Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

 

2016/0398(COD)

19.6.2017

***I

ABBOZZ TA' RAPPORT

dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar tad-Direttiva 2006/123/KE dwar is-servizzi fis-suq intern, li tistabbilixxi il-proċedura ta' notifika għal skemi ta' awtorizzazzjoni u r-rekwiżiti relatati ma' servizzi, u li temenda d-Direttiva 2006/123/KE u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern

( COM(2016)0821 – C8‑0011/2017 – 2016/0398(COD) )

Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

Rapporteur: Sergio Gutiérrez Prieto

 

PR_COD_1amCom

 

Tifsira tas-simboli użati

  *  Proċedura ta' konsultazzjoni  

  ***  Proċedura ta' approvazzjoni

  ***I  Proċedura leġiżlattiva ordinarja (l-ewwel qari)

  ***II  Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tieni qari)

  ***III  Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tielet qari)

(It-tip ta' proċedura jiddependi mill-bażi legali proposta mill-abbozz ta' att.)

 

 

 

 

Emendi għal abbozz ta' att

 

Emendi tal-Parlament f'żewġ kolonni

 

It-tħassir huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa fil-kolonna tax-xellug. Is-sostituzzjoni hija indikata permezz tat-tipa korsiva u grassa fiż-żewġ kolonni. It-test ġdid huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa fil-kolonna tal-lemin.

 

L-ewwel u t-tieni linji tal-intestatura ta' kull emenda jidentifikaw il-parti tat-test ikkonċernata fl-abbozz ta' att inkwistjoni. Meta emenda tirrigwarda att eżistenti, li l-abbozz ta' att ikollu l-ħsieb li jemenda, l-intestatura jkun fiha wkoll it-tielet u r-raba' linji li jidentifikaw rispettivament l-att eżistenti u d-dispożizzjoni kkonċernata f'dak l-att.

 

Emendi tal-Parlament li jieħdu l-forma ta' test konsolidat

 

Il-partijiet tat-testi l-ġodda huma indikati permezz tat-tipa korsiva u grassa. Il-partijiet tat-test imħassra huma indikati permezz tas-simbolu ▌ jew huma ingassati. Is-sostituzzjoni hija indikata billi t-test il-ġdid jiġi indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa u billi jitħassar jew jiġi ingassat it-test sostitwit.

  Bħala eċċezzjoni, it-tibdil ta' natura strettament teknika magħmul mis-servizzi fil-preparazzjoni tat-test finali mhuwiex indikat.

 

 

 

 

WERREJ

Paġna

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW  5

NOTA SPJEGATTIVA  19

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar tad-Direttiva 2006/123/KE dwar is-servizzi fis-suq intern, li tistabbilixxi il-proċedura ta' notifika għal skemi ta' awtorizzazzjoni u r-rekwiżiti relatati ma' servizzi, u li temenda d-Direttiva 2006/123/KE u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern

( COM(2016)0821 – C8‑0011/2017 – 2016/0398(COD) )

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill ( COM(2016)0821 ),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikoli 53(1), 62 u 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8‑0011/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet motivati ppreżentati mill-Bundestag Ġermaniż u mill-Bundesrat Ġermaniż u mill-Assemblea Nazzjonali Franċiża u mis-Senat Franċiż, fil-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, li jiddikjaraw li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jimxix mal-prinċipju ta' sussidjarjetà,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-31 ta' Mejju 2017[1],  ,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċeduri tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur ( A8‑0000/2017 ),

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda    1

Proposta għal direttiva

Premessa 6

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(6)  L-infurzar effettiv tar-regoli li jirregolaw is-suq intern għas-servizzi, stabbiliti fid-Direttiva 2006/123/KE, għandu jissaħħaħ billi titjieb il-proċedura ta' notifika eżistenti stabbilita minn dik id-Direttiva fir-rigward tal-iskemi nazzjonali ta' awtorizzazzjoni u ċerti rekwiżiti li jirrigwardaw kemm l-aċċess għall-attivitajiet tal-persuni li jaħdmu għal rashom kif ukoll l-eżerċizzju tagħhom. Il-prevenzjoni tal-adozzjoni ta' dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu rekwiżiti u skemi ta' awtorizzazzjoni li jmorru kontra d-Direttiva 2006/123/KE għandha tiġi faċilitata. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni skont it-Trattati u l-obbligu tal-Istati Membri li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

