Kumitat għall-Baġits

 

2018/2025(BUD)

12.2.2018

ABBOZZ TA' RAPPORT

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Ġermanja – EGF/2017/008 DE/Goodyear)

( COM(2018)0061 – C8-0031/2018 – 2018/2025(BUD) )

Kumitat għall-Baġits

Rapporteur: Ingeborg Gräßle

PR_BUD_Funds

WERREJ

Paġna

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW  3

ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL  6

NOTA SPJEGATTIVA  8

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Ġermanja – EGF/2017/008 DE/Goodyear)

( COM(2018)0061 – C8-0031/2018 – 2018/2025(BUD) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ( COM(2018)0061 – C8-0031/2018),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[1] ("ir-Regolament dwar il-FEG"),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[3], u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits ( A8-0000/2018 ),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tgħin ir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun waħda dinamika u disponibbli b'mod effiċjenti u rapidu;

C.  billi l-Ġermanja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2017/008 DE/Goodyear għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għal 646 sensja fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 22 ta' NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' prodotti tal-gomma u tal-plastik) fir-reġjun ta' Regierungsbezirk Karlsruhe tal-livell NUTS 2 fil-Ġermanja (DE12);

D.  billi l-applikazzjoni hi msejsa fuq il-kriterji ta' intervent tal-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'intrapriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li ngħataw is-sensja minn fornituri u produtturi aktar 'l isfel fil-katina ta' produzzjoni u / jew minn persuni li jaħdmu għal rashom u li l-attività tagħhom waqfet;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG huma ssodisfati, u li l-Ġermanja hi intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 2 165 231 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 3 608 719;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Ġermaniżi ppreżentaw l-applikazzjoni fis-6 ta' Ottubru 2017, u li, wara l-għoti ta' informazzjoni addizzjonali mill-Ġermanja, il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fid-9 ta' Frar 2018 u l-Parlament ġie avżat fl-istess ġurnata;

3.  Jinnota li l-Ġermanja qed issostni li s-sensji huma marbutin mal-bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni u l-impatt negattiv tagħha fuq il-produzzjoni tat-tajers tal-karozzi tas-segment B fl-Unjoni;

4.  Ifakkar li s-sensji li ngħataw f'intrapriża waħda huma mistennija jpoġġu pressjoni negattiva konsiderevoli fuq l-ekonomija lokali, u li l-impatt tas-sensji huwa marbut mad-diffikultajiet ta' riallokazzjoni minħabba l-iskarsezza ta' impjiegi, il-livell baxx ta' edukazzjoni tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, mill-iżvilupp tagħhom ta' ħiliet vokazzjonali speċifiċi f'settur li sejjer lura, u mill-għadd kbir ta' dawk li qed ifittxu impjieg;

5.  Jinsab konxju mit-tnaqqis fil-produzzjoni tal-karozzi u fis-sehem mis-suq tal-Unjoni bħala riżultat tal-globalizzazzjoni; jirrikonoxxi li b'riżultat ta' dan, inbniet kapaċità żejda sinifikanti fis-segment B tat-tajers tal-Goodyear, li ġiegħlet lill-kumpanija tagħlaq wieħed mill-impjanti Ewropej tagħha, li kien l-akbar impjegatur fir-reġjun;

6.  Jinnota li l-applikazzjoni tikkonċerna 646 ħaddiem li ngħataw is-sensja mill-Goodyear, li fil-parti l-kbira tagħhom għandhom bejn it-30 u l-54 sena; jindika wkoll il-fatt li perċentwal sinifikanti tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja huma fl-età ta' bejn il-55 u l-64 sena u għandhom ħiliet speċifiċi għas-settur tal-manifattura; jinnota barra minn hekk li madwar 300 ħaddiem minn dawk li ngħataw is-sensja huma bla ħiliet u għandhom passat ta' migrazzjoni, li jpoġġihom fi żvantaġġ fis-suq tal-impjiegi reġjonali; fid-dawl ta' dan, jirrikonoxxi l-importanza tal-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol kofinanzjati mill-FEG biex jitjiebu l-possibbiltajiet ta' riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' dawn il-gruppi;

7.  Jinnota li l-Ġermanja qiegħda tippjana sitt tipi ta' azzjonijiet għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja koperti minn din l-applikazzjoni: (i) miżuri ta' titjib tal-ħiliet, (ii) gruppi ta' pari / gruppi ta' ħidma, (iii) servizz ta' pariri dwar il-bidu ta' negozju, (iv) tfittxija għal impjieg, (v) mentoring ta' segwitu / l-iżgurar tal-impjiegi, u (vi) allowance għat-taħriġ;

8.  Jirrikonoxxi li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati ġie mfassal wara konsultazzjoni mal-partijiet kollha kkonċernati, b'mod partikolari mar-rappreżentanti tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, mas-sħab soċjali u mal-awtoritajiet reġjonali;

9.  Jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet Ġermaniżi kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni;

