Dokument ta' sessjoni
16.7.2014 B8‑0007/2014 }
B8‑0015/2014 } RC1
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ECR ( B8‑0007/2014 )
PPE ( B8‑0008/2014 )
ALDE ( B8‑0009/2014 )
Verts/ALE ( B8‑0011/2014 )
S&D ( B8‑0013/2014 )
GUE/NGL ( B8‑0015/2014 )
dwar il-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda fl-Eġittu
( 2014/2728(RSP) )
Cristian Dan Preda, Mariya Gabriel, Bogdan Brunon Wenta, Tunne Kelam, Jarosław Leszek Wałęsa, Seán Kelly, Petri Sarvamaa, Monica Luisa Macovei, Pavel Svoboda, Jaromír Štětina, László Tőkés, Pál Csáky, Eduard Kukan, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Andrej Plenković, Davor Ivo Stier, Franck Proust, Andrzej Grzyb, Lars Adaktusson
f'isem il-Grupp PPE
Josef Weidenholzer, Victor Boştinaru, Pier Antonio Panzeri, Marc Tarabella, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Liisa Jaakonsaari, Goffredo Maria Bettini, Michela Giuffrida, Corina Creţu, Demetris Papadakis, Luigi Morgano, Ana Gomes
f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Czarnecki
f'isem il-Grupp ECR
Marietje Schaake, Alexander Graf Lambsdorff, Izaskun Bilbao Barandica, Marielle de Sarnez, Jean-Marie Cavada, Charles Goerens, Louis Michel, Frédérique Ries, Ramon Tremosa i Balcells
f'isem il-Grupp ALDE
Javier Couso Permuy, Marina Albiol Guzmán, Marie-Christine Vergiat, Lola Sánchez Caldentey, Pablo Echenique Robba
f'isem il-Grupp GUE/NGL
Judith Sargentini, Tamás Meszerics, Michel Reimon, Klaus Buchner, Barbara Lochbihler, Margrete Auken, Ernest Maragall, Ulrike Lunacek
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda fl-Eġittu
( 2014/2728(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, partikolarment dik tas-6 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar strateġija dwar il-libertà diġitali fil-politika barranija tal-UE[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar il-libertà tal-istampa u tal-midja fid-dinja[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar "il-Politika Ewropea tal-Viċinat: ħidma favur sħubija aktar b'saħħitha. Il-pożizzjoni tal-PE dwar ir-rapporti ta’ progress 2012"[4],
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Libertà ta' Espressjoni Online u Offline tat-12 ta' Mejju 2014,
– wara li kkunsidra l-Linji ta' Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Catherine Ashton, dwar l-Eġittu, u b'mod partikolari l-kummenti tagħha wara l-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-23 ta' Ġunju 2014 dwar is-sentenzi għall-ġurnalisti ta' Al Jazeera u s-sentenzi tal-mewt għal aktar minn 180 persuna f'Minya,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni preliminari tad-29 ta' Mejju 2014 tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE għall-elezzjonijiet presidenzjali fl-Eġittu,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-29 ta' Mejju 2014 mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għall-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE għall-elezzjonijiet presidenzjali fl-Eġittu,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tat-23 ta' Ġunju 2014 mis-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, u l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, dwar is-sentenzi ta' ħabs għal diversi ġurnalisti u l-konferma tas-sentenzi tal-mewt għal diversi membri tal-Aħwa Musulmani u persuni li