Kumitat għas-Sajd

 

2011/0206(COD)

8.5.2012

***I

ABBOZZ TA' RAPPORT

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi pjan multiannwali għall-istokk tas-salamun tal-Baltiku u għas-sajd li jisfrutta dak l-istokk

( COM(2011)0470 – C7‑0220/2011 – 2011/0206(COD) )

Kumitat għas-Sajd

Rapporteur: Marek Józef Gróbarczyk

 

PR_COD_1amCom

 

 

Tifsira tas-simboli użati

       *     Proċedura ta' konsultazzjoni

   ***     Proċedura ta’ approvazzjoni

  ***I     Proċedura leġiżlattiva ordinarja (l-ewwel qari)

 ***II     Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tieni qari)

  ***III     Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tielet qari)

 

(It-tip ta’ proċedura jiddependi mill-bażi legali proposta mill-abbozz ta’ att.)

 

 

 

 

 

Emendi għal abbozz ta’ att

Fl-emendi li jsiru mill-Parlament, it-test emendat huwa indikat b’tipa grassa u korsiva. Test korsiv normali huwa indikazzjoni għas-servizzi tekniċi li turi partijiet tal-abbozz ta’ att li għalihom qed tkun proposta korrezzjoni bl-iskop li tgħin fil-preparazzjoni tat-test finali (pereżempju, żbalji ovvji jew nuqqasijiet f’verżjoni lingwistika partikolari). Il-korrezzjonijiet proposti huma soġġetti għall-qbil tas-servizzi tekniċi involuti.

 

L-intestatura ta’ kwalunkwe emenda għal att eżistenti, li l-abbozz ta’ att ikollu l-ħsieb li jemenda, ikun fiha t-tielet u r-raba’ linji li jidentifikaw rispettivament l-att eżistenti u d-dispożizzjoni kkonċernata f’dak l-att. Il-partijiet li jittieħdu kif inhuma minn dispożizzjoni eżistenti li l-Parlament jixtieq jemenda, imma li l-abbozz ta’ att ma jkunx emenda, huma indikati b’tipa grassa. It-tħassir eventwali li jikkonċerna dawn il-partijiet jiġi indikat kif ġej: [...].

 

 

 

WERREJ

Paġna

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW................5

NOTA SPJEGATTIVA.............................................................................................................18

 

 

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi pjan miltiannwali għall-istokk tas-salamun tal-Baltiku u għas-sajd li jisfrutta dak l-istokk

( COM(2011)0470 – C7‑0220/2011 – 2011/0206(COD) )

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ( COM(2011)0470 ),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0220/2011),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-18 ta' Jannar 2012[1],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel ( A7-0000/2012 ),

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa’ tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b’mod sostanzjali jew li tibdilha b’test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda  1

Proposta għal regolament

Premessa 6

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(6) Il-Pjan ta’ Implimentazzjoni maqbul waqt is-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli f’Johannesburg fl-2002 jiddikjara li l-istokkijiet kummerċjali kollha għandhom jerġgħu jinġiebu għal livelli li jistgħu jipproduċu rendiment massimu sostenibbli sal-2015. L-ICES jikkunsidra li għall-istokkijiet tas-salamun tax-xmajjar tal-Baltiku dan il-livell jikkorrispondi għal livell ta’ produzzjoni ta’ salamun żgħir li jgħaddi għall-ilma baħar (smolt) ta’ bejn 60 % u 75 % tal-kapaċità potenzjali ta’ produzzjoni ta’ salamun żgħir li jgħaddi għall-ilma baħar (smolt) għal xmajjar differenti tas-salamun selvaġġ. Dan il-parir xjentifiku għandu jikkostitwixxi l-bażi sabiex ikunu stabbiliti l-għanijiet u l-miri tal-pjan multiannwali.

(6) Il-Pjan ta’ Implimentazzjoni maqbul waqt is-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli f’Johannesburg fl-2002 jiddikjara li l-istokkijiet kummerċjali kollha għandhom jerġgħu jinġiebu għal livelli li jistgħu jipproduċu rendiment massimu sostenibbli sal-2015. L-HELCOM jikkunsidra li għall-istokkijiet tas-salamun tax-xmajjar tal-Baltiku dan il-livell jikkorrispondi għal livell ta’ produzzjoni ta’ salamun żgħir li jgħaddi għall-ilma baħar (smolt) ta’ 80 % tal-kapaċità potenzjali ta’ produzzjoni ta’ salamun żgħir li jgħaddi għall-ilma baħar (smolt) għal xmajjar differenti tas-salamun selvaġġ. Dan il-parir xjentifiku għandu jikkostitwixxi l-bażi sabiex ikunu stabbiliti l-għanijiet u l-miri tal-pjan multiannwali.