10.  Itenni l-fatt li l-assistenza mill-FEG ma tistax tissostitwixxi l-azzjonijiet li jkunu r-responsabbiltà tal-kumpaniji, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew ta' ftehimiet kollettivi, jew il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali biex fi proposti futuri, jipprovdu aktar dettalji dwar is-setturi li għandhom il-prospettivi ta' tkabbir, u għalhekk aktarx li jirreklutaw in-nies, kif ukoll biex jiġbru data sostanzjata dwar l-impatt tal-finanzjament mill-FEG, inkluż dwar il-kwalità tal-impjiegi u r-rata ta' riintegrazzjoni miksuba permezz tal-FEG;

12.  Ifakkar fl-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti kollha relatati ma' każijiet tal-FEG;

13.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Ġermanja – EGF/2017/008 DE/Goodyear)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[4], u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[5], u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1) Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (minn hawn 'il quddiem "FEG") għandu l-iskop li jagħti appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lill-persuni li kienu jaħdmu għal rashom u kellhom iwaqqfu l-attività tagħhom minħabba bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji bħala riżultat tal-globalizzazzjoni, bħala riżultat tal-kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew bħala riżultat ta' kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida, u li jassistihom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2) Il-FEG ma jridx jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif previst fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013[6].

(3) Fis-6 ta' Ottubru 2017, il-Ġermanja ppreżentat applikazzjoni biex timmobilizza l-FEG, fir-rigward tas-sensji fil-Goodyear Dunlop Tires Germany GmbH fil-Ġermanja. Din l-applikazzjoni ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali mogħtija skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. L-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(4) Għaldaqstant, jenħtieġ li l-FEG jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarjali tammonta għal EUR 2 165 231 għall-applikazzjoni ppreżentata mill-Ġermanja.

(5) Sabiex iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG jitnaqqas kemm jista' jkun, jenħtieġ li din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni stabbilit għas-sena finanzjarja 2018, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 2 165 231 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.  

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din id-deċiżjoni għandha tapplika minn [data ta' adozzjoni ta' din id-deċiżjoni][7]*.

Magħmul fi ...,

Għall-Parlament Ewropew  Għall-Kunsill

Il-President  Il-President

NOTA SPJEGATTIVA

I.  Sfond

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi assistenza addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[8] u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013[9], il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011). L-ammonti xierqa jiddaħħlu bħala proviżjonament fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[10], sabiex jiġi attivat il-Fond, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva tal-applikazzjoni, il-Kummissjoni tippreżenta, lill-awtorità baġitarja, proposta għal mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment. Fil-każ ta' nuqqas ta' qbil, għandu jinbeda trilogu.

II.  L-applikazzjoni tal-Ġermanja u l-proposta tal-Kummissjoni

Fid-9 ta' Frar 2017, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur il-Ġermanja bħala appoġġ għar-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja minn intrapriża waħda li topera fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 22 ta' NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' prodotti tal-gomma u tal-plastik). Is-sensji li ngħataw mill-Goodyear jinsabu prinċipalment fir-reġjun tal-livell NUTS 2 ta' Regierungsbezirk Karlsruhe (DE12) fil-Ġermanja. Din il-proposta ntbagħtet lill-Parlament Ewropew fid-9 ta' Frar 2018.

Din hija t-tielet applikazzjoni li se tkun eżaminata fil-qafas tal-baġit tal-2018, u l-ewwel waħda fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 22 ta' NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' prodotti tal-gomma u tal-plastik) mill-istabbiliment tal-FEG. Tikkonċerna 646 ħaddiem li ngħataw is-sensja u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont totali ta' EUR 2 165 231 mill-FEG għall-Ġermanja.

L-applikazzjoni ntbagħtet lill-Kummissjoni fis-6 ta' Ottubru 2017 u ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali sal-4 ta' Diċembru 2017. Il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fid-9 ta' Frar 2018 u kkonkludiet, bi qbil mad-dispożizzjonijiet applikabbli kollha tar-Regolament dwar il-FEG, li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif imsemmi fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG.

Il-Ġermanja qed ssostni li s-sensji huma marbutin mal-bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, u l-impatt negattiv tagħha fuq il-produzzjoni ta' tajers tal-karozzi tas-segment B fl-Unjoni Ewropea. Minħabba t-tnaqqis fil-produzzjoni tal-karozzi fl-UE u fis-sehem mis-suq fid-dawl tal-globalizzazzjoni, inbniet kapaċità żejda sinifikanti fis-taqsima B tal-Goodyear, li ġiegħlet lill-kumpanija tagħlaq l-impjant ta' Philippsburg, li kellu l-ikbar kapaċita ta' produzzjoni għal tajers tat-segment B fost l-impjanti Ewropej tal-Goodyear.

Is-sensji seħħew fid-distrett ta' Karlsruhe, li qed jiffaċċja tibdil strutturali. Bosta kumpaniji żgħar jew ta' daqs medju fir-reġjun issensjaw mijiet ta' ħaddiema. L-impjant tal-Goodyear kien l-akbar impjegatur fir-reġjun.

