Kumitat għall-Affarijiet Legali

Il-President

 

25.4.2016

Is-Sinjura Vicky Ford

President

Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

BRUSSELL

Suġġett:  Opinjoni dwar il-bażi ġuridika tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-qafas ġuridiku tal-Unjoni għal ksur doganali u sanzjonijiet ( COM(2013)0884 – C8-0033/2014 – 2013/0432(COD) )

Sinjura President,

Permezz ta' ittra datata d-29 ta' Frar 2016 inti tlabt lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, skont l-Artikolu 39(2) għal opinjoni dwar kemm hi xierqa l-bażi ġuridika tal-proposta msemmija hawn fuq.

Il-kumitat eżamina l-kwistjoni msemmija fil-laqgħa tiegħu tal-21 ta' April 2016.

I - L-isfond

 

B'ittra tad-29 ta' Frar 2016, il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (IMCO) staqsa lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, skont l-Artikolu 39(2) tar-Regoli ta' Proċedura, għal opinjoni dwar kemm hi xierqa l-bażi ġuridika tal-proposta msemmija hawn fuq.

 

Il-proposta tal-Kummissjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 33 tat-TFUE, li jikkonċerna l-kooperazzjoni doganali, li jagħti kompetenza lill-Unjoni biex taġixxi fuq din il-kwistjoni abbażi tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

 

Ir-rapporteur għall-proposta fil-Kumitat IMCO ikkunsidra li l-Artikolu 114 tat-TFUE, li jirrigwarda l-approssimazzjoni tal-liġijiet għall-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, jirrifletti aħjar l-objettivi tal-proposta u jallinja l-proposta mal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni[1], li huwa wkoll ibbażat fuq l-Artikolu 114 TFUE.

 

 

II - Il-proposta

 

Minkejja li l-leġiżlazzjoni doganali hija armonizzata u fl-isfera tal-kompetenza tal-UE, il-possibbiltà li jiġu adottati miżuri leġiżlattivi fir-rigward ta' sanzjonijiet u ksur doganali jibqgħu fl-ambitu tal-Istati Membri.

 

Taħt il-programm Dwana 2013, il-Kummissjoni għamlet valutazzjoni tas-sistemi nazzjonali ta' 24 Stat Membru fir-rigward tal-ksur u s-sanzjonijiet doganali.[2] Il-Kummissjoni sabet għadd sinifikanti ta' differenzi fir-reġimi u kkunsidrat li dawn id-differenzi għandhom implikazzjonijiet negattivi. Il-konsegwenzi jistgħu jinħassu mhux biss f'livell internazzjonali iżda wkoll fi ħdan l-ispazju Ewropew, peress li l-infurzar differenti tal-leġiżlazzjoni doganali jista' jagħmel il-ġestjoni effettiva tal-unjoni doganali aktar diffiċli. Barra minn hekk, l-impatt tar-regoli differenti jinħass ukoll fuq l-operaturi ekonomiċi u fil-kundizzjonijiet ekwi li jinsab fil-qalba tas-suq intern. Dawn id-diskrepanzi huma rikonoxxuti mill-Kummissjoni bħala ġustifikazzjonijiet għall-ħtieġa ta' dan l-att leġiżlattiv fil-paragrafu 1.1 tal-Memorandum ta' Spjegazzjoni u fil-premessa 3 tal-proposta.

 

Skont il-Memorandum ta' Spjegazzjoni, fil-Valutazzjoni tal-Impatt tal-proposta (2.2) il-Kummissjoni sostniet li "(...) bl-istess mod, l-introduzzjoni ta' ċerti faċilitazzjonijiet u simplifikazzjonijiet fil-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni u l-aċċess tal-[Operatur Ekonomiku Awtorizzat] għalihom hija raġuni importanti sabiex tissaħħaħ aktar il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri."

