Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

 

2013/0433(COD)

28.5.2015

OPINJONI

tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-ikklonjar ta' annimali tal-ispeċi bovina, porċina, ovina, kaprina u ekwina miżmuma u riprodotti għal skopijiet ta' biedja

( COM(2013)0892 – C7‑0002/2014 – 2013/0433(COD) )

Rapporteur għal opinjoni: Jude Kirton-Darling

 

PA_Legam

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

Il-kuntest

 

L-ikklonjar tal-annimali ("ikkupjar ġenetiku") għal skopijiet ta' biedja jqajjem kwistjonijiet etiċi, kif ukoll dwar is-saħħa u l-benessri tal-annimali u l-għażla tal-konsumatur, u joħloq sfida regolatorja fuq terminu ta' żmien twil. Fil-preżent l-ikklonjar huwa l-aktar użat għal produzzjoni ta' annimali għat-tnissil, u l-ikel li potenzjalment jinbiegħ fl-UE jkun derivat minn frieħ tal-kloni.

 

Bħalissa fl-UE t-tqegħid fis-suq ta' ikel minn kloni jeħtieġ approvazzjoni qabel ma jitqiegħed fis-suq abbażi ta' valutazzjoni xjentifika tas-sikurezza alimentari mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), kif irregolat skont ir-"Regolament dwar Ikel Ġdid" (KE) Nru 258/1997. Ir-rieżami attwali tiegħu jeskludi r-regolazzjoni tal-ikklonjar mill-kamp ta' applikazzjoni tiegħu u l-ikklonjar huwa ttrattat f'żewġ proposti separati tal-Kummissjoni tat-18 ta' Diċembru 2013. Sakemm din il-leġiżlazzjoni dwar l-ikel derivat minn annimali kklonjati u d-dixxendenti tagħhom tidħol fis-seħħ, l-ikklonjar jibqa' regolat mir-"Regolament dwar Ikel Ġdid" (KE) Nru 258/1997. S'issa l-ebda operatur tan-negozju ma applika għal awtorizzazzjoni biex ibigħ ikel magħmul bit-teknika tal-ikklonjar fl-UE.

 

Għalkemm fl-UE annimali ma jiġux ikklonjati għall-produzzjoni tal-ikel, l-ikklonjar agrikolu kummerċjali jsir f'diversi pajjiżi, inklużi l-Arġentina, l-Awstralja, il-Brażil, il-Kanada, u l-Istati Uniti u jista' jsir ukoll fiċ-Ċilì, iċ-Ċina, in-New Zealand u l-Urugwaj, fejn joperaw l-operaturi tal-ikklonjar.

 

Peress li laħam u ħalib minn dixxendenti ta' klonu u kloni nfushom jibdew jidħlu fil-katina tal-provvista tal-ikel, huwa essenzjali li tiġi żgurata regolazzjoni li tħares 'il quddiem u kundizzjonijiet ekwi f'dan il-qasam. Huwa importanti li wieħed jinnota li l-ebda pajjiż terz ma stabbilixxa sistemi ta' traċċabbiltà u ttikettar vijabbli jew sistemi ta' identifikazzjoni u reġistrazzjoni għal importazzjonijiet ta' frieħ ta' kloni jew ikel derivat minnhom.

 

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel li jinsabu fl-opinjoni tagħha tal-2008 u kkonfermati mill-ġdid fid-dikjarazzjonijiet tagħha fl-2009 u fl-2010 rrikonoxxew it-tħassib dwar is-saħħa u l-benessri tal-annimali minħabba r-rati ta' mortalità assoċjati mat-teknoloġija tal-ikklonjar. Il-pakkett propost dwar l-ikklonjar tal-annimali jieħu inkunsiderazzjoni t-tħassib mill-aspett tal-etika u t-tħassib dwar il-benessri tal-annimali, u għandu l-għan li jistabbilixxi aktar ċertezza legali f'dan il-qasam sa bejn wieħed u ieħor l-2016.

 

Kompatibbiltà mad-WTO

 

Ir-rapporteur tqis li huwa essenzjali li tiġi żgurata l-konsistenza regolatorja mal-qafas tad-WTO – il-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT), il-Ftehim dwar l-Applikazzjoni ta' Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji (SPS) u l-Ftehim dwar Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ (OTK) – u kundizzjonijiet ekwi fi ħdan is-sistema bbażata fuq ir-regoli.

