Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
11.10.2012
OPINJONI
tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali
dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ
( COM(2011)0635 – C7–0329/2011 – 2011/0284(COD) )
Relatur: Marianne Thyssen
PA_Legam
ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA
A. Is-sustanza tal-proposta
Permezz ta’ din il-proposta għal Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, il-Kummissjoni għandha l-għan li telimina mis-suq intern l-ostakli li jirriżultaw minn differenzi fil-liġi kuntrattwali bejn l-Istati Membri. Dan l-istrument jintroduċi fil-liġi nazzjonali sett alternattiv ta’ dispożizzjonijiet dwar il-liġi kuntrattwali li fihom il-kummerċjanti jistgħu jagħżlu li jipparteċipaw (sistema “opt-in”), sakemm il-konsumatur ma joġġezzjonax espliċitament għal dan. L-għażla li wieħed jirrikorri għal dan l-istrument tista’ ssir biss għall-kuntratti ta’ bejgħ transkonfinali relatati ma’ beni mobbli materjali, kontenut diġitali u l-kuntratti ta’ servizzi relatati, bejn in-negozjanti u l-konsumaturi (B2C) jew inkella bejn żewġ negozjanti, sakemm wieħed minnhom ikun SME (B2B). L-istati Membri jistgħu, madankollu, jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni għal kuntratti interni u kuntratti tat-tip B2B li ma jinvolvu l-ebda SME.
Il-Kummissjoni hija tal-fehma li sett uniformi ta’ regoli ta’ liġi kuntrattwali jista’ jwassal għal tnaqqis fl-ispejjeż ta’ tranżazzjoni għan-negozjanti, partikolarment l-SMEs. Is-sistema proposta tagħti lill-konsumaturi firxa ta’ prodotti minn fejn jagħżlu aktar wiesgħa u aktar kompetittiva u livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u kif ukoll ċertezza legali.
B. Osservazzjonijiet tar-Rapporteur
Id-differenzi fil-liġi kuntrattwali jikkostitwixxu ostaklu, anki jekk mhuwiex l-ikbar wieħed. Madankollu, xorta waħda, dak li jista’ jsir biex jiġi eliminat, għandu jsir. Bħala rapporteur għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, inqis li rridu noqogħdu partikolarment attenti għar-riperkussjonijiet ekonomiċi konkreti ta’ din il-proposta u għall-ottimizzazzjoni tal-valur miżjud tagħha, kemm għall-intrapriżi kif ukoll għall-konsumaturi.
Il-kwistjoni fundamentali hija li nkunu nafu jekk l-ispiża tad-diversità attwali hijiex aktar qawwija mill-ispiża tar-reġim il-ġdid F’dan ir-rigward huwa xieraq li nżommu f’moħħna li l-qafas legali għall-ftehimiet ta’ bejgħ transkonfinali għadu jinsab wisq f’sitwazzjoni ta’ riorganizzazzjoni sħiħa minħabba d-direttiva adottata reċentement dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur, il-proposti leġiżlattivi dwar soluzzjoni ta’ kunflitti alternattivi u onlajn u l-valutazzjoni tar-Regolament Rome I previst għall-2013 Madankollu, minkejja analiżi tal-impatt li r-riżultati tagħha mhumiex kompletament ċari, jidher li aktarx li reġim uniformi fakultattiv jista’ jkollu valur miżjud għas-suq intern. Ir-reazzjonijiet tal-gruppi ta’ interess għal din il-proposta pjuttost juru li l-“benefiċċji” se jkunu pjuttost modesti. Sabiex jiġi żgurat li l-istrument jintgħażel effettivament min-negozjanti, għandu jkollu valur miżjud sostanzjali. Konsegwentement, id-dettalji prattiċi tar-reġim uniformi msemmi għandhom ikunu ċari, għandhom joffru ċertezza legali massima u ma jinkludux spejjeż addizzjonali li jnaffru lin-negozjanti. Barra minn hekk, il-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn livell għoli ta’ protezzjoni.