Or. pl

 

Emenda  2

Proposta għal regolament

Premessa 12

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(12) Il-parir xjentifiku jiddikjara li l-proċeduri tal-istokkjar jista’ jkollhom implikazzjonijiet sinifikanti fuq id-diversità ġenetika tal-istokk tas-salamun tal-Baltiku u li hemm riskju li l-għadd kbir ta’ ħut imrobbi li jiġi rilaxxat fil-Baħar Baltiku kull sena jkun qed jaffettwa l-integrità ġenetika tas-salamun selvaġġ u għalhekk għandu jitneħħa gradwalment. Għalhekk, il-kundizzjoni tar-riliaxxi għandha tkun stabbilita f'dan il-pjan multiannwali.

(12) Il-parir xjentifiku jiddikjara li l-proċeduri tal-istokkjar jista’ jkollhom implikazzjonijiet sinifikanti fuq id-diversità ġenetika tal-istokk tas-salamun tal-Baltiku u li hemm riskju li l-għadd kbir ta’ ħut imrobbi li jiġi rilaxxat fil-Baħar Baltiku kull sena jkun qed jaffettwa l-integrità ġenetika tas-salamun selvaġġ u għalhekk għandu jiġi ssorveljat aktar. Għalhekk, il-kundizzjoni tar-riliaxxi għandha tkun stabbilita f'dan il-pjan multiannwali.

Or. pl

 

Emenda  3

Proposta għal regolament

Premessa 14

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(14) Madankollu, peress li r-rilaxxi tas-salamun bħalissa jistgħu jkunu obbligatorji f’ċerti Stati Membri, u sabiex l-Istati Membri jingħataw żmien biżżejjed biex jaġġustaw ruħhom għal dawn ir-rekwiżiti, ir-rilaxxi tas-salamun għajr l-istokkjar u l-istokkjar mill-ġdid dirett għandhom jibqgħu awtorizzati matul perjodu tranżitorju ta’ seba’ snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(14) Ir-rilaxxi tas-salamun għajr l-istokkjar u l-istokkjar mill-ġdid dirett m’għandhomx jibqgħu awtorizzati wara għaxar snin, jekk il-produzzjoni tas-salamun selvaġġ żgħir li jgħaddi għall-ilma baħar (smolt) tilħaq it-80% tal-kapaċità potenzjali ta’ produzzjoni ta’ salamun żgħir li jgħaddi għall-ilma baħar (smolt) fi xmara partikolari. Ir-rilaxxi tas-salamun huma attwalment suġġetti li jippreżentaw karattru obbligatorju f’ċerti Stati Membri u l-Istati Membri għandhom jingħataw iż-żmien meħtieġ sabiex iħejju ruħhom għad-dispożizzjonijiet previsti hawnhekk.

Or. pl

 

Emenda  4

Proposta għal regolament

Premessa 16

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(16) Parti sostanzjali tal-bastimenti kostali li jistadu għas-salamun huma inqas minn 10 m fit-tul. Għal din ir-raġuni l-użu ta’ ġurnal ta’ abbord tas-sajd kif previst bl-Artikolu 14 u n-notifika minn qabel kif previst bl-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 għandhom jiġu estiżi biex ikopru l-bastimenti kollha.

(16) Għandhom jiġu imposti l-użu ta’ ġurnal ta’ abbord tas-sajd kif previst bl-Artikolu 14 u n-notifika minn qabel prevista bl-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 għall-bastimenti li jaqbżu t-tul ta’ 12-il metru.

Or. pl

 

Emenda  5

Proposta għal regolament

Premessa 17

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(17) Sabiex ikun żgurat li l-qabdiet tas-salamun ma jiġux irrappurtati ħażin bħala trota tal-baħar, u għalhekk jevadu l-kontroll proprju, huwa meħtieġ li l-obbligu biex dawn jissottomettu n-notifiki minn qabel skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 jiġi estiż ukoll għall-bastimenti kollha li jkollhom abbord it-trota tal-baħar.

(17) Sabiex ikun żgurat li l-qabdiet tas-salamun ma jiġux irrappurtati ħażin bħala trota tal-baħar, u għalhekk jevadu l-kontroll proprju, huwa meħtieġ li l-obbligu biex dawn jissottomettu n-notifiki minn qabel skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 jiġi impost fuq il-bastimenti li jaqbżu t-tul ta’ 12-il metru li jkollhom abbord it-trota tal-baħar.