jappoġġawhom,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Eġittu tal-2001, li daħal fis-seħħ fl-2004, imsaħħaħ mill-Pjan ta’ Azzjoni tal-2007, u r-rapport ta’ progress tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Marzu 2013 dwar l-implimentazzjoni tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Eġittu adottata permezz ta' referendum fl-14-15 ta' Jannar 2014, speċjalment l-Artikoli 65, 70, 73, 75 u 155 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Liġi 107 tal-Eġittu dwar id-Dritt ta' Laqgħat Pubbliċi, Purċissjonijiet u Dimostrazzjonijiet Paċifiċi tal-24 ta' Novembru 2013,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li tiegħu l-Eġittu huwa parti,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-għaqda huma pilastri indispensabbli ta' soċjetà demokratika u pluralista; billi l-libertà tal-istampa u tal-midja huma elementi vitali għad-demokrazija u soċjetà miftuħa; billi fil-Kostituzzjoni tal-Eġittu adottata fl-2014 hemm minquxa l-libertajiet fundamentali, fosthom il-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda;
B. billi l-ksur tal-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem – fosthom vjolenza, inċitament, diskors ta' mibegħda, fastidju, intimidazzjoni u ċensura, kontra avversarji politiċi, dawk li jipprotestaw b'mod paċifiku, ġurnalisti, bloggers, sindikalisti, attivisti tas-soċjetà ċivili u minoritajiet min-naħa ta' awtoritajiet tal-istat, forzi tas-sigurtà u servizzi u gruppi oħra – għadu mifrux fl-Eġittu; billi l-libertajiet tal-assoċjazzjoni, l-għaqda u l-espressjoni ilhom oqsma ta' tħassib partikolari minn Lulju 2013; billi l-Eġittu huwa kklassifikat bħala "mhux liberu" mir-rapport tal-2014 Freedom in the World ippubblikat minn Freedom House;
C. billi l-istampa, il-midja u l-libertajiet diġitali kienu qed jiġu attakkati b'mod ripetut u dejjem aktar ta' sikwit mill-Gvern Eġizzjan; billi l-ġurnalisti u s-sorsi tal-aħbarijiet, il-midja soċjali u l-internet ġew attakkati jew iċċensurati; billi hemm polarizzazzjoni estrema tal-midja Eġizzjana f'fazzjonijiet favur u kontra Morsi, li qed issaħħaħ il-polarizzazzjoni Eġizzjana; billi, skont Reporters without Borders, tal-anqas 65 ġurnalist ġew arrestati u 17 minnhom għadhom detenuti; billi minn Lulju 2013 s'issa nqatlu tal-inqas sitt ġurnalisti fl-Eġittu;
D. billi fit-23 ta' Ġunju 2014, 20 ġurnalist Eġizzjan u barrani, fosthom tliet ġurnalisti ta' Al Jazeera – l-Awstraljan Peter Greste, il-Kanadiż-Eġizzjan Mohamed Fahmy u l-Eġizzjan Baher Mohamed – u, in absentia, iċ-ċittadina Olandiża Rena Netjes, ingħataw sentenzi ta' ħabs ta' bejn 7 u 10 snin; billi ġew akkużati li "ffalsifikaw l-aħbarijiet" u li jappartjenu fi grupp terrorista jew li qed jgħinuh; billi l-ġurnalisti qed jintbagħtu l-ħabs u jiġu akkużati li huma kriminali jew "terroristi" sempliċiment għax qed jagħmlu xogħolhom; billi Rena Netjes ġiet akkużata b'mod falz li qed taħdem għal Al Jazeera;
E. billi, skont ħafna xhud, ġew osservati diversi irregolaritajiet u eżempji ta' nuqqas ta' abilità matul il-proċedimenti ta' proċess; billi osservaturi internazzjonali, fosthom ambaxxati ta' ċerti Stati Membri, attendew dan il-proċess; billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, iddenunzjat dawn il-proċedimenti legali għaliex kienu "kkaratterizzati minn irregolaritajiet proċedurali u kienu jiksru d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem"; billi l-President Eġizzjan Abdul Fattah al-Sisi riċentement irrikonoxxa li dawn is-sentenzi kellhom konsegwenzi negattivi u qal li xtaq li l-akkużati ġew deportati minnufih wara l-arrest tagħhom minflok ma tressqu l-qorti; billi jista' jsir appell kontra dawn is-sentenzi, fi proċess li jista' jdum ix-xhur;