Peress li n-negozjati diffiċli dwar id-Direttiva relattiva għad-Drittijiet tal-Konsumatur xeħtet dawl fuq il-limiti tal-armonizzazzjoni massima (bħala l-aħjar għażla minn kollha), ir-rapporteur huwa favorevoli għal deċiżjoni ta’ strument fakultattiv.
Ir-rapporteur jilqa’ ugwalment l-inklużjoni tar-relazzjonijiet kuntrattwali tat-tip B2B fil-proposta. L-SMEs fil-fatt jibbenefikaw minn tnaqqis fl-ispejjeż legali fil-qafas tar-relazzjonijiet professjonali tagħhom. Barra minn hekk, il-valutazzjoni tal-impatt turina li huwa proprjament fis-simplifikazzjoni tan-negozjati bejn l-SMEs li jinsab vantaġġ ekonomiku potenzjali kbir. Fl-istess ħin, dan jirrikonoxxi l-pożizzjoni fin-negozjati spiss aktar dgħajfa tal-SMEs fir-relazzjonijiet tat-tip B2B. Ir-rapporteur tilqa’, għaldaqstant, bil-ferħ il-karattru vinkolanti tad-dispożizzjonijiet relattivi għad-dewmien fil-ħlas min-negozjanti Dan l-istrument Ewropew dwar il-liġi tal-bejgħ, minkejja kollox, għandu jkun aktar adattat għall-ħtiġijiet tal-SMEs
Din il-proposta tonqos milli tirregola numru ta’ elementi kuntrattwali, u minħabba f’hekk l-impriżi aktarx li jkollhom ifittxu parir dwar il-liġi barranija, u konsegwentement iċ-ċertezza legali ma tinkisibx Huwa partikolarment in-nuqqas ta' dispożizzjonijiet dwar it-trasferiment ta’ proprjetà li jirriżulta problematiku. Meta jsir l-ewwel rieżami, l-aktar tard, għandu jiġi żgurat jekk l-elementi msemmija fil-Premessa 27, u partikolarment it-trasferiment ta’ proprjetà, għandhomx jiġu regolati f’dan ir-regolament.
Għalkemm, kif kien intalab f’rapport għal opinjoni preċedenti tal-Parlament, is-servizzi finanzjarji jibqgħu fil-prinċipju barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament, dan il-punt għandu jiġi ċċarat ulterjorment f’ċerti aspetti.
Peress li dan l-istrument huwa maħsub partikolarment li jillimita l-ispejjeż tan-negozju transkonfinali għall-SMEs, il-Kummissjoni għandha, bi ftehim ma’ organizzazzjonijiet rappreżentattivi, tagħti lil-liġi Ewropea dwar il-bejgħ forma konkreta rigward il-kuntratti tipiċi. Dan jikkontribwixxi għaċ-ċertezza legali u biex ir-rimedju jiġi ffaċilitat.
Fl-aħħar nett, ir-rapporteur temmen li, fid-dawl tat-tħassib espress mill-partijiet interessati, il-kumitat responsabbli, JURI, u l-kumitat assoċjat, IMCO, se jikkonċentraw fuq l-ambigwitajiet terminoloġiċi numerużi, fuq il-ħtieġa li jiġi ċċarat li l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Rome I ma jkollux l-effett li d-drittijiet tal-konsumatur ipprovduti fl-istrument relattiv għal-liġi tal-bejgħ jiġu superati wara kollox minn dispożizzjonijiet nazzjonali aktar stretti, l-ambigwità fil-formulazzjoni tal-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament, u bilanċ aħjar bejn id-drittijiet u l-obbligi tan-negozjanti u l-konsumaturi, sabiex is-sistema tkun magħmula attraenti biżżejjed.