Or. pl

 

Emenda  6

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – punt 1 – sottopunt a

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

a) sajd kummerċjali fil-Baħar Baltiku u fix-xmajjar magħqudin miegħu fit-territorju tal-Istati Membri (minn hawn’il quddiem imsejħa l-Istati Membri kkonċernati);

a) sajd kummerċjali u ta’ natura rikreattiva fil-Baħar Baltiku u fix-xmajjar magħqudin miegħu fit-territorju tal-Istati Membri (minn hawn’il quddiem imsejħa “l-Istati Membri kkonċernati”);

Or. pl

 

Emenda  7

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – punt 1 – sottopunt b

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

b) sajd rikreattiv għas-salamun fil-Baħar Baltiku fejn tali sajd jitwettaq permezz ta’ bastimenti tas-servizz.

imħassar

Or. pl

 

Emenda  8

Proposta għal regolament

Artikolu 3 – paragrafu 2 – sottopunt ha (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

ha)

“sajd rikreattiv” tfisser suriet ta’ attivitajiet li mhumiex kummerċjali u li jutilizzaw kull tip ta’ entità u tagħmir tas-sajd b’għan kummerċjali u mhux kummerċjali;

Or. pl

 

Emenda  9

Proposta għal regolament

Artikolu 5 – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. Għax-xmajjar tas-salamun selvaġġ li jkunu laħqu l-50% tal-kapaċità tal-produzzjoni potenzjali tas-salamun żgħir li jgħaddi għall-ilma baħar (smolt) sal-mument li fih jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, il-produzzjoni tas-salamun żgħir li jgħaddi għall-ilma baħar (smolt) għandha tilħaq il-75 % tal-kapaċità tal-produzzjoni potenzjali tas-salamun żgħir li jgħaddi għall-ilma baħar (smolt) għal kull xmara fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

1. Għax-xmajjar tas-salamun selvaġġ li jkunu laħqu l-50% tal-kapaċità tal-produzzjoni potenzjali tas-salamun żgħir li jgħaddi għall-ilma baħar (smolt) sal-mument li fih jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, il-produzzjoni tas-salamun żgħir li jgħaddi għall-ilma baħar (smolt) għandha tilħaq il-80 % tal-kapaċità tal-produzzjoni potenzjali tas-salamun żgħir li jgħaddi għall-ilma baħar (smolt) għal kull xmara fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Or. pl

 

Emenda  10

Proposta għal regolament

Artikolu 5 – paragrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. Għax-xmajjar tas-salamun selvaġġ li ma jkunux laħqu il-50 % tal-kapaċità tal-produzzjoni potenzjali tas-salamun żgħir li jgħaddi għall-ilma baħar (smolt) sal-mument li fih jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, il-produzzjoni tas-salamun żgħir li jgħaddi għall-ilma baħar (smolt) selvaġġ għandha tilħaq il-50 % tal-kapaċità tal-produzzjoni potenzjali tas-salamun żgħir li jgħaddi għall-ilma baħar (smolt) għal kull xmara fi żmien ħames snin u 75 % fi żmien għaxar snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

2. Għax-xmajjar tas-salamun selvaġġ li ma jkunux laħqu il-50 % tal-kapaċità tal-produzzjoni potenzjali tas-salamun żgħir li jgħaddi għall-ilma baħar (smolt) sal-mument li fih jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, il-produzzjoni tas-salamun żgħir li jgħaddi għall-ilma baħar (smolt) selvaġġ għandha tilħaq il-50 % tal-kapaċità tal-produzzjoni potenzjali tas-salamun żgħir li jgħaddi għall-ilma baħar (smolt) għal kull xmara fi żmien ħames snin u 80 % fi żmien għaxar snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Or. pl

 

Emenda  11

Proposta għal regolament

Artikolu 5 – paragrafu 3

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3. Wara għaxar snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-produzzjoni tas-salamun żgħir selvaġġ li jgħaddi għall-ilma baħar (smolt) għandha tinżamm f’livell ta’ mill-inqas 75 % tal-kapaċità tal-produzzjoni potenzjali tas-salamun żgħir li jgħaddi għall-ilma baħar (smolt) f’kull xmara tas-salamun selvaġġ.

3. Wara għaxar snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-produzzjoni tas-salamun żgħir selvaġġ li jgħaddi għall-ilma baħar (smolt) għandha tinżamm f’livell ta’ mill-inqas 80 % tal-kapaċità tal-produzzjoni potenzjali tas-salamun żgħir li jgħaddi għall-ilma baħar (smolt) f’kull xmara tas-salamun selvaġġ.