 

It-teknika tal-ikklonjar attwalment ma tissodisfax l-istandards tal-benessri tal-annimali, u għandu jiġi kkunsidrat it-tħassib taċ-ċittadini tal-UE fir-rigward tal-ikklonjar u tal-benessri tal-annimali. Ma hemm l-ebda istandard SPS internazzjonali dwar l-ikklonjar u ebda evidenza bbażata fuq ix-xjenza li tipprova r-riskji fuq is-sikurezza alimentari. Minħabba li ma hemm l-ebda preokkupazzjoni diretta dwar is-sikurezza alimentari relatata mat-teknoloġija tal-ikklonjar, iżda aktar dwar is-saħħa u l-benessri tal-annimali, il-proposti attwali għandhom jissuperaw it-test tal-ftehimiet GATT u OTK.

 

L-Artikoli I u III tal-GATT jipprojbixxu miżuri li jirriżultaw f'diskriminazzjoni bejn "prodotti simili". Jekk ikel derivat mill-kloni u l-frieħ tagħhom ikunu "simili" għal ikel konvenzjonali, il-konsistenza tal-miżuri proposti mar-regoli tad-WTO jistgħu jkunu ġustifikabbli skont l-eċċezzjonijiet tal-Artikolu XX tal-GATT.

 

Il-proposti kienu nnotifikati mill-UE skont il-Ftehim dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ bħala biss miżura ta' prekawzjoni, peress li projbizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq ma jikkostitwixxux "regolament tekniku", b'kuntrast għall-introduzzjoni ta' kwalunkwe rekwiżit ta' tikkettar.

 

Kif ħareġ mit-tilwima dwar il-prodotti mill-foki (DS400 u DS401), l-Artikolu XX tal-GATT ikopri l-ħarsien tal-benessri tal-annimali u huwa ġġustifikat għall-preokkupazzjonijiet morali, jekk ma jikkostitwixxix "diskriminazzjoni arbitrarja u mhux ġustifikabbli".

 

Ir-rapporteur hija konvinta li projbizzjoni provviżorja fuq it-tqegħid fis-suq ta' kloni tal-annimali, kloni tal-embrijuni u ikel għall-konsum mill-bniedem li huwa derivat minn annimali kklonati u l-frieħ tagħhom hija miżura proporzjonata li tindirizza tħassib ġustifikat. Miżuri alternattivi bħal awtorizzazzjoni minn qabel u t-tikkettjar ma jsolvux kompletament it-tħassib mill-aspett etiku u dwar il-benessri tal-annimali f'dan il-każ.

EMENDI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u lill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, bħala l-kumitati responsabbli, jieħu inkunsiderazzjoni l-emendi li ġejjin:

 

 

Emenda  1

Proposta għal direttiva

Title

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Proposta għal

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-ikklonjar ta' annimali tal-ispeċi bovina, porċina, ovina, kaprina u ekwina miżmuma u riprodotti għal skopijiet ta' biedja

dwar l-ikklonjar ta' annimali tal-ispeċi bovina, porċina, ovina, kaprina u ekwina miżmuma u riprodotti għal skopijiet ta' biedja

 

(Din l-emenda tapplika għat-test leġiżlattiv kollu li qed jiġi eżaminat. L-adozzjoni tagħha tesiġi bidliet korrispondenti fit-test kollu.)

Ġustifikazzjoni

L-użu ta' Regolament bħala l-istrument ġuridiku jsaħħaħ iċ-ċertezza ġuridika u jiżgura l-konsistenza tal-infurzar, filwaqt li jirrispetta l-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità.

 

 

Emenda  2

Proposta għal direttiva

Premessa 3

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(3) Meta jitqiesu l-għanijiet tal-politika agrikola tal-Unjoni, ir-riżultati tal-valutazzjonijiet xjentifiċi riċenti tal-EFSA u r-rekwiżit dwar il-benessri tal-annimali previst fl-Artikolu 13 tat-Trattat, huwa prudenti li jiġi pprojbit b'mod provviżorju l-użu tal-ikklonjar fil-produzzjoni ta' annimali ta' ċerti speċi għal skopijiet ta' biedja.

(3) Meta jitqiesu l-għanijiet tal-politika agrikola tal-Unjoni, ir-riżultati tal-valutazzjonijiet xjentifiċi riċenti tal-EFSA u r-rekwiżit dwar il-benessri tal-annimali previst fl-Artikolu 13 tat-Trattat, huwa prudenti li jiġi pprojbit l-użu tal-ikklonjar fil-produzzjoni ta' annimali ta' ċerti speċi għal skopijiet ta' biedja.

