Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
6.2.2014
OPINJONI
tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
dwar ir-rapport ta’ inkjesta dwar ir-rwol u l-operazzjonijiet tat-Trojka (BĊE, Kummissjoni, FMI) fir-rigward tal-pajjiżi tal-programm taż-żona tal-euro
( 2013/2277(INI) )
Rapporteur għal opinjoni: Michael Theurer
PA_NonLeg
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jisħaq fuq il-fatt li, fil-bidu tal-kriżi finanzjarja, 16 mis-17-il Stat Membru taż-żona tal-euro kienu qed jiksru l-kriterji ta' Maastricht; ifakkar fl-importanza li jkun hemm konformità min-naħa tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni Ewropea; jemmen li hemm bżonn li l-mekkaniżmi ta' kontroll baġitarju jissaħħu biex tiġi implimentata l-politika għall-impjiegi u t-tkabbir fiż-żona tal-euro li hi stabbilita kemm fl-istrateġija ta' Lisbona u kemm fl-istrateġija Ewropa 2020; jindika li l-Unjoni naqset milli tipprovdi twissijiet bikrin effikaċi u sussegwentement milli tieħu azzjoni rigward id-defiċits akkumulati eċċessivi ta' dawk il-pajjiżi milqutin mill-kriżi u ma kellhiex il-mekkaniżmi ta' monitoraġġ xierqa għas-sorveljanza tagħhom;
2. Jirrikonoxxi l-fatt li l-kontribwenti Ewropej urew solidarjetà konsiderevoli mal-pajjiżi milqutin mill-kriżi u li saru sforzi sinifikanti fil-pajjiżi milqutin mill-kriżi biex jiġu affrontati l-problemi strutturali;
3. Jissottolinja l-fatt li impenji favur riformi strutturali huma prerekwiżit għall-appoġġ finanzjarju fiż-żona tal-euro;
4. Jisħaq fuq il-fatt li l-leġittimità demokratika tan-negozjati tat-Trojka u d-deċiżjonijiet tal-Grupp tal-Euro huma dgħajfa u għandhom jitqawwew, mingħajr ma wieħed jinsa' li t-Trojka hi sempliċiment korp tekniku;
5. Jemmen li anke l-programmi tagħha għall-aġġustament makroekonomiku għandhom jiġu evalwati bil-ħsieb li jkomplu jittejbu d-dispożizzjonijiet ġuridiċi u istituzzjonali għal sistema ta' kontroll baġitarju aktar effikaċi;
6. Jistenna li l-qrati tal-awdituri nazzjonali jassumu bis-sħiħ ir-responsabiltajiet ġuridiċi tagħhom fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni tal-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet finanzjarji u l-effikaċja tas-sistemi superviżorji u ta' kontroll; jistieden lill-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom f'dan ir-rigward, b'mod partikolari permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki;
7. Jistieden lill-Istati Membri isaħħu l-kompetenza esperta fl-organizzazzjonijiet governattivi u fil-banek ċentrali b'mod li jnaqqsu r-riskju li jkunu obbligati jħallsu għal kompetenza esperta esterna;
8. Jenfasizza li l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES), organizzazzjoni internazzjonali li tinsab fil-Lussemburgu u li taġixxi bħala sors permanenti ta' assistenza finanzjarja għall-Istati Membri f'diffikultà finanzjarja, li għandu kapaċità ta' self massima ta' EUR 500 biljun, għandu jiġi obbligat jagħti rendikont ta' għemilu direttament lill-Parlament; jistenna li l-MES joħroġ rapport sħiħ kull sitt xhur dwar l-attivitajiet tiegħu lill-kumitati parlamentari kkonċernati; jirrakkomanda bis-saħħa, f'dan ir-rigward, li l-MES jiċċaqlaq lejn ġestjoni bil-metodu Komunitarju, kif previst fit-Trattat dwar il-MES; jirrikjedi wkoll li l-MES jiġi obbligat jagħti rendikont ta' għemilu lill-Parlament;
9. Jikkritika l-fatt li t-Trattat dwar il-MES jonqsu biżżejjed dispożizzjonijiet biex jiġi żgurat awditjar estern effikaċi; jiddispjaċih dwar il-fatt li, fl-Artikolu 24 (dwar il-bord tal-awdituri) tar-regolamenti għat-Trattat, il-Qorti tal-Awdituri tista' tinnomina biss membru wieħed, filwaqt li l-President jista' jipproponi tnejn;
10. Jinsab imħasseb dwar id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24, paragrafu 6 tar-regolamenti għat-Trattat, skont liema l-proċedura miftiehma biex jiġi informat il-Parlament hi li jinħareġ biss ir-rapport annwali tal-Bord tal-Awdituri lill-Parlament; jissottolinja d-dritt tal-Parlament li jorganizza dibattitu dwar ir-rapport annwali mal-Bord tal-Awdituri fil-preżenza tal-Bord tal-Gvernaturi tal-MES;
11. Jistenna li l-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Istati Membri jiżviluppaw politika koerenti u b'saħħitha biex jiġġieldu l-evażjoni fiskali (inkluża l-evażjoni tal-VAT) u l-frodi fiskali, inkluża azzjoni kkoordinata kontra t-tranżazzjonijiet finanzjarji offshore u r-rifuġji fiskali, mingħajr dewmien ulterjuri;
12. Jindika li r-rati ta' kofinanzjament għall-fondi strutturali tal-UE ġew miżjuda biex laħqu l-95 % għal uħud mill-Istati Membri li l-aktar intlaqtu mill-kriżi u li rċevew assistenza finanzjarja taħt programm ta' aġġustament; jisħaq fuq il-fatt li hemm bżonn li l-amministrazzjonijiet lokali u nazzjonali jissaħħu biex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-programmi tal-UE, b'mod li jitħaffef l-assorbiment tal-fondi strutturali;
13. Jiddispjaċih dwar ir-riżultati insuffiċjenti tal-istrateġija ta' Lisbona u jfakkar fil-fatt li l-appoġġ tal-UE għandu jkun iffokat fuq it-tkabbir u l-impjiegi;
14. Jieħu nota tar-rikjesti biex jiġi stabbilit Fond Monetarju Ewropew (FME) biex jissostitwixxi t-Trojka u l-MES; jikkunsidra li FME ta' dan it-tip ikun jeħtieġ li jiġi stabbilit bl-użu ta' strumenti tal-UE, imma jiġi ffinanzjat mill-kontribwenti tal-Istati Membri; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza ta' ġestjoni kredibbli u indipendenti tal-kriżijiet; iqis għalhekk li t-tkomplija tal-involviment tal-FMI hi prijorità fil-ġestjoni tal-kriżijiet Ewropea.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni | 22.1.2014 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 21 2 1 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Marta Andreasen, Jean-Pierre Audy, Inés Ayala Sender, Tamás Deutsch, Martin Ehrenhauser, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Cătălin Sorin Ivan, Monica Luisa Macovei, Monika Panayotova, Petri Sarvamaa, Theodoros Skylakakis, Søren Bo Søndergaard, Michael Theurer | |||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali | Thijs Berman, Barbara Weiler | |||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali | Emer Costello, Jürgen Creutzmann, Albert Deß, Ismail Ertug, Richard Falbr, Peter Jahr, Elisabeth Jeggle, Teresa Jiménez-Becerril Barrio | |||