(6)  L-infurzar effettiv tar-regoli li jirregolaw is-suq intern għas-servizzi, stabbiliti fid-Direttiva 2006/123/KE, għandu jissaħħaħ billi titjieb il-proċedura ta' notifika eżistenti stabbilita minn dik id-Direttiva fir-rigward tal-iskemi nazzjonali ta' awtorizzazzjoni u ċerti rekwiżiti li jirrigwardaw kemm l-aċċess għall-attivitajiet tal-persuni li jaħdmu għal rashom kif ukoll l-eżerċizzju tagħhom. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni skont it-Trattati u l-obbligu tal-Istati Membri li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Din id-Direttiva ma tillimitax id-dritt sovran tal-Istati Membri li jirregolaw l-attivitajiet ta' servizzi sakemm jagħmlu dan skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

Or. en

 

Emenda    2

Proposta għal direttiva

Premessa 7

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(7)  L-obbligu ta' notifika stabbilit minn din id-Direttiva għandu japplika għall-miżuri regolatorji tal-Istati Membri, bħal-liġijiet, regolamenti, dispożizzjonijiet amministrattivi ta' natura ġenerali jew kwalunkwe regola vinkolanti oħra ta' natura ġenerali, inklużi r-regoli adottati minn organizzazzjonijiet professjonali sabiex jirregolaw b'mod kollettiv l-aċċess għall-attivitajiet tas-servizzi jew l-eżerċizzju tagħhom. Mill-banda l-oħra l-obbligu ta' notifika ma għandux japplika għal deċiżjonijiet individwali maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali.

(7)  L-obbligu ta' notifika stabbilit minn din id-Direttiva għandu japplika għall-miżuri regolatorji tal-Istati Membri, bħal-liġijiet, regolamenti, dispożizzjonijiet amministrattivi ta' natura ġenerali jew kwalunkwe regola vinkolanti oħra ta' natura ġenerali, inklużi r-regoli adottati minn organizzazzjonijiet u/jew assoċjazzjonijiet professjonali sabiex jirregolaw b'mod kollettiv l-aċċess għall-attivitajiet tas-servizzi jew l-eżerċizzju tagħhom. Mill-banda l-oħra l-obbligu ta' notifika ma għandux japplika għal deċiżjonijiet individwali maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali.

Or. en

 

Emenda    3

Proposta għal direttiva

Premessa 7a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(7a)  L-emendi jew il-modifiki għall-abozz ta' miżuri introdotti minn assemblej leġiżlattivi jew parlamenti nazzjonali matul il-proċedura parlamentari jenħtieġ li ma jkunux koperti mill-obbligu ta' notifika stabbilit minn din id-Direttiva. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, l-obbligu ta' notifika jenħtieġ li jiġi kkunsidrat li ġie ssodisfat meta l-abbozz ta' miżura jiġi implimentat u finalment adottat fl-aħħar tal-proċedura parlamentari.

Or. en

 

Emenda    4

Proposta għal direttiva

Premessa 7b (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(7b)  Id-Direttiva 2006/123/KE hija strument legali orizzontali li jaffettwa għadd sinifikanti ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi f'livelli differenti fi ħdan l-istrutturi tal-governanza tal-Istati Membri. Sabiex tiġi ffaċilitata l-konformità tal-awtoritajiet kompetenti ma' din id-Direttiva u biex tiġi mmassimizzata l-effiċjenza tal-proċedura ta' notifika u jitnaqqas il-piż amministrattiv ta' dik il-proċedura, il-Kummissjoni jenħtieġ li tipprovdi gwida rigward l-aspetti prattiċi tal-proċedura ta' notifika, b'mod partikolari għall-awtoritajiet muniċipali u lokali. Sabiex jiġi żgurat li l-obbligi ta' notifika ta' dawn l-awtoritajiet huma proporzjonati, l-abbozz ta' miżuri li jimplimentaw l-iskemi jew ir-rekwiżiti ta' awtorizzazzjoni li jkunu diġà ġew innotifikati lill-Kummissjoni u adottati mill-Istat Membru kkonċernat fil-livell nazzjonali jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għan-notifika.