EMENDI
Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora l-emendi li ġejjin fir-rapport tiegħu:
Emenda 1
Proposta għal regolament
Premessa 19a (ġdida)
| |
Abbozz ta' riżoluzzjoni leġiżlattiva | Emenda |
| (19a) Fid-dawl tan-natura partikolari tagħhom, is-servizzi finanzjarji għandhom jibqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta' dan ir-regolament. Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta' dan ir-regolament, "servizzi finanzjarji” tfisser, għalkemm mhux b'mod esklussiv, is-servizzi u l-attivitajiet ta' istituzzjoni ta’ kreditu, ta’ istituzzjoni finanzjarja jew ta’ impriża ta’ servizzi anċillari skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1), (5) u (21) tad-Direttiva 2006/48/KE; ta' impriża tal-assigurazzjoni, impriża tar-riassigurazzjoni jew kumpanija b'parteċipazzjoni tal-assigurazzjoni skont it-tifsira tal-Artikoli 13(1) u (2), 13(4) u (5) u 212(1)(f) tad-Direttiva 2009/138/KE; ta' kumpanija tal-investiment skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 2006/49/KE; ta' fornitur ta’ servizzi ta’ pagament skont it-tifsira tal-Artikolu 4(9)(a) tad-Direttiva 2007/64/KE; ta’ emittent ta’ flus elettroniċi fis-sens tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2009/110/KE; ta’ intermedjarju tal-kreditu jew istituzzjoni mhux tal-kreditu skont it-tifsira tal-Artikolu 3(e) u (i), tad-Direttiva .../.../KE [proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ftehimiet ta’ kreditu għall-konsumaturi relatati mal-proprjeta' immobbli]; ta’ kreditur jew intermedjarju tal-kreditu skont it-tifsira tal-Artikolu 3(b) jew (f) tad-Direttiva 2008/48/KE. Il-forniment ta’ servizz ta’ skambju ta’ valuta wkoll għandu jiġi kkunsidrat bħala servizz finanzjarju. |
Ġustifikazzjoni
Ir-rapporteur tqis li huwa mixtieq li l-esklużjoni tas-servizzi finanzjarji mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament għandu jkun iddikkjarat b’mod espliċitu fil-preambolu u li għandha tiddaħħal deskrizzjoni mhux eżawrjenti ta’ din il-kategorija.
Emenda 2
Proposta għal regolament
Premessa 30
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
(30) Il-libertà kuntrattwali għandha tkun il-prinċipju ta’ gwida li fuqu tissejjes il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ. L-awtonomija tal-partijiet għandha tkun ristretta biss meta jkun indispensabbli u sal-punt meħtieġ, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Meta jkun hemm din il-ħtieġa, in-natura obbligatorja tar-regoli inkwistjoni għandha tkun indikata b’mod ċar. | (30) Il-libertà kuntrattwali għandha tkun il-prinċipju ta’ gwida li fuqu tissejjes il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ. L-awtonomija tal-partijiet għandha tkun ristretta biss meta jkun indispensabbli u sal-punt meħtieġ, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur u għall-protezzjoni tal-SMEs. Meta jkun hemm din il-ħtieġa, in-natura obbligatorja tar-regoli inkwistjoni għandha tkun indikata b’mod ċar. |
Ġustifikazzjoni
Għalkemm il-libertà kuntrattwali hija verament element essenzjali, għandu jiġi rikonoxxut b'mod ċar li fir-realtà l-SMEs jinsabu f'pożizzjoni aktar dgħajfa f' ċerti relazzjonijiet B2B, u dan għandu jiġi rrimedjat fejn meħtieġ.
Emenda 3
Proposta għal regolament
Premessa 34a (ġdida)
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
| (34a) Sabiex il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ tkun magħmula kemm jista’ jkun faċli biex tiġi applikata għan-negozjanti, partikolarment l-SMEs, u biex tkun konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni se tfassal kuntratti standard Ewropej fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, b’konsultazzjoni ma’ organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-konsumaturi u lin-negozjanti. |
Ġustifikazzjoni
Kemm il-kumplessità ta' din il-proposta, li hija ta’ dispjaċir, kif ukoll in-nuqqas ta’ kompetenza ġuridika esperta interna tal-SMEs jagħmlu t-tfassil ta’ kuntratti standard Ewropej ħaġa mixtieqa ħafna.