 

Il-proposta tinkludi lista komuni ta' atti u ommissjonijiet li għandhom jitqiesu ksur tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (UCC) u leġiżlazzjoni doganali oħra, li tistipula r-responsabbiltà stretta tal-każijiet u ksur imwettqa intenzjonalment jew b'negliġenza (Artikoli 1 sa 5 tal-proposta). L-Artikolu 6 jelabora fuq it-tixwix, l-għajnuna, l-assistenza u t-tentattiv fir-rigward ta' atti li kienu ssemmew bħala ksur. L-Artikolu 7 tal-proposta jikkonċerna żbalji mwettqa mill-awtorità doganali u l-Artikolu 8 jirreferi għar-responsabbiltà ta' persuni ġuridiċi. L-Artikoli 9 sa 12 jistabbilixxu l-limiti sostantivi tas-sanzjonijiet u l-prinċipji li għandhom jiggwidaw l-applikazzjoni tagħha. L-Artikolu 13 u 14 huma dispożizzjonijiet proċedurali, li jittrattaw perjodi ta' preskrizzjoni u s-sospensjoni tal-proċedura amministrattiva. L-Artikolu 15 jiddefinixxi fejn il-kompetenza għandha tiġi applikata. L-Artikolu 16 jirreferi għall-koperazzjoni bejn l-Istati Membri, li tobbliga lill-Istati Membri biex jiskambjaw informazzjoni u jinfurzaw il-prinċipju ne bis in idem, li jiggarantixxi li l-ebda persuna ma għandha tiffaċċja proċedimenti għall-istess fatti f'aktar minn Stat Membru wieħed. L-Artikolu 17 jobbliga lill-Istati Membri biex jippermettu l-possibilità ta' qbid ta' kull strument użat fit-twettiq ta' ksur doganali. Fl-aħħar nett, il-proposta tinkludi dispożizzjonijiet dwar rappurtar u rieżami tal-konformità u t-traspożizzjoni tad-Direttiva (Artikoli 18 sa 21).

 

 

III - Il-bażi ġuridika proposta

 

Il-bażi ġuridika proposta għal din il-proposta hija l-Artikolu 33 tat-TFUE, li jgħid kif ġej:

 

 

KAPITOLU 2

KOOPERAZZJONI DOGANALI

 

Artikolu 33

(ex Artikolu 135 TKE)

 

Fil-limiti tal-applikazzjoni tat-Trattati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jieħdu miżuri sabiex isaħħu l-koperazzjoni doganali bejn Stati Membri u bejn dawn u l-Kummissjoni.

 

 

Hu propost li l-Artikolu 114 tat-TFUE li ġej jiġi inkluż fil-bażi ġuridika (enfasi miżjuda:

 

 

KAPITOLU 3

APPROSSIMAZZJONI TA' LIĠIJIET

 

Artikolu 114

(ex Artikolu 95 TKE)

1. Ħlief fejn provdut xort'oħra fit-Trattati, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għall-kisba tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 26. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jadottaw il-miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati bil-liġi, b'regolamenti jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern. (...)

 

 

IV - Ġurisprudenza

 

Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja "l-għażla tal-bażi ġuridika ta' att Komunitarju għandha tibbaża ruħha fuq elementi oġġettivi, suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, li fosthom jinsabu, b'mod partikolari, l-għan u l-kontenut tal-att"[3]. Għalhekk, l-għażla ta' bażi ġuridika żbaljata tista' tiġġustifika t-tħassir tal-att inkwistjoni.

 

Bħala regola ġenerali, miżura għandha tkun ibbażata fuq bażi ġuridika waħda biss. Bażi ġuridika doppja tista' tintuża biss jekk miżura jkollha simultanjament għadd ta' objettivi jew ikollha bosta komponenti marbutin, mingħajr ma l-ebda wieħed minnhom ikun sekondarju jew indirett b'rabta mal-ieħor,[4] bil-kundizzjoni li l-proċeduri stabbiliti għal kull bażi ġuridika ma jkunux inkompatibbli.[5]

 

 

V - Analiżi

 