Or. en

 

Emenda    5

Proposta għal direttiva

Premessa 8

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(8)  L-obbligu li l-Istati Membri jinnotifikaw abbozz ta' miżuri li jistabbilixxu skemi ta' awtorizzazzjoni jew rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 4 ta' din id-Direttiva mill-anqas tliet xhur qabel l-adozzjoni tagħhom huwa maħsub sabiex jassigura li l-miżuri li jridu jiġu adottati jikkonformaw mad-Direttiva 2006/123/KE. Sabiex il-proċedura ta' notifika tkun effettiva, għandha ssir konsultazzjoni dwar il-miżuri notifikati suffiċjentement qabel l-adozzjoni tagħhom. Dan huwa tajjeb sabiex tiġi promossa kooperazzjoni tajba u t-trasparenza bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u biex jiġu żviluppati aktar l-iskambji bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali dwar skemi ta' awtorizzazzjoni u ċerti rekwiżiti ġodda jew emendati koperti mid-Direttiva 2006/123/KE, skont l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Sabiex tiġi assigurata l-effettività tal-proċedura, il-ksur tal-obbligu ta' notifika jew li ma tiġix adottata miżura notifikata, inkluż matul il-perjodu wara li tasal twissija, għandu jitqies bħala difett proċedurali sostanzjali ta' natura serja fir-rigward tal-effetti tiegħu fil-konfront ta' individwi.

(8)  L-obbligu li l-Istati Membri jinnotifikaw abbozz ta' miżuri li jistabbilixxu skemi ta' awtorizzazzjoni jew rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 4 ta' din id-Direttiva mill-anqas tliet xhur qabel l-adozzjoni tagħhom huwa maħsub sabiex jassigura li l-miżuri li jridu jiġu adottati jikkonformaw mad-Direttiva 2006/123/KE. Sabiex il-proċedura ta' notifika tkun effettiva, għandha ssir konsultazzjoni dwar il-miżuri notifikati suffiċjentement qabel l-adozzjoni tagħhom. Dan huwa tajjeb sabiex tiġi promossa kooperazzjoni tajba u t-trasparenza bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u biex jiġu żviluppati aktar l-iskambji bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali dwar skemi ta' awtorizzazzjoni u ċerti rekwiżiti ġodda jew emendati koperti mid-Direttiva 2006/123/KE, skont l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Sabiex tiġi assigurata l-effettività tal-proċedura, il-ksur tal-obbligu ta' notifika għandu jitqies bħala difett proċedurali sostanzjali ta' natura serja fir-rigward tal-effetti tiegħu fil-konfront ta' individwi.

Or. en

 

Emenda    6

Proposta għal direttiva

Premessa 9

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(9)  Fl-ispirtu tat-trasparenza u l-kooperazzjoni, meta jsiru emendi sostantivi għal abbozz ta' miżura li tkun soġġetta għal proċedura ta' notifika kontinwa skont din id-Direttiva, il-Kummissjoni, Stati Membri oħra u l-partijiet ikkonċernati għandhom jiġu mgħarrfa fi żmien debitu mill-Istat Membru notifikanti dwar dawn l-emendi. Modifiki sempliċement ta' natura klerikali ma għandhomx jiġu komunikati.

(9)  Fl-ispirtu tat-trasparenza u l-kooperazzjoni, meta jsiru emendi sostantivi għal abbozz ta' miżura li tkun soġġetta għal proċedura ta' notifika kontinwa skont din id-Direttiva, il-Kummissjoni, Stati Membri oħra u l-partijiet ikkonċernati għandhom jiġu mgħarrfa fi żmien debitu mill-Istat Membru notifikanti dwar dawn l-emendi. Modifiki sempliċement ta' natura klerikali ma għandhomx jiġu komunikati. F'kull każ, in-notifika ta' emendi sostantivi jenħtieġ li ma tibdilx b'mod sinifikanti l-iskadenzi stabbiliti għall-konsultazzjoni. F'dawk il-każijiet, l-Istat Membru notifikanti jenħtieġ li jinnotifika dawk il-modifiki tal-inqas xahar qabel l-adozzjoni tagħhom.

Or. en

 

Emenda    7

Proposta għal direttiva

Premessa 10a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(10a)  Din id-Direttiva jenħtieġ li tippermetti lill-Istati Membri jaġixxu b'mod rapidu meta jinqalgħu kwistjonijiet urġenti rigward ċirkostanzi serji u mhux previsti relatati mal-protezzjoni tal-ordni pubbliku, is-sikurezza pubblika, is-saħħa pubblika jew il-protezzjoni tal-ambjent. Din l-eċċezzjoni għall-proċedura ta' notifika għal kwistjonijiet urġenti jenħtieġ li ma tintużax biex tiġi evitata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' notifika stabbilita minn din id-Direttiva.