F. billi eluf ta' persuni li pprotestaw u priġunieri ta' kuxjenza ġew detenuti fl-Eġittu minn mindu l-armata Eġizzjana ħadet il-poter f'Ġunju 2013; billi arresti u każijiet ta' detenzjoni arbitrarja tkomplew sa mill-elezzjoni tal-President al-Sisi f'Mejju 2014; billi fil-11 ta' Ġunju 2014 qorti kkundannat lil Alaa Abdul Fattah, attivist prominenti li kellu rwol ewlieni fir-rivoluzzjoni tal-2011, u oħrajn għal 15-il sena ħabs fuq akkużi li kiser il-Liġi 107 tal-2013 dwar id-Dritt ta' Laqgħat Pubbliċi, Purċissjonijiet u Dimostrazzjonijiet Paċifiċi (Liġi dwar il-Protesti); billi attivisti prominenti oħra, fosthom Mohamed Adel, Ahmed Douma, Mahienour El-Massry u Ahmed Maher, kif ukoll difensuri ewlenin tad-drittijiet tan-nisa, bħal pereżempju Yara Sallam u Sana Seif, għadhom detenuti; billi fit-28 ta' April 2014, il-Qorti tal-Kajr għall-Kwistjonijiet Urġenti ddeċidiet favur il-projbizzjoni tal-Moviment taż-Żgħażagħ tas-6 ta' April;
G. billi uffiċjali tal-gvern irrikonoxxu li minn Jannar 2014 l-awtoritajiet żammew f'detenzjoni tal-inqas 16 000 individwu, fosthom 1 000 persuna li pprotestat, u li ħafna minn dawk detenuti ġew arrestati talli eżerċitaw id-drittijiet tagħhom tal-libertà tal-għaqda, l-assoċjazzjoni u l-espressjoni, jew għal allegata affiljazzjoni mal-Aħwa Musulmani; billi mijiet ta' studenti ġew arrestati wkoll waqt protesti u taqbidiet;
H. billi minn Lulju 2013 s'issa nqatlu madwar 1 400 persuna li pprotestat minħabba użu eċċessiv u arbitrarju tal-forza mill-forzi tas-sigurtà; billi ma nżamm responsabbli l-ebda uffiċjal tas-sigurtà għal dawn l-atti jew abbużi oħra kontra persuni li pprotestaw matul din l-aħħar sena; billi l-kumitat għas-sejbien tal-fatti stabbilit f'Diċembru 2013 tqies b'mod ġenerali li s'issa naqas milli jipprovdi investigazzjoni bir-reqqa, kredibbli u imparzjali tal-inċidenti vjolenti li ġraw minn Lulju 2013 s'issa;
I. billi l-Artikolu 65 tal-Kostituzzjoni tal-Eġittu jiddikjara li l-libertà tal-ħsieb u tal-opinjoni hija garantita, u li kull persuna għandu jkollha d-dritt li tesprimi l-opinjoni tagħha verbalment, bil-miktub, permezz ta' imaġini, jew permezz ta' kull mod ieħor ta' espressjoni u pubblikazzjoni; billi, fid-dikjarazzjoni preliminari tagħha, il-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE għall-elezzjonijiet presidenzjali fl-Eġittu ta' Mejju 2014 qalet li minkejja li l-kostituzzjoni ġdida stabbilixxiet lista estensiva ta' drittijiet fundamentali, ir-rispett għal dawn id-drittijiet ma ssodisfax il-prinċipji ġenerali, u li klima ġenerali ta' liberta limitata ta' espressjoni, li wasslet għal awtoċensura mill-ġurnalisti, setgħet tiġi osservata fil-pajjiż;