 

 

 

Emenda  3

Proposta għal direttiva

Premessa 3a (ġdida)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(3a) Sistemi ta' traċċabbiltà stabbiliti għall-ikel minn kloni ta' annimali u prodotti ġerminali jistgħu jgħinu l-infurzar ta' miżuri f'dan ir-Regolament, b'mod partikolari billi jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi ekonomiċi b'informazzjoni utli. Il-Kummissjoni għandha għalhekk tagħmel ħilitha sabiex tikseb impenji f'dan ir-rigward mis-sħab kummerċjali tal-Unjoni fejn isir l-ikklonjar tal-annimali għal skopijiet ta' biedja, fi ħdan il-qafas ta' negozjati kummerċjali attwali u futuri, kemm fil-livell bilaterali kif ukoll multilaterali;

 

Emenda  4

Proposta għal direttiva

Premessa 5

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(5) Huwa mistenni li l-għarfien dwar l-impatt tat-teknika tal-ikklonjar fuq il-benessri tal-annimali użati ser jiżdied. It-teknika tal-ikklonjar hija probabbli li maż-żmien ser titjieb. Għaldaqstant il-projbizzjonijiet għandhom japplikaw biss b'mod provviżorju. Din id-Direttiva għalhekk għandha tiġi riveduta fi żmien raġonevoli billi jitqiesu l-esperjenza miksuba mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tagħha, il-progress xjentifiku u tekniku u l-iżviluppi internazzjonali.

(5) Huwa mistenni li l-għarfien dwar l-impatt tat-teknika tal-ikklonjar fuq il-benessri tal-annimali użati ser jiżdied. It-teknika tal-ikklonjar hija probabbli li maż-żmien ser titjieb. Għaldaqstant, il-projbizzjonijiet jistgħu jiġu rieżaminati u/jew aġġornati fl-eventwalità ta' titjib evidenti fl-imsemmija teknika tal-ikklonjar. Dan ir-Regolament għalhekk għandu jiġi rieżaminat fi żmien raġonevoli, billi jitqiesu l-esperjenza miksuba mill-Istati Membri fl-applikazzjoni tiegħu, il-progress xjentifiku u tekniku, bidliet fil-perċezzjonijiet tal-konsumatur, u l-iżviluppi internazzjonali, b'mod partikolari l-flussi kummerċjali u r-relazzjonijiet kummerċjali tal-Unjoni.

 

Emenda  5

Proposta għal direttiva

Premessa 5a (ġdida)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(5a) Kloni tal-embrijuni, kloni tal-annimali, ikel derivat minn kloni tal-annimali, prodotti ġerminali ta' kloni tal-annimali u ikel derivat minnhom ma jistgħux jitqiesu bħala prodotti ta' embrijuni, annimali, ikel minn annimali, prodotti ġerminali u ikel derivat minnhom rispettivament, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu III.4 tal-GATT.

 

Emenda  6

Proposta għal direttiva

Premessa 5b (ġdida)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(5b) Il-projbizzjoni tal-ikklonjar tal-annimali, tat-tqegħid fis-suq ta' kloni tal-annimali u ta' kloni ta' embrijuni, u tat-tqegħid fis-suq ta' ikel minn kloni ta' annimali, prodotti ġerminali u ikel derivat minnhom hija miżura li hija meħtieġa sabiex tipproteġi l-morali pubblika u s-saħħa tal-annimali, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu XX tal-GATT.

 

 

Emenda  7

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt b

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(b) it-tqegħid fis-suq ta' kloni tal-embrijuni u kloni tal-annimali.

(b) it-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni ta' kloni tal-embrijuni, kloni tal-annimali u prodotti ġerminali ta' kloni tal-annimali.

 

 

Emenda  8

Proposta għal direttiva

Artikolu 3 – titolu

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Projbizzjoni provviżorja

Projbizzjoni

 

 

Emenda  9

Proposta għal direttiva

Artikolu 3 – parti introduttorja

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu provviżorjament:

1. Is-segwenti għandhom jiġu pprojbiti:

 

 

Emenda  10

Proposta għal direttiva

Artikolu 3 – punt ba (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(ba) ikel derivat minn kloni ta' annimali.