L-Artikolu 33 tat-TFUE ġie inkluż fil-bażi ġuridika għal atti leġiżlattivi oħra adottati fil-qasam tal-kooperazzjoni doganali, bħall-KDU u r-Regolament Doganali 2020.[6] Ma hemm l-ebda definizzjoni espliċita tal-kunċett ta' kooperazzjoni doganali, iżda billi huwa kollokat fit-Titolu II "Il-Moviment Liberu tal-Merkanzija", Kapitolu 2 "Koperazzjoni Doganali" tat-TFUE, kien użat b'mod estensiv f'dak li għandu x'jaqsam mal-Unjoni Doganali, pereżempju fir-rigward tad-dazji doganali, il-prevenzjoni tal-frodi u kontrolli fuq prodotti li jidħlu fit-territorju doganali tal-UE.[7] L-Artikolu 33 tat-TFUE huwa għalhekk il-bażi ġuridika korretta meta jkun qed isir xogħol fuq qafas ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali.

 

L-Artikolu 114 tat-TFUE huwa l-bażi ġuridika għall-miżuri ta' armonizzazzjoni li jirrigwardaw is-suq intern. Miżuri ta' armonizzazzjoni skont dan l-Artikolu jeżiġu, bħala prerekwiżit, li jkun hemm diverġenzi fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar din il-kwistjoni li jistgħu jwasslu għal tfixkil fil-kummerċ fi ħdan is-suq intern. L-artikolu jista' jintuża meta huwa probabbli li tali diverġenzi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jistgħu jseħħu, iżda l-probabbiltà ma tistax tkun purament ipotetika. Il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament użat din il-formula fil-ġurisprudenza tagħha, filwaqt li fil-fatt qatt ma ddefinit il-"probabbiltà". Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma aċċettat l-Artikolu 114 tat-TFUE bħala bażi ġuridika għal leġiżlazzjoni meta hija tkun ikkonstatat li ma jeżistux diverġenzi fil-liġi nazzjonali, u li huma probabbilment ma jseħħux.

 

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-miżuri msemmija fl-Artikolu 114 tat-TFUE huma intiżi sabiex itejbu l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern u għandhom ġenwinament ikollhom dak l-għan, li jikkontribwixxu b'mod reali għall-eliminazzjoni ta' ostakoli għall-moviment liberu ta' oġġetti jew għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jew it-tneħħija ta' distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.[8]

 

Il-proposta tal-Kummissjoni għandha l-għanijiet li tikkoreġi l-problemi li jinqalgħu mid-disparità tar-reġimi li jirregolaw il-ksur doganali u s-sanzjonijiet sussegwenti fi ħdan is-suq Ewropew. Kif iddikjarat fil-preambolu tal-proposta u fil-Memorandum ta' Spjegazzjoni tagħha, dawn id-differenzi jirriżultaw fi tliet livelli: l-ewwel nett, fil-livell internazzjonali, fejn l-UE għandha tiggarantixxi l-konformità mal-obbligi internazzjonali li magħhom hija marbuta; it-tieni, fi ħdan il-Qafas tal-Unjoni Doganali, li jimmiraw għal ġestjoni aktar effettiva tal-Unjoni Doganali; it-tielet nett, fil-livell tas-suq intern, fejn il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-istatus quo attwali ma jiżgurax kundizzjonijiet ekwi, fejn l-operaturi ekonomiċi ma jaġixxux bl-istess kundizzjonijiet u regoli. Il-proposta, għalhekk, mhux biss għandha l-għan li ssaħħaħ il-kooperazzjoni doganali, iżda immirat wkoll li tikkoreġi d-distorsjoni tas-suq intern, bl-użu ta' ġabra uniformi ta' regoli sabiex tiġi applikata fit-28 Stat Membru kollha.

 

Il-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet fil-proposta huma verament intiżi sabiex jistabbilixxu, lista uniformi ta' sanzjonijiet amministrattivi għall-ksur, u liema atti u ommissjonijiet għandhom ikunu fil-fatt ikkunsidrati ksur. Minkejja li wħud mid-dispożizzjonijiet li strettament jikkonċernaw kwistjonijiet ta' kooperazzjoni (l-Artikolu 15(2) u l-Artikolu 16), rigward l-iskambju ta' informazzjoni, pereżempju, ħafna mid-dispożizzjonijiet huma intiżi biex japprossimaw ir-regoli nazzjonali.