J. billi l-Artikolu 73 tal-Kostituzzjoni tal-Eġittu jiddikjara li ċ-ċittadini għandu jkollhom id-dritt li jorganizzaw laqgħat pubbliċi, parati, dimostrazzjonijiet u l-forom kollha ta' protesti paċifiċi, mingħajr ma jġorru armi ta' kwalunkwe tip, billi jservu notifika kif tkun irregolata mil-liġi, u li d-dritt għal għaqda paċifika u privata hija garantita mingħajr il-ħtieġa ta' notifika minn qabel, filwaqt li l-forzi tas-sigurtà ma jkollhomx il-permess li jattendu, jissorveljaw jew jissemmgħu tali laqgħat; billi l-adozzjoni f'Novembru 2013 tal-Liġi 107 dwar id-Dritt ta' Laqgħat Pubbliċi, Purċissjonijiet u Dimostrazzjonijiet Paċifiċi (Liġi dwar il-Protesti), li timponi restrizzjonijiet fuq laqqħat pubbliċi u dimostrazzjonijiet u tagħti l-liċenzja lill-forzi tas-sigurtà biex jużaw forza eċċessiva kontra l-persuni li jipprotestaw, tirrappreżenta theddida serja għal-libertà tal-għaqda;
K. billi protesti paċifiċi ġew sfrattati u ħafna persuni li kienu qed jipprotestaw ġew arrestati u detenuti skont il-Liġi dwar il-Protesti matul dawn l-aħħar xhur; billi fil-21 ta' Ġunju 2014, il-pulizija sfrattaw parata paċifika f'Heliopolis fejn kien qed jintalab it-tħassir tal-Liġi dwar il-Protesti u r-rilaxx ta' dawk detenuti taħtha, u arrestaw aktar minn 50 persuna b'rabta ma' dan l-avveniment fl-istess ġurnata; billi aktar minn 20 minn dawk arrestati baqgħu detenuti u qed jiffaċċjaw proċess;
L. billi l-Artikolu 75 tal-Kostituzzjoni tal-Eġittu jiddikjara li ċ-ċittadini kollha għandu jkollhom id-dritt li jiffurmaw assoċjazzjonijiet u fondazzjonijiet mhux governattivi fuq bażi demokratika; billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Eġizzjani riċentement esprimew it-tħassib profond tagħhom dwar l-aħħar abbozz tal-liġi dwar l-NGOs, li jimponi kontroll sħiħ fuq gruppi ċiviċi u li jkunu subordinati għal korpi ta' sigurtà u amministrattivi, kif ukoll jippermetti li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jingħataw kundanna;
M. billi f'Settembru 2013, l-awtoritajiet interim Eġizzjani pprojbixxu l-Aħwa Musulmani, xeħtu lill-mexxejja tagħhom il-ħabs, ħatfu l-beni tagħhom, għalqulhom il-mezzi tal-midja, u kkriminalizzaw is-sħubija magħhom; billi fil-21 ta' Ġunju 2014, qorti Eġizzjana kkonfermat is-sentenzi tal-mewt għal 183 membru tal-Aħwa Musulmani u persuni li jappoġġawhom, li ġew ikkundanati fi proċess tal-massa aktar qabel; billi dawn is-sentenzi huma l-aktar riċenti f'sensiela ta' prosekuzzjonijiet u proċeduri tal-qorti li kienu karatterizzati minn irregolaritajiet proċedurali u li kienu jiksru d-dritt internazzjonali;
N. billi prattiki ġudizzjarji riċenti jpoġġu f'dubju serju l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja u l-abilità tagħha li tiżgura r-responsabilità; billi, b'mod partikolari, dawn is-sentenzi li jwasslu għal piena tal-mewt għandhom ir-riskju li jdgħajfu l-prospetti għal stabilità fit-tul fl-Eġittu;
O. billi l-Artikolu 155 tal-Kostituzzjoni tal-Eġittu jiddikjara li, wara konsultazzjoni mal-Kabinett, il-President tar-Repubblika jista' jagħti maħfra jew inaqqas sentenza;
P. billi l-istat tad-dritt, il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-ġustizzja soċjali u standard ogħla tal-ħajja għaċ-ċittadini, huma dimensjonijiet kruċjali tat-tranżizzjoni lejn soċjetà Eġizzjana miftuħa, ħielsa, demokratika u prospera; billi t-trejdjunjins indipendenti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom rwol kruċjali f'dan il-proċess, u l-midja ħielsa tifforma parti kruċjali mis-soċjetà fi kwalunkwe demokrazija; billi n-nisa Eġizzjani għadhom f'sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli fiż-żmien attwali ta' tranżizzjoni politika u soċjali fil-pajjiż;