Numru kbir tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja huma rġiel. Fil-parti l-kbira tagħhom għandhom bejn it-30 u l-54 sena filwaqt li 26 % minnhom għandhom bejn il-55 u l-64 sena. Madwar 300 ħaddiem minn dawk li ngħataw is-sensja huma bla ħiliet u għandhom passat ta' migrazzjoni (bi wħud minnhom huma ċittadini tal-UE, u oħrajn ċittadini ta' pajjiżi terzi). Il-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol kofinanzjati mill-FEG huma aktar u aktar importanti biex jittejbu l-possibbiltajiet ta' riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol għal dawn il-gruppi.

Is-sitt tipi ta' azzjonijiet li għandhom jiġu offruti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja u li għalihom qed jintalab il-kofinanzjament mill-FEG jikkonsistu fi:

– Miżuri għat-titjib tal-ħiliet: Dawn huma offruti lil ħaddiema eliġibbli wara l-ħolqien ta' profili u intervisti ta' gwida dwar il-karriera, u għandhom l-intenzjoni li jgħinuhom jibbenefikaw mill-opportunitajiet fis-suq tax-xogħol.

– Gruppi ta' pari/Gruppi ta' ħidma: Dawn se jkunu fora ta' gruppi assistiti minn faċilitatur, li se jgħin lill-parteċipanti jaqsmu ideat u riflessjonijiet.

– Servizz ta' pariri dwar il-bidu ta' negozju: Dan se jinkludi pakkett ta' servizzi ta' konsulenza għal dawk interessati li jibdew in-negozji tagħhom stess. Dawn is-servizzi se jinkludu miżuri ta' kowċing imfassla apposta u individwalizzati.

– Tfittxija għal impjieg: Il-job scouts professjonali se jgħinu biex jidentifikaw postijiet tax-xogħol vakanti potenzjali li għadhom ma ġewx ippubblikati, li jistgħu jissodisfaw xi ħaddiema eliġibbli. Hemm ippjanata wkoll fiera tal-impjiegi.

– Mentoring ta' segwitu/l-iżgurar tal-impjiegi: Il-ħaddiema jistgħu jibbenefikaw minn servizzi oħrajn ta' konsulenza ta' gwida wara li jibdew jaħdmu fl-impjieg il-ġdid biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni fl-impjieg il-ġdid u biex jitnaqqas ir-riskju ta' telf ta' impjiegi.

– Allowance tat-taħriġ: Il-ħlas jibda mid-data li fiha l-ħaddiem jidħol fil-kumpanija ta' trasferiment, u jintemm hekk kif il-persuna titlaq minn mal-kumpanija ta' trasferiment.

Skont il-Kummissjoni, il-miżuri deskritti jikkostitwixxu miżuri attivi fis-suq tax-xogħol skont l-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG u ma jissostitwixxux miżuri passivi ta' protezzjoni soċjali.

L-awtoritajiet Ġermaniżi pprovdew il-garanziji neċessarji kollha rigward dan li ġej:

– il-prinċipji tat-trattament indaqs u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rrispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u fl-implimentazzjoni tagħhom,

– hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE rigward is-sensji kollettivi,

– l-intrapriżi li taw is-sensji, li komplew bl-attivitajiet tagħhom wara s-sensji, ikkonformaw mal-obbligi ġuridiċi tagħhom li jirregolaw is-sensji u pprovdew għall-ħaddiema tagħhom kif xieraq,

– l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni u mhu se jitħalla jsir l-ebda finanzjament doppju,

– l-azzjonijiet proposti se jkunu komplementari għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali,

– il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuniet mill-Istat.

Il-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni li s-sorsi ta' prefinanzjament jew ta' kofinanzjament nazzjonali huma l-baġit federali u l-Bundesagentur für Arbeit (Servizz Pubbliku Federali għall-Impjiegi). Il-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tiġi amministrata mill-istess entitajiet fi ħdan il-Ministeru Federali għax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali (Bundesministerium für Arbeit und Soziales) li jiġġestixxu l-Fond Soċjali Ewropew (FSE).

III.  Proċedura

Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ressqet lill-Awtorità Baġitarja talba għal trasferiment għal ammont globali ta' EUR 2 165 231 mir-riżerva tal-FEG (40 02 43) għal-linja baġitarja tal-FEG (04 04 01).

Sal-lum, din hija t-tielet proposta ta' trasferiment għall-mobilizzazzjoni tal-Fond li ġiet trażmessa lill-Awtorità Baġitarja matul l-2018.

F'każ ta' nuqqas ta' qbil għandha tinbeda l-proċedura ta' trilogu, kif previst fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament dwar il-FEG.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jiġi assoċjat fil-proċess sabiex joffri appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

 

[1] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
[2] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
[3] ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
[4]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
[5]  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
[6]   Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).
[7]*   Id-data għandha tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU.
[8] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
[9] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
[10] ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.