Emenda 4
Proposta għal regolament
Premessa 34b (ġdida)
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
| (34b) Barra minn hekk, il-Kummissjoni se torganizza taħriġ kemm għall-ġuristi kif ukoll għar-rappreżentanti professjonali u għall-organizzazzjonijiet interprofessjonali tan-negozju. Għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dwar kif dan ir-Regolament jinteraġixxi mad-Direttiva .../.../UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' ... dwar riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim għall-konsumaturi1 u r-Regolament (UE) Nru xxxx/xxxx tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' ... dwar soluzzjonijiet onlajn għal tilwim tal-konsumaturi2. |
| __________________ |
| 1 ĠU L, ... |
| 2 ĠU L, ... |
Ġustifikazzjoni
L-organizzazzjonijiet professjonali u interprofessjonali tan-negozju spiss għandhom rwol importanti biex jinfurmaw lill-membri tagħhom dwar regolament eżistenti u ġdid, u għaldaqstant huma eliġibbli għal taħriġ rigward ir-reġim il-ġdid tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ.
Emenda 5
Proposta għal regolament
Premessa 35
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
(35) Huwa tajjeb li ssir reviżjoni tal-funzjonament tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ jew kwalunkwe dispożizzjoni oħra tar-Regolament wara seba' snin ta' operat. L-analiżi għandha tqis fost affarijiet oħrajn, il-ħtieġa biex jiġi estiż aktar il-kamp ta' applikazzjoni fir-rigward tal-kuntratti bejn in-negozji, l-iżviluppi tas-suq u l-iżviluppi teknoloġiċi fir-rigward tal-kontenut diġitali u l-iżviluppi tal-acquis tal-Unjoni fil-futur. | (35) Huwa tajjeb li ssir reviżjoni tal-funzjonament tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ jew kwalunkwe dispożizzjoni oħra tar-Regolament wara seba' snin ta' operat. L-analiżi għandha tqis fost affarijiet oħrajn, il-ħtieġa biex jiġi estiż aktar il-kamp ta' applikazzjoni fir-rigward tal-kuntratti bejn in-negozji, il-ħtieġa tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, b’mod partikolari t-trasferiment tas-sjieda, ir-regoli dwar ilmenti in tort, l-iżviluppi tas-suq u l-iżviluppi teknoloġiċi fir-rigward tal-kontenut diġitali u l-iżviluppi tal-acquis tal-Unjoni fil-futur. Sabiex jiġu żviluppati strumenti ekwivalenti biex jintużaw għal kuntratti aktar sofistikati, bħal kuntratti marbuta mal-assigurazzjoni jew mas-servizzi finanzjarji, ir-reviżjoni għandha tikkunsdra wkoll l-possibilità li jiġu żviluppati tali strumenti bħala parti minn liġi komuni Ewropea aktar komprensiva, inklużi r-regoli dwar il-liġi dwar l-assigurazzjoni u t-trasport. Bl-istess mod għandha tiġi kkunsidrata l-possibilità li titfassal liġi komuni Ewropea dwar l-insolvenza, inklużi regoli dwar l-esklużjoni mis-suq. |
Ġustifikazzjoni
Minkejja l-għan li tipprovdi sett komprensiv ta' dispożizzjonijiet dwar il-liġi kuntrattwali, il-proposta ma tirregolax għadd ta' aspetti essenzjali tar-relazzjoni kuntrattwali, u b'hekk jinħoloq riskju reali li n-negozji xorta jkollhom iħallsu l-ispejjeż ta' parir legali dwar reġim barrani. In-nuqqas ta' dispożizzjonijiet rigward it-trasferiment ta' sjieda huwa partikolarment problematiku. Għaldaqstant, meta jsir l-ewwel rieżami, l-aktar tard, il-Kummissjoni għandha tiżgura jekk l-elementi msemmija fil-Premessa 27 – partikolarment it-trasferiment ta’sjieda – għandhomx jiġu trattati bl-istess mod f’dan ir-regolament.