Q. billi, f'konformità mal-Politika Ewropea tal-Viċinat riveduta tagħha u speċjalment l-approċċ "aktar għal aktar", il-livell u l-ambitu tal-impenn tal-UE mal-Eġittu għandhom ikunu bbażati fuq inċentivi u għalhekk dipendenti fuq il-progress tal-pajjiż fir-rigward tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi;
1. Jikkundanna bil-qawwa, u jappella li jieqfu minnufih l-atti kollha ta' vjolenza, inċitament, diskors ta' mibegħda, fastidju, intimidazzjoni jew ċensura kontra avversarji politiċi, dawk li jipprotestaw b'mod paċifiku, ġurnalisti, bloggers, sindakalisti, attivisti tad-drittijiet tan-nisa, atturi tas-soċjetà ċivili u minoranzi min-naħa tal-awtoritajiet tal-istat, il-forzi u s-servizzi tas-sigurtà u gruppi oħra fl-Eġittu; ifakkar lill-Gvern Eġizzjan fir-responsabbiltà tiegħu li jiżgura s-sigurtà u s-sikurezza taċ-ċittadini kollha irrispettivament mill-fehmiet politiċi, l-affiljazzjoni politika jew it-twemmin politiku tagħhom, u li jiggarantixxi li l-libertajiet tal-għaqda, tal-assoċjazzjoni, tal-espressjoni u tal-istampa jkunu jistgħu jiġu eżerċitati mingħajr limitazzjonijiet arbitrarji u ċensura fil-pajjiż; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jieħdu impenn favur id-djalogu u n-nonvjolenza kif ukoll favur il-governanza inklużiva;
2. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar sensiela ta' deċiżjonijiet reċenti tal-qrati fl-Eġittu, inklużi s-sentenzi twal ta' priġunerija mogħtija fit-23 ta' Ġunju 2014 lil tliet ġurnalisti ta' Al Jazeera u lil 11-il imputat ieħor li l-proċess tagħhom sar in absentia, kif ukoll il-konferma tal-piena ta' mewt għal 183 persuna;
3. Jesprimi l-allarm tiegħu dwar it-trażżin u l-attakki fiżiċi li qed isiru aktar ħorox kemm fuq il-midja kif ukoll fuq is-soċjetà ċivili fl-Eġittu, li qed ixekklu l-abbiltà tagħhom li joperaw liberament; jikkundanna l-fastidju, id-detenzjoni u l-prosekuzzjoni ta' ġurnalisti nazzjonali u internazzjonali u ta' atturi tas-soċjetà ċivili, inklużi bloggers, sempliċement talli għamlu xogħolhom; itenni l-appell tiegħu għal investigazzjonijiet minnufih, indipendenti, serji u imparzjali dwar każijiet ta' użu sproporzjonat ta' forza, jew ta' detenzjoni arbitrarja min-naħa tal-forzi tas-sigurtà u l-awtoritajiet tal-istat, u biex dawk responsabbli jwieġbu ta' għemilhom;
4. Jiddispjaċih għall-eżistenza ta' ċensura tal-midja u l-internet u għall-fatt li l-aċċess għal xi blogs u netwerks soċjali huwa limitat; jikkundanna l-fastidju mġarrab minn għadd ta' gazzetti u kumpaniji tal-midja awdjoviżiva;
5. Jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jirrilaxxaw minufih u bla kundizzjonijiet lil dawk kollha detenuti, misjubin ħatja u/jew li ngħataw sentenza ta' ħabs talli eżerċitaw paċifikament id-drittijiet tagħhom ta' libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni, kif ukoll lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-ġudikatura Eġizzjan tiżgura li l-proċedimenti kollha tal-qrati fil-pajjiż jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' proċess liberu u ġust u jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-imputati; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jikkummissjonaw investigazzjonijiet indipendenti u imparzjali dwar l-allegazzjonijiet kollha ta' trattament ħażin u jiżguraw li d-detenuti kollha jkollhom aċċess għal kull kura medika li jista' jkollhom bżonn;