 

Emenda  11

Proposta għal direttiva

Artikolu 3 – paragrafu 1a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1a. Fil-każ ta' ikel li joriġina mill-annimali impurtat minn pajjiżi terzi fejn ikel minn kloni u prodotti ġerminali u ikel derivat minnhom jista' jitqiegħed legalment fis-suq jew jista' jiġi esportat, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dan l-ikel għandu jitpoġġa biss fis-suq tal-Unjoni f'konformità ma' kwalunkwe kundizzjoni speċifika tal-importazzjoni adottata skont l-Artikoli 48 u 49 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-ebda ikel minn kloni ta' annimali u prodotti ġerminali u ikel derivat minnhom ma jiġi esportat lejn l-Unjoni minn dawn il-pajjiżi terzi.

 

___________________________

 

*.Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1).

 

Emenda  12

Proposta għal direttiva

Artikolu 3 – paragrafu 1b (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1b. Bl-istess mod, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li la kloni ta' annimali jew kloni ta' embrijuni u lanqas prodotti ġerminali ta' kloni ta' annimali ma jiġu importati fl-Unjoni u li l-ikel importat minn pajjiżi terzi fejn l-ikklonjar tal-annimali huwa permess għal skopijiet ta' biedja jkun konformi mar-rekwiżiti rilevanti tal-liġi tal-Unjoni dwar l-ikel jew ma' kundizzjonijiet rikonoxxuti mill-Unjoni li huma tal-inqas ekwivalenti għall-imsemmija rekwiżiti.

 

 

Emenda  13

Proposta għal direttiva

Artikolu 5 – paragrafu 2 – punt b

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(b) il-progress xjentifiku u tekniku, b'mod partikolari dak li jirrigwarda l-aspetti tal-ikklonjar relatati mal-benessri tal-annimali;

(b) il-progress xjentifiku u tekniku, b'mod partikolari dak li jirrigwarda l-aspetti tal-ikklonjar relatati mal-benessri tal-annimali u perċezzjonijiet tal-konsumaturi;

 

Emenda 14

Proposta għal direttiva

Artikolu 5 – paragrafu 2 – punt c

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(c) l-iżviluppi internazzjonali.

(c) l-iżviluppi internazzjonali, u b'mod partikolari l-impatt ta' dan ir-Regolament fuq il-flussi tal-kummerċ u fuq ir-relazzjonijiet tal-kummerċ tal-Unjoni.

 

 

Emenda  15

Proposta għal direttiva

Artikolu 6

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Artikolu 6

imħassar

Traspożizzjoni

 

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa [data = 12-il xahar wara d-data tat-trażpożizzjoni ta' din id-Direttiva]. Huma għandhom jikkomunikaw mingħajr dewmien lill-Kummissjoni t-test ta' dawn id-dispożizzjonijiet.

 

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

 

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

 

 

 

Emenda  16

Proposta għal direttiva

Artikolu 8

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Artikolu 8

imħassar

Indirizzati

 

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

 

 

 

Emenda  17

Proposta għal direttiva

Artikolu 8a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 8a

 

Dan ir-Regolament għandu jkun vinkolanti fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

 

 

PROĊEDURA

Titolu

L-ikklonar ta' annimali tal-ispeċi bovina, porċina, ovina, kaprina u ekwina miżmuma u riprodotti għal skopijiet ta' biedja

Referenzi

COM(2013)0892 – C7-0002/2014 – 2013/0433(COD)

Kumitati responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ENVI

16.1.2014

AGRI

16.1.2014

 

 

Opinjoni mogħtija minn

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

INTA

16.1.2014

Rapporteur għal opinjoni

       Data tal-ħatra

Jude Kirton-Darling

3.9.2014

Artikolu 55 - Laqgħat konġunti ta' kumitati

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

       

       

17.12.2014

Eżami fil-kumitat

14.4.2015

6.5.2015

 

 

Data tal-adozzjoni

28.5.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

34

6

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Maria Arena, Tiziana Beghin, David Borrelli, Daniel Caspary, Marielle de Sarnez, Santiago Fisas Ayxelà, Christofer Fjellner, Eleonora Forenza, Yannick Jadot, Ska Keller, Jude Kirton-Darling, Bernd Lange, Jörg Leichtfried, David Martin, Emmanuel Maurel, Emma McClarkin, Anne-Marie Mineur, Alessia Maria Mosca, Franz Obermayr, Artis Pabriks, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Tokia Saïfi, Matteo Salvini, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Joachim Schuster, Joachim Starbatty, Adam Szejnfeld, Iuliu Winkler, Jan Zahradil

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Goffredo Maria Bettini, Dita Charanzová, Georgios Epitideios, Seán Kelly, Sander Loones, Frédérique Ries, Adina-Ioana Vălean, Jarosław Wałęsa