Emenda 6
Proposta għal regolament
Artikolu 2 – punt h – punt iia (ġdid)
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
| (iia) ix-xiri ta’ valuta barranija; |
Ġustifikazzjoni
Għalkemm fil-prinċipju s-servizzi finanzjarji huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament, għandu jkun hemm kjarifika supplimentari biex jiġi evitat li dawn jiġu inklużi fil-kamp aċċidentalment.
Emenda 7
Proposta għal regolament
Artikolu 2 – punt j – punt i
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
(i) servizzi finanzjarji, inklużi s-servizzi bankarji onlajn; | (i) servizzi finanzjarji, inklużi s-servizzi bankarji onlajn, is-servizzi ta' pagament u l-ħruġ ta' flus elettroniċi; |
Ġustifikazzjoni
Għalkemm fil-prinċipju s-servizzi finanzjarji huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament, għandu jkun hemm kjarifika supplimentari biex jiġi evitat li dawn jiġu inklużi fil-kamp b'mod aċċidentali.
Emenda 8
Proposta għal regolament
Artikolu 2 – punt m – punt iv
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
(iv) servizzi finanzjarji; | (iv) servizzi finanzjarji inklużi s-servizzi ta' pagament u l-ħruġ ta’ flus elettroniċi u l-assigurazzjoni ta' kwalunkwe tip kemm għal beni u kontenut diġitali kif ukoll oħrajn; |
Ġustifikazzjoni
Għalkemm fil-prinċipju s-servizzi finanzjarji huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament, għandu jkun hemm kjarifika supplimentari biex jiġi evitat li dawn jiġu inklużi fil-kamp b'mod aċċidentali.
Emenda 9
Proposta għal regolament
Artikolu 7 – paragrafu 1
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
1. Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ tista' tintuża biss jekk il-bejjiegħ tal-merkanzija jew il-fornitur tal-kontenut diġitali jkun kummerċjant. Fejn il-partijiet kollha f’kuntratt ikunu kummerċjanti, il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ tista’ tintuża jekk mill-inqas waħda minn dawn il-partijiet tkun impriża żgħira jew ta’ daqs medju (‘SME’). | 1. Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ tista' tintuża biss jekk il-bejjiegħ tal-merkanzija jew il-fornitur tal-kontenut diġitali jkun kummerċjant. |
Ġustifikazzjoni
Il-projbizzjoni tal-użu tas-CESL għal kuntratti bejn kummerċjanti mhux SME tidher arbitrarja. Peress li dan huwa reġim opt-in, nipproponu li din il-projbizzjoni titneħħa peress li l-kummerċ transkonfinali bejn kumpaniji ikbar jista' jibbenefika wkoll mis-CESL.
Emenda 10
Proposta għal regolament
Artikolu 14a (ġdid)
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
| Artikolu 14a |
| Sett ta' strumenti |
| Sa ... [sena wara d-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament], il-Kummissjoni għandha tressaq "sett ta' strumenti" biex jikkompleta l-Liġi Ewropea Komuni dwar il-Bejgħ. Is-sett tal-istrumenti għandu jinkludi tal-anqas mudell b'termini u kundizzjonijiet standard skont il-Liġi Ewropea Komuni dwar il-Bejgħ kif ukoll memorandum ta' spjegazzjoni li jipprovdi diskussjoni artikolu b'artiklu tal-Liġi Ewropea Komuni dwar il-Bejgħ; |
Emenda 11
Proposta għal regolament
Artikolu 15 – paragrafu 1
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
1. Sa … [erba' (4) snin mid-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament], l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari dwar il-livell ta’ aċċettazzjoni tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, il-punt sa fejn id-dispożizzjonijiet tagħha jkunu taw lok għal litigazzjoni u dwar il-qagħda attwali li tikkonċerna differenzi fil-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur bejn il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ u l-liġi nazzjonali. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi deskrizzjoni ġenerali komprensiva tal-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali li tinterpreta d-dispożizzjonijiet tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ. | 1. Sa … [erba' (4) snin mid-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament], l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, li tivvaluta b’mod partikolari l-livell ta’ aċċettazzjoni tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, minn kummerċjanti SME u mhux SME u jekk irriżultatx fi tnaqqis tal-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet, il-punt sa fejn id-dispożizzjonijiet tagħha jkunu taw lok għal litigazzjoni u l-qagħda attwali li tikkonċerna differenzi fil-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur bejn il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ u l-liġi nazzjonali. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi deskrizzjoni ġenerali komprensiva tal-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali li tinterpreta d-dispożizzjonijiet tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ. |
