-petizzjonant ikollu jiġu rritornat qabel ma l-appell jiġi deċiż. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jispjegaw li, f’każ bħal dan, ordni ta’ ritorn tista’ tkun akkumpanjata minn projbizzjoni tad-dħul fl-Unjoni ta’ massimu ta’ ħames snin.

 

5.  Is-suġġett tad-data għandu jinżamm biss għal perjodu qasir kemm jista’ jkun, u skont il-minimu neċessarju, kif previst mil-liġi tal-Unjoni.

 

6.  Irrispettivament minn jekk iddeċiedewx li jżommu s-suġġett tad-data jew le, l-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni u pariri biex jiġu spjegati lis-suġġett tad-data d-drittijiet u l-obbligi tagħhom, inkluż id-dritt għal rimedju effettiv, jew bħala migranti irregolari jew inkella bħala persuna li qed tfittex l-asil. Dan għandu jinkludi spjegazzjoni tar-Regolament ta’ Dublin u jista’ jinkludi l-użu ta’ fuljetti komuni skont l- [Anness X sa XII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 118/20141d]. L-ispjegazzjoni tar-Regolament ta’ Dublin għandha tinkludi elementi li jistgħu jkunu relevanti jekk is-suġġett tad-data japplika għall-asil, bħalma huma r-regoli dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja.

 

7.  Jekk il-pariri inizjali ma jkunx ta’ suċċess, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw, b’rispett sħiħ tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, li jużaw il-koerżjoni bħala l-aħħar alternattiva. Jekk Stat Membru jagħżel li jagħmel dan, is-suġġetti tad-data għandu jkun infurmat li l-koerżjoni tista’ tintuża sabiex jittieħdu l-marki tas-swaba’ tiegħu. Jekk is-suġġett tad-data jibqa’ jirrifjuta li jikkoopera, uffiċjali mħarrġa fl-użu proporzjonat ta’ miżuri ta’ koerżjoni jistgħu japplikaw il-livell minimu ta’ koerżjoni mitlub, filwaqt li jiżguraw ir-rispett tad-dinjità u l-integrità tas-suġġett tad-data, kif speċifikat fi proċedura approvata għat-teħid tal-marki tas-swaba’. Din il-proċedura għandha tinkludi spjegazzjoni ċara biex lis-suġġett tad-data dwar il-passi li l-uffiċjal ikun bi ħsiebu jieħu sabiex jisforza l-kooperazzjoni. L-uffiċjal għandu juri li ma kien hemm l-ebda miżura alternattiva oħra prattikabbli u raġonevoli minbarra l-koerżjoni. Valutazzjoni każ b’każ għandha dejjem isseħħ dwar jekk ikunx hemm din l-alternattiva, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi u l-vulnerabbiltajiet tal-persuna kkonċernata. L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li qatt ma huwa xieraq li tintuża l-forza biex jiġi furzat it-teħid tal-marki tas-swaba’ ta’ ċerti persuni vulnerabbli, bħall-minuri jew in-nisa tqal. Jekk xi grad ta’ koerżjoni huwa użat għal persuni vulnerabbli, għandu jkun żgurat li l-proċedura użata tkun adattata speċifikament għal persuni bħal dawn. L-użu ta’ koerżjoni għandu dejjem ikun irreġistrat u rekord tal-proċedura għandu jinżamm għat-tul ta’ żmien meħtieġ sabiex jippermetti lill-persuna kkonċernata li legalment tikkontesta l-azzjonijiet tal-awtorità.

 

8.  L-Istati Membri għandhom jagħmlu sforz biex jevitaw it-teħid tal-marki tas-swaba’ tal-migranti darbtejn. Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jwettqu l-identifikazzjoni għal skopijiet ta’ Asil/Dublin l-identifikazzjoni tal-migranti irregolari skont il-liġi nazzjonali għal ritorn u finijiet leġittimi oħrajn, li ma jkunux inkompatibbli mal-finijiet tal-Asil/Dublin, f’att wieħed (“uno actu”), u b’hekk jillimitaw il-piż kemm għall-amministrazzjoni kif ukoll għall-migranti. L-Istati Membri għandu jkollhom fis-seħħ sistemi sabiex ikunu jistgħu jużaw l-istess sett ta’ marki tas-swaba’ kemm għall-ħżin fis-sistemi awtomatizzati għall-identifikazzjoni tal-marki tas-swaba’nazzjonali tagħhom kif ukoll biex dawn jiġu trażmessi lis-Sistema Ċentrali tal-Eurodac. L-identifikazzjoni u t-teħid tal-marki tas-swaba’ għandhom iseħħu mill-iktar fis possibbli fil-proċedura.

 

9.  F’każijiet fejn applikant ikun ġarrab ħsara fit-truf tas-swaba’ tiegħu jew inkella għamilha impossibbli li jittieħdu l-marki tas-swaba’ tiegħu, pereżempju permezz tal-użu ta’ kolla, u fejn ikun hemm probabilità raġonevoli li fi żmien qasir ser ikun possibbli li jittieħdu dawn il-marki tas-swaba’, l-Istati Membri jistgħu jqisu li huwa neċessarju li hu jinżamm f’detenzjoni sakemm il-marki tas-swaba’ tiegħu ma jkunux jistgħu jittieħdu. Tentattivi biex jerġgħu jittieħdu l-marki tas-swaba’ tas-suġġetti tad-data għandhom isiru f’intervalli regolari.

 

10.  Wara s-suċċess fit-teħid tal-marki tas-swaba’, is-suġġett tad-data għandu jiġi rilaxxat mid-detenzjoni, sakemm ma jkunx hemm raġuni speċifika kif speċifikat fid-Direttiva dwar ir-Ritorn jew skont il-liġi tal-Unjoni dwar l-asil, biex jinżamm ulterjorment.

 

_____________________

 

1a SWD(2015) 150 final

 

1b Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna apolida (riformulazzjoni), COM(2016)0270 .

 

1c Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98).

 

1c Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 118/2014 tat- 30 ta' Jannar 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1560/2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata f'wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz (ĠU L 39, 8.2.2014, p. 1).

 

Ġustifikazzjoni

Din l-emenda tikkonkretizza l-emendi 6 u 7 bl-introduzzjoni tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD(2015) 150 final. Hija għalhekk marbuta direttament ma’ dawn tal-aħħar.

 

 

PROĊEDURA TAL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Titolu

L-istabbiliment tal-”Eurodac” għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013, għall-idenifikazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li qed jirresjiedu illegalment u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi (riformulazzjoni)

Referenzi

COM(2016)0272 – C8-0179/2016 – 2016/0132(COD)

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

LIBE

12.9.2016

 

 

 

Opinjoni mogħtija minn

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

BUDG

12.9.2016

Rapporteur għal opinjoni

       Data tal-ħatra

Gérard Deprez

15.9.2016

Data tal-adozzjoni

6.3.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

13

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jonathan Arnott, Jean Arthuis, Richard Ashworth, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Esteban González Pons, Ingeborg Gräßle, Monika Hohlmeier, Bernd Kölmel, Vladimír Maňka, Siegfried Mureşan, Liadh Ní Riada, Jan Olbrycht, Paul Rübig, Jordi Solé, Patricija Šulin, Indrek Tarand, Tiemo Wölken, Stanisław Żółtek

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Paul Denanot, Anneli Jäätteenmäki, Louis Michel, Andrey Novakov, Tomáš Zdechovský

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Inés Ayala Sender, Olle Ludvigsson, Ulrike Rodust, Birgit Sippel, Kathleen Van Brempt

 

[1]   Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, COM(2016)468 final.
[2]   SWD(2015)150 final.