 

Kif rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja, huwa possibbli li jkun hemm bażi ġuridika doppja meta ż-żewġ dispożizzjonijiet legali huma intrinsikament marbutin mal-att leġiżlattiv. F'dan il-każ, fid-dawl tal-għan u l-kontenut tad-Direttiva proposta, l-objettivi tal-kisba ta' ġestjoni aktar effettiva tal-Unjoni Doganali filwaqt li jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi jiġu suġġetti għall-istess regoli, mingħajr vantaġġi fi Stati Membri iktar laxki, ma jistgħux jiġu separati.

 

Il-proposta kkonċernata mhux limitata biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni doganali bejn l-Istati Membri, hija tipprova tindirizza b'mod attiv id-distorsjoni fis-suq intern maħluqa mis-sistemi nazzjonali differenti. Għalhekk, l-Artikolu 114 tat-TFUE għandu jiġi miżjud mal-Artikolu 33 tat-TFUE. Iż-żewġ dispożizzjonijiet huma marbutin strettament ma' xulxin, filwaqt li waħda mhijiex anċillari għall-oħra.

 

Għandu jiġi nnutat li f'konformità mal-proċedura taħt l-Artikolu 114 tat-TFUE, il-konsultazzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew huwa obbligatorju.

 

 

VI - Konklużjoni u rakkomandazzjoni

 

L-Artikoli 33 u 114 tat-TFUE jikkostitwixxu l-bażi ġuridika xierqa għall-proposta.

 

Matul il-laqgħa tiegħu tal-21 ta' April 2016, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali għaldaqstant iddeċieda, bi 17-il vot favur, bi 3 voti kontra u bl-ebda astensjoni[9], li jirrakkomanda li l-bażi ġuridika xierqa għall-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Qafas Ġuridiku tal-Unjoni għal Ksur Doganali u Sanzjonijiet għandha tkun l-Artikoli 33 u 114 tat-TFUE.

Dejjem tiegħek,

Pavel Svoboda

[1] Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (riformulazzjoni), ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1-101.
[2] l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja u r-Renju Unit.
[3] Kawża C-45/86, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (Preferenzi Tariffarji Ġeneralizzati) [1987] Ġabra 1439, punt 5; Kawża C-440/05, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill [2007] Ġabra I-9097; Kawża C-411/06, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u l-Kunsill [2009] Ġabra I-7585.
[4] Kawża C-411/06 Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u l-Kunsill [2009] Ġabra I-07585, paragrafu 47.
[5] Kawża C-300/89 Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill ("Diossidu tat-Titanju") [1991] Ġabra I-2867, paragrafi 17-25.
[6] Ir-Regolament (UE) Nru 1294/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi programm ta' azzjoni għad-dwana fl-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2014-2020 u jirrevoka d-Deċiżjoni Nru 624/2007/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 209-220).
[7] Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Konklużjonijiet dwar il-Progress fl-Istrateġija għall-Evoluzzjoni tal-Unjoni Doganali, Brussell, l-10 u l-11 ta' Diċembru 2012, disponibbli fuq http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/intm/134129.pdf.
[8] Kawża C-491/01, British American Tobacco (Investments) and Imperial Tobacco Ltd, [2002] Ġabra I-11453, paragrafu 60.
[9] Dawn li ġejjin kienu preżenti għall-votazzjoni finali: Jean-Marie Cavada, Mady Delvaux, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Axel Voss (Viċi Presidenti), Max Andersson, Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Kostas Chrysogonos, Therese Comodini Cachia, Angel Dzhambazki, Rosa Estaràs Ferragut, Enrico Gasbarra, Heidi Hautala, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Gilles Lebreton, Dietmar Köster, Emil Radev, József Szájer, Cecilia Wikström u Josef Weidenholzer (skont l-Artikolu 200(2)).