Or. en

 

Emenda    8

Proposta għal direttiva

Premessa 14

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(14)  Fejn, wara l-konsultazzjoni, il-Kummissjoni jkun baqgħalha tħassib dwar il-konformità tal-abbozz ta' miżura notifikata mad-Direttiva 2006/123/KE, hija tista' twissi lill-Istat Membru notifikanti, fejn tagħtih l-opportunità biex iġib l-abbozz ta' miżura tiegħu f'konformità mad-dritt tal-UE. Dik it-twissija għandha tinkludi spjegazzjoni tat-tħassib legali identifikat mill-Kummissjoni. Ir-riċeviment ta' tali twissija jfisser li l-Istat Membru notifikanti ma għandux jadotta l-miżura notifikata għal tliet xhur.

(14)  Fejn, wara l-konsultazzjoni, il-Kummissjoni jkun baqgħalha tħassib dwar il-konformità tal-abbozz ta' miżura notifikata mad-Direttiva 2006/123/KE, hija tista' twissi lill-Istat Membru notifikanti, fejn tagħtih l-opportunità biex iġib l-abbozz ta' miżura tiegħu f'konformità mad-dritt tal-UE. Dik it-twissija għandha tinkludi spjegazzjoni tat-tħassib legali identifikat mill-Kummissjoni.

Or. en

 

Emenda    9

Proposta għal direttiva

Premessa 15

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(15)  In-nuqqas ta' konformità mal-obbligu ta' notifika tal-abbozz ta' miżuri tal-inqas 3 xhur qabel l-adozzjoni tagħhom u/jew li ma tiġix adottata l-miżura notifikata matul dan il-perjodu, u skont il-każ, matul it-tliet xhur wara li tasal it-twissija, għandu jitqies bħala difett proċedurali sostanzjali ta' natura serja fir-rigward tal-effetti tiegħu fil-konfront ta' individwi.

(15)  In-nuqqas ta' konformità mal-obbligu ta' notifika tal-abbozz ta' miżuri tal-inqas 3 xhur qabel l-adozzjoni tagħhom għandu jitqies bħala difett proċedurali sostanzjali ta' natura serja fir-rigward tal-effetti tiegħu fil-konfront ta' individwi.

Or. en

 

Emenda    10

Proposta għal direttiva

Premessa 16

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(16)  Sabiex tassigura l-effiċjenza, l-effettività u l-koerenza tal-proċedura ta' notifika, il-Kummissjoni għandha żżomm is-setgħa li tadotta Deċiżjonijiet li jitolbu li l-Istat Membru inkwistjoni ma jadottax il-miżuri notifikati jew, jekk diġà jkunu adottati, li jħassarhom, meta dawn jiksru d-Direttiva 2006/123/KE.

(16)  Il-Kummissjoni jenħtieġ li jkollha s-setgħa li toħroġ twissijiet li jorbtu lill-Istati Membri biex jikkonformaw mar-rekwiżiti speċifikati fiha fi żmien xahar u li tindika jekk il-miżuri neċessarji biex jikkoreġu l-abbozz ta' miżura f'konformità mat-twissija tal-Kummissjoni ġewx implimentati. It-twissijiet jenħtieġ li ma jfixklu l-adozzjoni tal-ebda liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva tal-Istat Membru notifikanti. Sabiex tassigura l-effiċjenza, l-effettività u l-koerenza tal-proċedura ta' notifika, il-Kummissjoni għandha żżomm is-setgħa li tadotta Deċiżjonijiet. F'kull każ, jekk, wara l-adozzjoni ta' abbozz ta' miżura, il-Kummissjoni tqis li ma tikkonformax mad-Direttiva 2006/123/KE u jekk il-Kummissjoni sussegwentement tiddeċiedi li tressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 258 tat-TFUE, dik id-deċiżjoni jenħtieġ li tirriżulta fis-sospensjoni immedjata ta' kwalunkwe effett legali, regolatorju jew amministrattiv tat-test ikkontestat.

 

 

Or. en

 

Emenda    11

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar in-notifika, min-naħa tal-Istati Membri, ta' abbozzi ta' liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li jintroduċu skemi ta' awtorizzazzjoni u ċerti rekwiżiti ġodda jew li jemendaw oħrajn diġà eżistenti li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123/KE.

Din id-Direttiva għandha l-għan li ttejjeb il-funzjonament tas-suq intern billi tistabbilixxi regoli dwar in-notifika, min-naħa tal-Istati Membri, ta' abbozzi ta' liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li jintroduċu skemi ta' awtorizzazzjoni u ċerti rekwiżiti ġodda jew li jemendaw oħrajn diġà eżistenti li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123/

Or. en

 

Emenda    12

Proposta għal direttiva

Artikolu 2 – paragrafu 2 – punt b

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(b)  "adozzjoni" tfisser id-deċiżjoni fi Stat Membru li tagħmel il-liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva ta' natura ġenerali finali skont il-proċedura applikabbli.