Or. pl

 

Emenda  12

Proposta għal regolament

Artikolu 6 – paragrafu 4

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

4. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta kull tliet snin il-kompatibbiltà u l-effikaċja tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri skont dan l-Artikolu abbażi tal-għanijiet u l-miri stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5.

4. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta kull sena l-kompatibbiltà u l-effikaċja tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri skont dan l-Artikolu abbażi tal-għanijiet u l-miri stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5.

Or. pl

 

Emenda  13

Proposta għal regolament

Artikolu 8 – titolu

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

L-użu tal-kwota nazzjonali mill-bastimenti tas-servizz

L-użu tal-kwota nazzjonali fil-kuntest ta’ attivitajiet ta’ sajd rikreattiv

Or. pl

 

Emenda  14

Proposta għal regolament

Artikolu 8

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Is-salamun li jinqabad mill-baħar permezz ta’ bastimenti tas-servizz għandu jingħadd mal-kwota nazzjonali.

Is-salamun li jinqabad fil-kuntest ta’ attivitajiet ta’ sajd rikreattiv għandu jingħadd mal-kwota nazzjonali.

Or. pl

 

Emenda  15

Proposta għal regolament

Artikolu 9 – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. Għax-xmajjar tas-salamun selvaġġ li ma jkunux laħqu l-50 % tal-kapaċità tal-produzzjoni potenzjali tas-salamun żgħir li jgħaddi għall-ilma baħar (smolt) sal-mument li fih jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jistabbilixxu sa mhux aktar tard minn sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament miżuri tekniċi ta’ konservazzjoni.

1. Għax-xmajjar tas-salamun selvaġġ li ma jkunux laħqu l-50 % tal-kapaċità tal-produzzjoni potenzjali tas-salamun żgħir li jgħaddi għall-ilma baħar (smolt) sal-mument li fih jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jistabbilixxu sa mhux aktar tard minn sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament miżuri tekniċi ta’ konservazzjoni.

Or. pl

 

Emenda  16

Proposta għal regolament

Artikolu 11 – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta kull tliet snin il-kompatibbiltà u l-effikaċja tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri skont l-Artikoli 9 u 10, b’mod partikolari fejn ix-xmajjar tas-salamun selvaġġ jgħaddu minn diversi Stati Membri, abbażi tal-miri u l-għanijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5.

1. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta kull sena l-kompatibbiltà u l-effikaċja tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri skont l-Artikoli 9 u 10, b’mod partikolari fejn ix-xmajjar tas-salamun selvaġġ jgħaddu minn diversi Stati Membri, abbażi tal-miri u l-għanijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5.

Or. pl

 

Emenda  17

Proposta għal regolament

Artikolu 14

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Ir-rilaxxi tas-salamun għajr dawk magħmula skont l-Artikoli 12 u 13 jistgħu jissuktaw sa 7 snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Ir-rilaxxi tas-salamun għajr dawk magħmula skont l-Artikoli 12 u 13 jistgħu jissuktaw sa 7 snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Ir-rilaxxi tas-salamun li mhumiex koperti mill-Artikoli 12 u 13 għandhom jieqfu wara perjodu ta’ għaxar snin jekk il-produzzjoni tas-salamun selvaġġ żgħir li jgħaddi għall-ilma baħar (smolt) tilħaq it-80% tal-kapaċità potenzjali ta’ produzzjoni ta’ salamun żgħir li jgħaddi għall-ilma baħar (smolt) fi xmara partikolari.

Or. pl

 

Emenda  18

Proposta għal regolament

Artikolu 16

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

B’deroga mill-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni Ewropea ta’ kwalunkwe tul li jkollhom permess tas-sajd għas-salamun għandhom iżommu ġurnal ta’ abbord għall-operazzjonijiet kollha tagħhom skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

B’deroga mill-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd u tas-servizz tal-Unjoni Ewropea ta’ tul totali li jaqbeż it-12-il metru, li jkollhom permess tas-sajd għas-salamun għandhom iżommu ġurnal ta’ abbord għall-operazzjonijiet kollha tagħhom skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

Or. pl

 

Emenda  19

Proposta għal regolament

Artikolu 17

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

B’deroga mis-sentenza introduttorja tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni Ewropea ta’ kwalunkwe tul li jkollhom abbord salamun u/jew trota tal-baħar għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera tagħhom, immedjatament wara t-tlestija tal-operazzjoni tas-sajd, bl-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

B’deroga mis-sentenza introduttorja tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd u tas-servizz tal-Unjoni Ewropea, ta’ tul totali li jaqbeż it-12-il metru, li jkollhom abbord salamun u/jew trota tal-baħar għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera tagħhom, immedjatament wara t-tlestija tal-operazzjoni tas-sajd, bl-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

Or. pl

 

Emenda  20

Proposta għal regolament

Artikolu 20

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jivverifikaw il-preċiżjoni tal-informazzjoni rreġistrata fid-dikjarazzjonijiet tal-qbid permezz ta’ spezzjonijiet tal-ħatt l-art. Dawn l-ispezzjonijiet tal-ħatt l-art għandhom ikopru spezzjoni ta’ mill-inqas 10 % tal-għadd totali tal-ħatt l-art li jsir.