6. Jenfasizza li l-liġi kontra t-terroriżmu tal-Eġittu ntużat ukoll biex l-imputati jinstabu ħatja f'għadd ta' proċessi; iħeġġeġ lill-President jaġixxi bla dewmien, anke permezz tad-dritt kostituzzjonali tiegħu li jagħti l-maħfriet, biex ikun żgurat li ma titwettaq l-ebda sentenza tal-mewt u li ħadd ma jkun jista' jiġi detenut fl-Eġittu b'verdett mogħti fi proċess fil-qorti li ma jissodisfax ir-rekwiżiti msemmija hawn fuq; jistieden lill-awtoritajiet jistabbilixxu minnufih moratorju uffiċjali fuq l-eżekuzzjonijiet bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni;
7. Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti Eġizzjani biex jirrevokaw jew jemendaw il-Liġi dwar il-Protesti u biex jirrieżaminaw l-abbozz ta' liġi l-ġdid dwar l-NGOs imressaq mill-Ministeru tas-Solidarjetà Soċjali, b'konformità mal-Artikoli 65, 73 u 75 tal-Kostituzzjoni Eġizzjana, l-istandards internazzjonali u l-obbligi internazzjonali tal-pajjiż, u biex jiżguraw li l-leġiżlazzjoni eżistenti u futura kollha fil-pajjiż tkun konformi mal-kostituzzjoni u ma' dawk l-istandards u l-obbligi;
8. Ifakkar li l-Kostituzzjoni Eġizzjana li għadha kif ġiet adottata wittiet it-triq biex jinbena pajjiż li jirrispetta l-libertà u d-demokrazija u li fih id-drittijiet u l-ġustizzja jkunu parti integrali mill-ħajja ta' kuljum; ifakkar lill-Gvern Eġizzjan li l-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-istampa u l-libertà diġitali, kif ukoll id-dritt tal-parteċipazzjoni f'dimostrazzjonijiet paċifiċi, huma drittijiet tal-bniedem fundamentali f'demokrazija, kif rikonnoxuti fil-Kostituzzjoni Eġizzjana l-ġdida;
9. Ifakkar lill-awtoritajiet kompetenti Eġizzjani fl-obbligi ġuridiċi nazzjonali u internazzjonali tagħhom, u jistieden lill-President al-Sisi u lill-Gvern Eġizzjan jagħtu prijorità lill-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u jiżguraw ir-responsabbiltà f'każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem;
10. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti Eġizzjani jdawru r-rotta u jieħdu passi konkreti biex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni l-ġdida dwar id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, inklużi l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-għaqda, jiġu implimentati bis-sħiħ, biex b'hekk juru li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt u għandhom jibdew billi jirrilaxxaw minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lill-priġunieri tal-kuxjenza;
11. Jisħaq fuq l-importanza tas-separazzjoni tal-poteri bħala prinċipju fundamentali tad-demokrazija, u tal-fatt li l-ġudikatura ma tistax tintuża bħala strument ta' persekuzzjoni politika u trażżin politiku, u jissuġġerixxi li l-liġi dwar l-awtoritajiet ġudizzjarji tiġi riformata biex tiġi żgurata separazzjoni tal-poteri ġenwina li twassal għall-amministrazzjoni indipendenti u imparzjali tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja;
12. Iħeġġeġ lir-rappreżentanti tad-Delegazzjoni tal-UE u l-ambaxxati tal-Istati Membri tal-UE fil-Kajr biex ikunu preżenti waqt il-proċessi legali politikament sensittivi ta' ġurnalisti, bloggers, trejdunjonisti u attivisti tas-soċjetà ċivili, Eġizzjani u barranin.