Emenda 12
Proposta għal regolament
Artikolu 15 – paragrafu 2
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
2. Sa … [ħames (5) snin mid-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament], il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dettaljat li jirrevedi l-operat ta’ dan ir-Regolament, filwaqt li tqis fost affarijiet oħrajn, il-ħtieġa biex jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni fir-rigward tal-kuntratti bejn in-negozji, l-iżviluppi tas-suq u l-iżviluppi teknoloġiċi fir-rigward tal-kontenut diġitali u l-iżviluppi tal-acquis tal-Unjoni fil-futur. | 2. Sa … [ħames (5) snin mid-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament], il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dettaljat li jirrevedi l-operat ta’ dan ir-Regolament, filwaqt li tqis fost affarijiet oħrajn, il-ħtieġa biex jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni fir-rigward tal-kuntratti bejn in-negozji, il-bżonn ta' Liġi Ewropea Komuni dwar il-Bejgħ biex jiġu inklużi d-dispożizzjonijiet li jirregolaw dawk l-aspetti tar-relazzjoni kuntrattwali li attwalment mhumiex regolati permezz tal-Liġi Ewropea Komuni dwar il-Bejgħ, partikolarment it-trasferiment tas-sjieda u r-regoli dwar ilmenti "in tort" l-iżviluppi tas-suq u l-iżviluppi teknoloġiċi fir-rigward tal-kontenut diġitali u l-iżviluppi tal-acquis tal-Unjoni fil-futur. |
| Ir-reviżjoni għandha, b'mod partikolari, tivvaluta jekk l-applikazzjoni tal-Liġi Ewropea Komuni dwar il-Bejgħ għenitx biex tiżdied il-fiduċja tal-konsumaturi fil-kummerċ transkonfinali u biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-operazzjonijiet. Din għandha tivvaluta wkoll l-impatt fuq il-konsumaturi vulnerabbli. Barra minn hekk, biex jinżamm livell għoli ta' ħarsien tal-konsumaturi skont il-Liġi Ewropea Komuni dwar il-Bejgħ, ir-rapport għandu jqis kwalunkwe tibdil magħmul fl-emendi intermedjarji għad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar id-drittijiet tal-konsumaturi1. |
| Fir-rigward ta' kwistjonijiet ta’ natura kuntrattwali u dawk mhux kuntrattwali barra mill-kamp tal-Liġi Ewropea dwar il-Bejgħ iżda li, minkejja kollox, jikkonċernaw aspetti tar-relazzjoni kuntrattwali, il-Kummissjoni għandha tiddiskuti s-suġġetti li ġejjin: it-trasferiment tas-sjieda, l-personalità ġuridika, l-invalidità ta’ kuntratt li tirriżulta minn nuqqas ta’ kapaċità, l-illegalità jew l-immoralità, id-determinazzjoni tal-lingwa tal-kuntratt, il-kwistjonijiet ta’ non-diskriminazzjoni, ir-rappreżentanza, il-pluralità ta’ debituri u kredituri, it-tibdil tal-partijiet inkluża l-assenjazzjoni, it-tpaċija (set-off) u l-merġers, il-liġi tal-proprjetà, inkluż it-trasferiment tas-sjieda, il-liġi tal-proprjetà intellettwali u il-liġi tar-responsabbiltà fid-delitt u t-twettiq parallel ta’ azzjonijiet konkurrenti b’responsabbiltà kuntrattwali jew mhux kuntrattwali barra mill-kamp tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ |
| –––––––––––––––––– |
| 1 ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64 |
Ġustifikazzjoni
Minkejja l-għan li tipprovdi sett komprensiv ta' dispożizzjonijiet dwar il-liġi kuntrattwali, il-proposta ma tirregolax għadd ta' aspetti essenzjali tar-relazzjoni kuntrattwali, u b'hekk jinħoloq riskju reali li n-negozji xorta jkollhom iħallsu l-ispejjeż ta' parir legali dwar reġim barrani. In-nuqqas ta' dispożizzjonijiet rigward it-trasferiment ta' sjieda huwa partikolarment problematiku. Għaldaqstant, meta jsir l-ewwel rieżami, l-aktar tard, il-Kummissjoni għandha tiżgura jekk l-elementi msemmija fil-Premessa 27 – partikolarment it-trasferiment ta’sjieda ta' proprjetà – għandhomx jiġu trattati bl-istess mod f’dan ir-regolament.