(b)  "adozzjoni" tfisser id-deċiżjoni fi Stat Membru li jagħmel l-abbozz tal-miżura finali skont il-proċedura applikabbli.

Or. en

 

Emenda    13

Proposta għal direttiva

Artikolu 3 – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1.  L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe abbozz ta' miżura li tintroduċi rekwiżiti jew skemi ta' awtorizzazzjoni ġodda msemmija fl-Artikolu 4, jew li timmodifika tali rekwiżiti eżistenti jew skemi ta' awtorizzazzjoni.

1.  L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe abbozz ta' miżura li tintroduċi rekwiżiti jew skemi ta' awtorizzazzjoni ġodda msemmija fl-Artikolu 4, jew li timmodifika b'mod sostanzjali tali rekwiżiti eżistenti jew skemi ta' awtorizzazzjoni.

Or. en

 

Emenda    14

Proposta għal direttiva

Artikolu 3 – paragrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2.  Meta Stat Membru jimmodifika abbozz ta' miżura notifikata bl-effett li jestendi b'mod sinifikanti l-kamp ta' applikazzjoni jew il-kontenut tagħha, jew iqassar l-iskeda ta' żmien oriġinarjament prevista għall-implimentazzjoni, jew iżid rekwiżiti jew skemi ta' awtorizzazzjoni, jew jagħmel dawk ir-rekwiżiti jew skemi ta' awtorizzazzjoni aktar restrittivi għall-istabbiliment, jew għall-forniment transfruntiera ta' servizzi, huwa għandu jerġa' jinnotifika l-abbozz ta' miżura modifikata notifikata qabel skont il-paragrafu 1, u jinkludi spjegazzjoni tal-objettiv u l-kontenut tal-modifiki. F'każ bħal dan, in-notifika preċedenti għandha titqies li ġiet irtirata.

2a.  Meta Stat Membru jimmodifika b'mod sostanzjali abbozz ta' miżura li tkun diġà ġiet notifikata, jestendi l-kamp ta' applikazzjoni jew il-kontenut tagħha, iqassar l-iskeda ta' żmien għall-implimentazzjoni, jew iżid jew jissikka ir-rekwiżiti jew skemi ta' awtorizzazzjoni għall-forniment transfruntiera ta' servizzi, l-Istat Membru għandu jinnotifika dawk il-modifiki lill-Kummissjoni, u jinkludi spjegazzjoni tal-objettiv u l-kontenut tagħhom.

 

2b  L-Istati Membri m'għandhomx ikunu obbligati jinnotifikaw it-tibdil li jkun sar matul il-proċedura parlamentari għal abbozz ta' miżura li tkun diġà ġiet notifikata. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw l-abbozz ta' miżura li jkun fih dak it-tibdil lill-Kummissjoni ladarba jkun ġie adottat.

Or. en

 

Emenda    15

Proposta għal direttiva

Artikolu 3 – paragrafu 3

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3.  L-abbozz ta' miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni mill-anqas tliet xhur qabel l-adozzjoni tagħhom.

3.  L-abbozz ta' miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni mill-anqas tliet xhur qabel l-adozzjoni tagħhom.

Or. en

 

Emenda    16

Proposta għal direttiva

Artikolu 3 – paragrafu 3a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

3a.  Il-modifiki sostanzjali msemmija fil-paragrafu 2 għandha tingħata notifika tagħhom lill-Kummissjoni mill-anqas xahar qabel l-adozzjoni tagħhom.

Or. en

 

Emenda    17

Proposta għal direttiva

Artikolu 3 – paragrafu 3b (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

3b.  L-Istati Membri m'għandhomx ikunu obbligati jinnotifikaw l-abbozz ta' miżuri li jimplimentaw l-iskemi jew ir-rekwiżiti ta' awtorizzazzjoni li jkunu diġà ġew innotifikati lill-Kummissjoni u adottati mill-Istat Membru kkonċernat fil-livell nazzjonali.

Or. en

 

Emenda    18

Proposta għal direttiva

Artikolu 3 – paragrafu 4

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

4.  Il-ksur ta' wieħed mill-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 3(1), (2) u (3) jew fl-Artikolu 6(2) għandu jikkostitwixxi difett proċedurali sostanzjali ta' natura serja fir-rigward tal-effetti tiegħu fil-konfront ta' individwi.