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jivverifikaw il-preċiżjoni tal-informazzjoni rreġistrata fid-dikjarazzjonijiet tal-qbid permezz ta’ spezzjonijiet tal-ħatt l-art. Dawn l-ispezzjonijiet tal-ħatt l-art għandhom ikopru spezzjoni ta’ mill-inqas 50 % tal-għadd totali tal-ħatt l-art li jsir.

Or. pl

 

Emenda  21

Proposta għal regolament

Artikolu 20a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 20a

 

Kontroll tas-sajd rikreattiv

 

Il-kontroll tal-attivitajiet tas-sajd rikreattiv għall-finijiet tar-regolament preżenti huwa msejjes b'mod partikolari fuq l-Artikolu 55 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u l-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) Nru 404/2011.

Or. pl

 

Emenda  22

Proposta għal regolament

Artikolu 22a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 22a

 

 

Sa mhux aktar tard minn tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ir-riżultati tal-istudji xjentifiċi li jkunu saru dwar l-influwenza tal-predaturi, b'mod partikolari l-foki u l-marguni, fuq l-istokkijiet tal-salamun tal-Baltiku. Ir-riżultati ta’ dawn l-istudji għandhom ifornu l-bażi ta’ pjan ta’ ġestjoni tal-popolazzjonijiet ta’ predaturi li jkollhom influwenza fuq l-istokkijiet ta’ salamun tal-Baltiku, li l-Kummissjoni għandha tfassal u li għandu jidħol fis-seħħ sa mhux aktar tard mill-2016.

Or. pl

 

Emenda  23

Proposta għal regolament

Artikolu 23 – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. L-Istati Membri kkonċernati għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri tekniċi ta’ konservazzjoni adottati skont il-Kapitolu V u dwar jekk laħqux l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 fit-tielet sena mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u mbagħad kull tliet snin.

1. L-Istati Membri kkonċernati għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri tekniċi ta’ konservazzjoni adottati skont il-Kapitolu V u dwar jekk laħqux l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u mbagħad kull sena.

Or. pl

 

Emenda  24

Proposta għal regolament

Artikolu 23 – paragrafu 2 – paragrafu introduttorju

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. L-Istati Membri kkonċernati għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-kisba tal-għanijiet stipulati fl-Artikolu 5 fis-sitt sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u mbagħad kull sitt snin. Ir-rapport tal-Istat Membru għandu jipprovdi b’mod partikolari l-informazzjoni li ġejja:

2. L-Istati Membri kkonċernati għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-kisba tal-għanijiet stipulati fl-Artikolu 5 fit-tielet sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u mbagħad kull tliet snin. Ir-rapport tal-Istat Membru għandu jipprovdi b’mod partikolari l-informazzjoni li ġejja:

Or. pl

 

Emenda  25

Proposta għal regolament

Artikolu 24

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Il-Kummissjoni għandha, abbażi tar-rappurtar mill-Istati Membri kif imsemmi fl-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament u abbażi tal-parir xjentifiku, tivvaluta l-impatt tal-miżuri ta’ ġestjoni fuq l-istokk tas-salamun tal-Baltiku kif ukoll fuq is-sajd li jisfrutta dak l-istokk fis-sena ta’ wara li fiha din tirċievi r-rapport mill-Istati Membri.

Il-Kummissjoni għandha, abbażi tar-rappurtar mill-Istati Membri kif imsemmi fl-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament u abbażi tal-parir xjentifiku, tivvaluta l-impatt tal-miżuri ta’ ġestjoni fuq l-istokk tas-salamun tal-Baltiku kif ukoll fuq is-sajd li jisfrutta dak l-istokk fis-sena ta’ wara li fiha din tirċievi r-rapport mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha teżamina mill-ġdid il-projbizzjoni tal-użu tal-għeżula għas-sajd tas-salamun fid-dawl tal-impatt tagħhom fuq l-istokkijiet ta’ salamun tal-Baltiku.