Emenda 13
Proposta għal regolament
Anness I – Artikolu 4 – paragrafu 2
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
2. Kwistjonijiet fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ iżda mhux espressament determinati minnha għandhom jiġu determinati skont l-għanijiet u l-prinċipji li fuqhom hija bbażata u d-dispożizzjonijiet kollha tagħha, mingħajr rikors għal-liġi nazzjonali li tkun applikabbli fin-nuqqas ta' ftehim dwar l-użu tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ jew għal kwalunkwe liġi oħra. | 2. Kwistjonijiet fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ iżda mhux espressament determinati minnha kemm jista' jkun għandhom jiġu determinati skont l-għanijiet u l-prinċipji li fuqhom hija bbażata u d-dispożizzjonijiet kollha tagħha, |
Emenda 14
Proposta għal regolament
Anness 1 − Artikolu 20 − paragrafu 1 − punt b
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
(b) il-prezz totali u l-imposti u l-ispejjeż addizzjonali, skont l-Artikolu 14(1); | (b) il-prezz totali u l-imposti u l-ispejjeż addizzjonali, skont l-Artikolu 14(1) u (2); |
Ġustifikazzjoni
Jekk il-kuntratt jiġi ffirmat fil-post tal-kummerċjant, mhuwiex ċar għaliex il-konsumtur ma jistax ikollu l-informazzjoni dwar il-prezz skont l-Artikolu 14.
PROĊEDURA
Titolu | Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ | |||
Referenzi | COM(2011)0635 – C7-0329/2011 – 2011/0284(COD) | |||
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja | JURI 25.10.2011 |
|
|
|
Opinjoni mogħtija minn Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja | ECON 25.10.2011 | |||
Rapporteur għal opinjoni Data tal-ħatra | Marianne Thyssen 14.11.2011 | |||
Eżami fil-kumitat | 25.6.2012 | 19.9.2012 |
|
|
Data tal-adozzjoni | 9.10.2012 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 34 4 0 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Burkhard Balz, Elena Băsescu, Jean-Paul Besset, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Nikolaos Chountis, George Sabin Cutaş, Leonardo Domenici, Diogo Feio, Markus Ferber, Elisa Ferreira, Ildikó Gáll-Pelcz, Jean-Paul Gauzès, Sven Giegold, Sylvie Goulard, Liem Hoang Ngoc, Gunnar Hökmark, Wolf Klinz, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Philippe Lamberts, Arlene McCarthy, Sławomir Witold Nitras, Ivari Padar, Alfredo Pallone, Anni Podimata, Antolín Sánchez Presedo, Olle Schmidt, Peter Simon, Theodor Dumitru Stolojan, Ivo Strejček, Sampo Terho, Marianne Thyssen, Ramon Tremosa i Balcells, Corien Wortmann-Kool, Pablo Zalba Bidegain | |||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali | Sari Essayah, Ashley Fox, Robert Goebbels, Olle Ludvigsson | |||