4.  Il-ksur ta' wieħed mill-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 1, 2, 3 u (3a) għandu jikkostitwixxi difett proċedurali sostanzjali ta' natura serja fir-rigward tal-effetti tiegħu fil-konfront ta' individwi.

Or. en

 

Emenda    19

Proposta għal direttiva

Artikolu 3 – paragrafu 5 – subparagrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Dik l-informazzjoni għandha tidentifika r-raġuni aktar importanti relatata mal-interess pubbliku segwit u tagħti r-raġunijiet għaliex skema ta' awtorizzazzjoni jew rekwiżit innotifikati jkunu nondiskriminatorji abbażi tan-nazzjonalità jew ir-residenza u għaliex ikunu proporzjonati.

Dik l-informazzjoni għandha tidentifika r-raġuni aktar importanti relatata mal-interess pubbliku segwit u tiċċara għaliex il-miżura hija proporzjonata fir-rigward tal-objettiv.

Or. en

 

Emenda    20

Proposta għal direttiva

Artikolu 3 – paragrafu 8a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

8a.  Il-paragrafi (3) u (3a) m'għandhomx japplikaw meta Stat Membru jkollu jadotta miżuri urġenti relatati mal-protezzjoni tal-ordni pubbliku, is-sikurezza pubblika, is-saħħa pubblika jew il-protezzjoni tal-ambjent. L-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar il-kontenut ta' miżura urġenti u r-raġunijiet għall-urġenza li skattaw l-adozzjoni tagħha mhux aktar tard mill-ġurnata li fiha tiġi adottata dik il-miżura urġenti.

Or. en

 

Emenda    21

Proposta għal direttiva

Artikolu 5 – paragrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2.  Mid-data li fiha l-Kummissjoni tinforma lill-Istat Membru notifikanti dwar il-kompletezza ta' notifika li tkun irċeviet, għandha ssir konsultazzjoni ta' mhux aktar minn tliet xhur bejn l-Istat Membru notifikanti, Stati Membri oħra u l-Kummissjoni.

2.  Ladarba l-abbozz ta' miżura jkun ġie notifikat, għandha ssir konsultazzjoni ta' mhux aktar minn tliet xhur bejn l-Istat Membru notifikanti, Stati Membri oħra u l-Kummissjoni.

Or. en

 

Emenda    22

Proposta għal direttiva

Artikolu 5 – paragrafu 5a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

5a.  Il-modifiki għal abbozz ta' miżura notifikat għandhom ikunu soġġetti għal perjodu ta' konsultazzjoni qasir li t-tul tiegħu m'għandux jaqbeż ix-xahar.

Or. en

 

Emenda    23

Proposta għal direttiva

Artikolu 6 – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1.  Qabel ma jingħalaq il-perjodu ta' konsultazzjoni msemmi fl-Artikolu 5(2), il-Kummissjoni tista' twissi lill-Istat Membru dwar it-tħassib tagħha rigward il-kompatibbiltà tal-abbozz ta' miżura notifikata mad-Direttiva 2006/123/KE u dwar l-intenzjoni tagħha li tadotta Deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 7.

1.  Qabel ma jingħalaq il-perjodu ta' konsultazzjoni msemmi fl-Artikolu 5(2 ) u (5a), il-Kummissjoni tista' twissi lill-Istat Membru dwar it-tħassib tagħha rigward il-kompatibbiltà tal-abbozz ta' miżura notifikata mad-Direttiva 2006/123/KE u dwar l-intenzjoni tagħha li tadotta Deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 7.

Or. en

 

Emenda    24

Proposta għal direttiva

Artikolu 6 – paragrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2.  Wara li jirċievi twissija bħal din, l-Istat Membru notifikanti ma għandux jadotta l-abbozz ta' miżura għal perjodu ta' tliet xhur wara li jintemm il-perjodu ta' konsultazzjoni.

2.  Fi żmien xahar minn meta jirċievi twissija bħal din, l-Istat Membru notifikanti għandu jissottometti lill-Kummissjoni spjegazzjoni tal-adegwatezza tal-abbozz ta' miżura għad-Direttiva 2006/123/KE, jew għandu jemenda l-abbozz ta' miżura sabiex jiżgura l-konformità ma' dik id-Direttiva.

Or. en

 

Emenda    25

Proposta għal direttiva

Artikolu 6 – paragrafu 2a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

2a.  Twissija mibgħuta mill-Kummissjoni lil Stat Membru m'għandhiex tipprevjeni l-adozzjoni ta' liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi minn dak l-Istat Membru.