Or. pl

 

Emenda  26

Proposta għal regolament

Artikolu 27

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Meta Stat Membru kkonċernat ma jistabbilixxix jew ma jippubblikax, sad-data ta’ skadenza stabbilita, il-miżuri stipulati fl-Artikoli 6 jew 11, jew fejn miżuri bħal dawn jitqiesu bħala mhux adegwati u/jew mhux effettivi wara l-valutazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 6.4 u 11.1, l-għoti tas-setgħa lill-Istat Membru kkonċernat imsemmija fl-Artikoli 6 jew 11 għandha tiġi rrevokata mill-Kummissjoni. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ġġib fi tmiemha d-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha.

Meta Stat Membru kkonċernat ma jistabbilixxix jew ma jippubblikax, sad-data ta’ skadenza stabbilita, il-miżuri stipulati fl-Artikoli 6 jew 11, jew fejn miżuri bħal dawn jitqiesu bħala mhux adegwati u/jew mhux effettivi wara l-valutazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 6.4 u 11.1, l-għoti tas-setgħa lill-Istat Membru kkonċernat imsemmija fl-Artikoli 6 jew 11 għandha tiġi rrevokata mill-Kummissjoni. Ir-revoka ta’ din id-delegazzjoni ta’ setgħat għandha ssir skont il-proċedura definita fl-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Or. pl

 

 

NOTA SPJEGATTIVA

Il-pjan multiannwali ta’ ħarsien tas-salamun tal-Baltiku jikkostitwixxi element fundamentali tal-ġestjoni tal-istokkijiet tal-baħar fil-kuntest tar-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS). Fil-qafas tal-valutazzjoni tal-impatt tar-rapport preżenti fuq il-livell ta’ stokk tas-salamun fil-Baltiku, tmexxiet konsultazzjoni wiesgħa tal-partijiet interessati li jinkludu fost oħrajn is-sajjieda li joħorġu fuq il-baħar, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, is-sajjieda bil-qasba, l-istituzzjonijiet konsultattivi bħalma huma l-Kunsill Konsultattiv Reġjonali għall-Baħar Baltiku u l-ICES, ir-rappreżentanti tal-gvernijiet u tal-awtoritajiet lokali tal-Istati differenti, il-Kumitat tar-Reġjuni eċċ. Għadd kbir ta’ mistoqsijiet dettaljati ġew indirizzati lill-Kummissjoni dwar xi punti li kienu s-suġġett ta’ kontroversji fost il-partijiet interessati, u li kienu jikkonċernaw b’mod partikolari s-sajd rikreattiv jew l-attribuzzjoni tal-kwoti tas-sajd fl-Istati differenti. It-tagħrif miġbur wara li ttieħdu dawn il-passi jenfasizza n-nuqqas ta’ ħafna data essenzjali, sitwazzjoni li ppreżentat diffikultà supplementari għall-elaborazzjoni tar-rapport preżenti.

Sajd rikreattiv

Is-sajd rikreattiv huwa wieħed mill-attivitajiet li għandhom impatt kbir fuq il-livell tal-istokkijiet tal-salamun tal-Baltiku, impatt li mhuwiex ivvalutat b’mod korrett minħabba n-nuqqas ta’ kontroll adegwat jew minħabba l-fatt li l-Istati Membri ma jwettqux l-obbligu tagħhom li jgħaddu t-tagħrif lill-partijiet ikkonċernati. Din is-sitwazzjoni ġabet żvilupp bla kontroll tas-sajd rikreattiv li, bl-introduzzjoni ta’ ismijiet ta’ entitajiet speċifiċi bħalma hu “bastiment tas-servizz”, ma jistax jiġi kkontrollat, ħaġa li tikkontribwixxi għaż-żieda tal-qabdiet mhux iddikjarati tas-salamun tal-Baltiku. Hemm irrapportat ukoll li tagħmir tas-sajd bl-aħħar teknoloġija qed jiġi utilizzat għas-sajd rikreattiv, bħalma huma x-xbieki rmunkati, jew li dak li jkun jimblokka l-passaġġ tas-salamun fix-xmajjar permezz ta’ għeżula tal-wiċċ ta’ tul li jilħaq il-100 metru. Dan huwa għalkollox kuntrarju għall-kunċett tas-sajd rikreattiv li, skont id-definizzjoni tiegħu, għandu jikkontribwixxi għall-promozzjoni ta’ kultura tas-sajd sostenibbli, b'tali mod li jtejjeb l-attrazzjoni turistika ta' reġjuni li jiddependu minn din il-fergħa ta' attivitajiet. Is-sajd fuq skala żgħira għandu rwol partikolarment importanti xi jwettaq fil-promozzjoni tas-suriet kollha ta' sajd sostenibbli u responsabbli, billi jmexxi 'l quddiem fost oħrajn is-sajd rikreattiv tas-salamun filwaqt li jistrieħ fuq prinċipji ta’ kontroll li jiġu applikati b'mod ċar u trasparenti.