13. Jiddispjaċih għall-fatt li, minkejja l-liġi ġdida dwar il-fastidju sesswali, il-vjolenza kontra n-nisa kompliet tmur għall-agħar, speċjalment fl-isfera pubblika, fejn għexieren ta' każijiet ta' stupru u vjolenza sesswali qegħdin iseħħu waqt il-protesti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jieqfu jikkriminalizzaw persuni LGBT minħabba li esprimew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom u d-dritt għal assemblea paċifika, abbażi 'tal-liġi debauchery', u biex jeħilsu l-persuni LGBT kollha li ġew arrestati u li ntbagħtu l-ħabs skont dik il-liġi; iħeġġeġ lill-Gvern Eġizzjan jadotta strateġiji nazzjonali għall-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u persuni LGBT u biex jelimina kull forma ta' diskriminazzjoni, u jiżgura l-konsultazzjoni u l-involviment effettiv tan-nisa u ta' gruppi għad-drittijiet LGBT u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili matul il-proċess;
14. Jafferma mill-ġdid li l-libertà tal-istampa u l-midja huma elementi essenzjali għal demokrazija u soċjetà miftuħa, u li bħala tali għandhom ikunu fost il-punti fokali ta' azzjoni tal-UE dwar l-Eġittu, bħala parti minn strateġija aktar wiesgħa u koerenti tal-UE li għandha tiffoka fuq it-titjib tad-drittijiet, tal-libertajiet u tal-opportunitajiet tal-Eġizzjani hekk kif l-UE qed tiżviluppa relazzjonijiet mal-pajjiż;
15. Jesprimi, għal darba oħra, is-solidarjetà qawwija tiegħu mal-poplu Eġizzjan f'dan il-mument ta' tranżizzjoni f'pajjiżhom; jitlob strateġija komuni fost l-Istati Membri fir-rigward tal-Eġittu; iħeġġeġ, għal darba oħra, lill-Kunsill, lill-VP/HR u lill-Kummissjoni biex jaħdmu b'mod attiv fuq il-bażi tal-prinċipju tal-kundizzjonalità ("aktar għal aktar"), u b'kunsiderazzjoni għall-isfidi ekonomiċi serji li qed jaffaċċja l-Eġittu, fir-relazzjonijiet bilaterali tal-Unjoni u l-appoġġ finanzjarju għall-pajjiż; itenni, f'dan ir-rigward, it-talba tiegħu għal punti referenzjarji ċari u miftehma konġuntament; jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jgħin lill-poplu Eġizzjan fil-proċess ta' tranżizzjoni lejn riforma demokratika u ekonomika;
16. Jistieden lill-VP/HR jiċċara l-miżuri speċifiċi li ttieħdu bħala rispons għad-deċiżjoni tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin biex jeżamina mill-ġdid l-assistenza tal-UE lill-Eġittu; jitlob, b'mod partikolari, kjarifika tal-istatus ta': (i) il-programm ippjanat dwar ir-Riforma tal-ġustizzja; (ii) il-programmi għall-appoġġ tal-baġit tal-UE; (iii) il-programm għat-tisħiħ domestiku u kummerċjali; u (iv) il-parteċipazzjoni tal-Eġittu fi programmi reġjonali tal-UE bħall-Euromed Pulizija u Euromed Ġustizzja;
17. Jitlob projbizzjoni fl-UE kollha fuq l-esportazzjoni lejn l-Eġittu ta' teknoloġiji ta' intrużjoni u sorveljanza li jistgħu jintużaw għal skopijiet ta' spjunaġġ u għar-ripressjoni taċ-ċittadini, u għal projbizzjoni, f'konformità mal-Arranġament Wassenaar, fuq l-esportazzjoni ta' tagħmir ta' sigurtà jew għajnuna militari li jistgħu jintużaw għas-soppressjoni ta' protesti paċifiċi;
18. Iħeġġeġ lill-VP/HR jiġġenera appoġġ għall-UE favur riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu fis-sessjoni li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, li se, fost affarijiet oħra, tagħti bidu għal investigazzjoni internazzjonali dwar il-qtil ta' dimostranti u allegazzjonijiet ta' tortura u trattament ħażin mill-forzi tas-sigurtà matul is-sena li għaddiet;
19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, u lill-President tar-Reppubblika Għarbija tal-Eġittu u lill-gvern interim tiegħu.