Or. en

 

Emenda    26

Proposta għal direttiva

Artikolu 7 – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Meta l-Kummissjoni tkun ħarġet twissija skont l-Artikolu 6(1), hija tista', fi żmien tliet xhur wara d-data tal-għeluq tal-perjodu ta' konsultazzjoni msemmi fl-Artikolu 5(2), tadotta Deċiżjoni li ssib l-abbozz ta' miżura bħala inkompatibbli mad-Direttiva 2006/123/KE u titlob lill-Istat Membru kkonċernat sabiex ma jadottax l-abbozz ta' miżura jew, jekk dik il-miżura tkun ġiet adottata bi ksur tal-Artikolu 3(3) jew tal-Artikolu 6(2), biex iħassarha.

Meta l-Kummissjoni toħroġ twissija skont l-Artikolu 6, l-Istat Membru kkonċernat jadotta l-miżura kkonċernata mingħajr il-modifiki neċessarji biex tiġi żgurata l-konformità tagħha mad-Direttiva 2006/123/KE, u l-Kummissjoni sussegwentement tiddeċiedi li tressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 258 tat-TFUE, dik id-deċiżjoni għandha, ladarba tkun ġiet notifikata mill-Kummissjoni lill-Istat Membru kkonċernat, tirriżulta fis-sospensjoni immedjata tal-effetti legali, regolatorji jew amministrattivi ta' dik il-miżura.

Or. en

 

 

NOTA SPJEGATTIVA

 

Introduzzjoni

Fl-10 ta' Jannar 2017 il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar tad-Direttiva 2006/123/KE dwar is-servizzi fis-suq intern, li tistabbilixxi l-proċedura ta' notifika għal skemi ta' awtorizzazzjoni u r-rekwiżiti relatati ma' servizzi. Din il-proposta hija parti minn firxa ta' azzjonijiet mill-Kummissjoni mmirati biex itejbu l-funzjonament tas-Suq Uniku fis-servizzi. Din tiffoka fuq aspetti proċedurali biex tittejjeb l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-obbligu ta' notifika stabbilit fid-Direttiva 2006/123/KE (id-"Direttiva dwar is-Servizzi").

 

Kuntest tat-tħejjija tal-proposta

Il-proċedura ta' notifika eżistenti għar-rekwiżiti għall-fornituri ta' servizz skont id-Direttiva dwar is-Servizzi ma kkontribwietx b'mod adegwat għall-implimentazzjoni korretta u sħiħa tad-Direttiva, u naqset milli tiġi implimentata bħala proċedura. Dan konsegwentement iwassal biex kemm l-ispejjeż għall-konsumatur kif ukoll għan-negozju tas-Suq Uniku frammentat fis-servizzi, kif ukoll l-ispejjeż amministrattivi għolja tal-ksur għal amministrazzjonijiet nazzjonali u għall-Kummissjoni meta tieħu azzjoni (40 % tal-każijiet ta' ksur jiġu invokati minħabba regolamenti nazzjonali adottati ġodda li ma jkunux konformi mad-Direttiva dwar is-Servizzi).

Il-proposta hija appoġġjata minn valutazzjoni tal-impatt, li biha l-Kummissjoni tikkonkludi li billi l-proċedura ta' notifika eżistenti tonqos milli tilħaq l-għanijiet tagħha, l-azzjoni tal-UE hija meqjusa neċessarja biex tindirizza n-nuqqasijiet identifikati biex teqleb il-proċedura ta' notifika fi strument effettiv u effiċjenti għal applikazzjoni aħjar tad-Direttiva dwar is-Servizzi eżistenti.

L-għan ta' din id-Direttiva huwa li tiżgura l-konformità tar-regoli nazzjonali li jintroduċu skemi ta' awtorizzazzjoni jew ċerti rekwiżiti mad-Direttiva dwar is-Servizzi, kif applikabbli skont il-kamp ta' applikazzjoni ta' din tal-aħħar, u li tipprevjeni l-ksur.

Għalhekk, l-għanijiet ta' din il-proposta huma li ttejjeb l-effiċjenza tal-proċedura ta' notifika, li ttejjeb il-kwalità u l-kontenut tan-notifiki li jiġu sottomessi, li tkopri r-rekwiżiti addizzjonali li l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi wriet li jistgħu jikkostitwixxu ostakoli importanti għas-Suq Uniku tas-servizzi, u biex tiċċara l-konsegwenzi legali tan-nuqqas ta' notifika. Ir-riżultat finali jkun implimentazzjoni u infurzar aħjar tad-Direttiva dwar is-Servizzi kif inhi.