 Bħalissa aħna affrontati minn nuqqas ġenerali ta’ data u għalhekk minn nuqqas ta’ għarfien xjentifiku fuq l-ambitu tas-sajd rikreattiv u dwar l-impatt li għandu fuq l-istokkijiet tas-salamun tal-Baltiku fil-pajjiżi differenti. Ir-rapport preżenti għandu l-għan li jippreżenta regoli ċari li jkunu jippermettu li jiġu unifikati l-prinċipji ta’ ġestjoni u ta’ kontroll li jirrigwardaw is-sajd rikreattiv. Ir-rapporteur iqis li l-attivitajiet ta’ sajd rikreattiv eżerċitati kif għandu jkun jikkontribwixxu bil-kbir għall-iżvilupp ta' suriet alternattivi ta' sajd, filwaqt li jġibu magħhom tkabbir sostenibbli tar-reġjuni li jiddependu mis-sajd.

Parir tal-Kunsill Konsultattiv Reġjonali tal-Baħar Baltiku

F’konformità mal-prattika attwali, il-Kummissjoni, għall-pjanifikazzjoni tal-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni Ewropea, għandha tagħti kont tal-pariri tal-kunsilli konsultattivi reġjonali. Jeħtieġ għalhekk li jiġi nnutat li l-parir tal-Kunsill Konsultattiv Reġjonali għall-Baħar Baltiku rigward il-ġestjoni tal-istokkijiet tal-salamun tal-Baltiku huwa definit b’mod ċar, dwar ċerti punti essenzjali, tal-proġett ta’ ġestjoni ppreżentat mill-Kummissjoni. Id-differenzi prinċipali għandhom x’jaqsmu mal-valuri speċifikati għall-istokkijiet ta' salamun selvaġġ tax-xmajjar, ir-rata ta’ mortalità mis-sajd għall-istokkijiet ta’ salamun fil-baħar, l-abbandun progressiv tal-istokkjar li ma jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament propost, kif ukoll l-eżiġenzi relatati maż-żamma ta' ġurnali ta’ abbord jew ukoll in-notifika minn qabel. Il-kwestjonijiet imsemmija hawn fuq jikkostitwixxu l-bażi tal-pjan ta’ ġestjoni tal-istokkijiet ta’ salamun tal-Baltiku. F’dan il-kuntest, ir-rapporteur jixtieq jenfasizza li l-pożizzjoni diverġenti tal-Kunsill Konsultattiv Reġjonali għall-Baħar Baltiku fir-rigward ta’ dawn il-kwestjonijiet tista’ ġġib konflitti jew ċaħda tal-komunità fir-rigward tal-proposta tal-Kummissjoni. Dan jikkonferma l-ħtieġa li wieħed jipproċedi sistematikament għal konsultazzjonijiet wiesgħa tal-ambjenti interessati waqt li jkunu qed jiġu mfassla l-pjanijiet ta’ ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd fl-Unjoni Ewropea, bl-objettiv li jinstabu soluzzjonijiet ta’ kompromess li jikkontribwixxu għall-ħarsien tal-ambjent u għall-iżvilupp sostenibbli tas-sajd.

Influwenza tal-predaturi fuq l-istokkijiet tas-salamun tal-Baltiku

Waqt it-tfassil tar-rapport preżenti, sar sforz doppju biex issir valutazzjoni tal-influwenza li għandhom il-predaturi, b'mod partikolari l-foki u l-marguni, fuq l-istokkijiet tas-salamun Baltiku. Mill-analiżi tad-dokumenti ppubblikati dwar is-suġġett joħroġ li hemm nuqqas ta’ studji affidabbli u fattwali dwar il-kwestjoni. Għadd kbir ta’ għejun jindikaw li l-predaturi għandhom influwenza maġġuri fuq il-livell ta’ tnissil tas-salamun, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-għadd tas-smolt (is-salamun żgħir li jgħaddi għall-ilma baħar) li hemm fix-xmajjar. Ir-rapporteur iqis li jeħtieġ li jsiru studji xjentifiċi fil-fond biex jiġi vvalutat l-għadd, it-tip u l-influwenza tal-ispeċijiet differenti ta’ predaturi fuq l-istokkijiet ta’ salamun tal-Baltiku.

Punti prinċipali tar-rapport

Tnissil

Ir-rapporteur iqis li l-livell ta’ produzzjoni ta’ salamun żgħir li jgħaddi għall-ilma baħar (smolt) għandu jiġi ffissat għal 80% tal-kapaċità potenzjali ta’ produzzjoni tas-smolt fix-xmajjar differenti li joffru ħabitat lis-salamun selvaġġ, f’konformità mar-rakkomandazzjoni tal-HELCOM. Dan il-livell jikkostitwixxi l-bażi tat-tnissil naturali, u jikkawża konsegwentement iż-żieda tal-istokkijiet tas-salamun tal-Baltiku. Il-proposta li jiġi limitat l-istokkjar li mhux kopert mill-Artikoli 12 u 13 tar-Regolament, fis-sitwazzjonijiet fejn hemm nuqqas ta’ data adegwata dwar is-suġġett jew meta l-popolazzjoni tas-salamun tonqos, jista’ jkollha effetti dannużi u twassal biex ikompli jonqos l-istokk ta’ din l-ispeċi.

Kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament

Ir-rapporteur iqis li jeħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament jitwessa’ b’tali mod li jiġbor fih ukoll is-suriet kollha ta’ sajd rikreattiv.

Kontroll tal-qabdiet

Ir-rapporteur huwa favur li jsir kontroll aktar strett tal-qabdiet u jipproponi għalhekk li tal-anqas 50% tal-qabdiet li jitniżżlu l-art f'kull Stat Membru jiġu ssorveljati. Wieħed mill-elementi essenzjali tar-rapport hu l-introduzzjoni ta’ kontroll sħiħ u totali fuq it-tipi kollha ta’ sajd rikreattiv u l-obbligu li jiġu ddikjarati l-qabdiet li jsiru fil-kuntest ta' dan it-tip ta' sajd. Mill-analiżi tar-rapporti ta’ kontroll tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd rigward il-pajjiżi Baltiċi joħroġ li l-livell ta’ kontroll mhuwiex biżżejjed, ħaġa li tista’ tagħti lok għal għadd konsiderevoli ta’ qabdiet mhux iddikjarati. Ir-rapporteur, f’konformità mal-parir tal-Kunsill Konsultattiv Reġjonali għall-Baħar Baltiku, iqis li l-bastimenti tas-sajd li ma jaqbżux it-12-il metru m’għandhomx jiġu sottomessi għall-obbligu li jżommu ġurnali ta’ abbord u l-anqas għall-obbligu li jinnotifikaw lill-awtoritajiet minn qabel. Fid-dawl ta’ dan li ntqal hawn fuq, jeħtieġ li tingħata aktar l-attenzjoni lill-utilizzazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-qabdiet u liż-żieda tal-għadd ta' kontrolli fil-portijiet bħala mezzi biex isir kontribut għar-rikostituzzjoni tal-istokkijiet tas-salamun.

Revoka tad-delega tas-setgħat mogħtija lill-Istati Membri mill-Kummissjoni

Jeħtieġ li jiġi innutat li, fil-proposta tagħha għal regolament dwar l-istokkijiet tas-salamun tal-Baltiku, il-Kummissjoni tiddelega lill-Istati Membri setgħat f’dik li hija regolamentazzjoni ta’ ċerti oqsma li huma meqjusa li jirriżultaw mill-kompetenza esklussiva tal-Unjoni (konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar). Il-Kummissjoni tesprimi b’hekk l-appoġġ tagħha għar-reġjonalizzazzjoni u għad-deċentralizzazzjoni tal-ġestjoni fil-qasam tal-Politika Komuni tas-Sajd. Hija tirriżerva madankollu d-dritt li tintervjeni fil-każ fejn Stat Membru ma jweġibx għall-eżiġenzi, li jinsabu fir-Regolament, maħsuba biex iwasslu għar-rikostituzzjoni tal-istokkijiet ta’ salamun tal-Baltiku. Jeħtieġ li l-atti ddelegati jitqiesu bħala element pożittiv tal-unifikazzjoni tal-PKS, li jippermetti lill-Kummissjoni, fil-qafas tar-Regolament preżenti, teżerċita kontroll aħjar u taġixxi b'mod aktar effikaċi f’dak li jirrigwarda d-delega ta’ setgħat lill-Istati Membri kkonċernati.

Ir-rapporteur iqis madankollu li r-revoka tad-delega tas-setgħat mogħtija lill-Istati Membri kkonċernati mill-Kummissjoni għandha ssir f’konformità mal-proċedura definita fl-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

 

 

[1] ĠU C 68, 6.3.2012, p. 47.