 

Kummenti ġenerali

Ir-Rapporteur jilqa' l-proposta bħala parti mill-Pakkett tas-Servizzi. Din tamplifika l-passi proċedurali tal-obbligu ta' notifika, tiċċara l-proċeduri u timmira għal aktar trasparenza sabiex ittejjeb l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

 

1. Obbligu ta' notifika

Billi l-propfosta tibni fuq l-obbligu ta' notifika stabbilit fid-Direttiva dwar is-Servizzi, hija tipprovdi għal obbligu speċifiku għall-Istati Membri li jinnotifikaw abbozz ta' miżuri, inkluż dawk emendati mill-parlamenti nazzjonali matul il-konsiderazzjoni tagħhom, flimkien mal-informazzjoni ta' akkumpanjament. Din tispeċifika wkoll il-konsegwenzi jekk ma jiġux rispettati l-obbligi ta' notifika. Sabiex il-proċedura ta' notifika tkun effiċjenti u effettiva, qed jiġu stabbiliti limiti taż-żmien stretti. Ir-Rapporteur jara l-bżonn li jiġu żgurati s-setgħat leġiżlattivi tal-Istati Membri, b'mod speċjali l-proċeduri tal-parlamenti nazzjonali tagħhom, għalhekk jipproponi tibdil f'dan ir-rigward.

Barra minn hekk, il-proċedura ta' notifika, jekk applikata f'termini assoluti, toħloq piż amministrattiv addizzjonali li jista' ma jkunx proporzjonat mal-għanijiet immirati, b'mod speċjali għall-awtoritajiet muniċipali u lokali. Biex tiġi salvagwardjata proċedura proporzjonata fir-rigward ta' dawn l-awtoritajiet, ir-Rapporteur iqis li l-abbozz ta' miżuri li jimplimentaw l-iskemi jew ir-rekwiżiti ta' awtorizzazzjoni li jkunu diġà ġew innotifikati lill-Kummissjoni u adottati minn dak l-Istat Membru fil-livell nazzjonali jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għan-notifika.

 

2. Parlamenti nazzjonali

Id-Direttiva proposta tistabbilixxi wkoll proċedura ta' konsultazzjoni ta' 3 xhur fost l-Istat Membru notifikanti, l-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni, li tippermetti s-sottomissjoni ta' kummenti relatati mal-miżuri notifikati. Fil-każ li l-Kummissjoni tesprimi t-tħassib tagħha ("twissija") dwar il-kompatibbiltà tal-abbozz ta' miżura notifikat mad-Direttiva dwar is-Servizzi, l-Istat Membru notifikanti ma jadottax il-miżura inkwistjoni għal perjodu ta' 3 xhur wara li jagħlaq il-perjodu ta' konsultazzjoni msemmi. Il-Kummissjoni tista' f'dan il-każ toħroġ id-deċiżjoni tagħha u huma previsti modalitajiet rilevanti, fost l-oħrajn li jkopru l-emendi parlamentari. Ir-Rapporteur iqis li, filwaqt li s-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni kif stabbilit fid-Direttiva dwar is-Servizzi jenħtieġ li tinżamm, il-parlamenti nazzjonali ma jistgħux jiġu preklużi milli jadottaw il-miżura inkwistjoni. Dan l-element ġdid fil-proposta tal-Kummissjoni jenħtieġ li għalhekk jitneħħa u jiġu previsti biss azzjonijiet ex post.

 

Konklużjonijiet.

Ir-Rapporteur jemmen li din il-proposta se twassal għal konformità aħjar mal-obbligu ta' notifika stabbilit mid-Direttiva dwar is-Servizzi, iżżid it-trasparenza u ssaħħaħ id-djalogu bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, u, konsegwentement, ittejjeb l-implimentazzjoni ta' dik id-Direttiva.

Ir-Rapporteur jinnota wkoll li l-approċċ rinfurzat għan-notifiki meħud mill-Kummissjoni f'ċerti każijiet jista' jwassal għal interferenzi fis-setgħat leġiżlattivi nazzjonali u jqiegħed piż amministrattiv fuq l-amministrazzjonijiet nazzjonali, b'mod speċjali l-awtoritajiet lokali u muniċipali. F'dan ir-rigward, ir-Rapporteur jara l-bżonn għal numru ta' emendi sabiex tiġi żgurata proċedura ta' notifika mtejba li tissodisfa t-tħassib espress.

[1]   Għadha ma ġietx ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali.