Dokument ta' sessjoni
22.10.2014 B8‑0164/2014 }
B8‑0172/2014 } RC1
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ECR ( B8‑0164/2014 )
PPE ( B8‑0165/2014 )
Verts/ALE ( B8‑0168/2014 )
S&D ( B8‑0170/2014 )
ALDE ( B8‑0172/2014 )
dwar l-għeluq tal-NGO 'Memorial' (rebbieħa tal-Premju Sakharov2009)
( 2014/2903(RSP) )
Cristian Dan Preda, Jaromír Štětina, Davor Ivo Stier, Bogdan Brunon Wenta, Giovanni La Via, Tunne Kelam, Luděk Niedermayer, Gabrielius Landsbergis, Agnieszka Kozłowska‑Rajewicz, Andrzej Grzyb, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Monica Luisa Macovei, Dubravka Šuica, Seán Kelly, Michaela Šojdrová, Petri Sarvamaa, Eduard Kukan, Lara Comi, László Tőkés, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Jeroen Lenaers, Andrej Plenković, Jiří Pospíšil, David McAllister, Lorenzo Cesa, Pavel Svoboda, Franck Proust, Ivana Maletić, Arnaud Danjean, Jerzy Buzek
f'isem il-Grupp PPE
Josef Weidenholzer, Knut Fleckenstein, Richard Howitt, Ana Gomes, Liisa Jaakonsaari, Nicola Caputo, Krystyna Łybacka, Tonino Picula, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Goffredo Maria Bettini, Andi Cristea, Vilija Blinkevičiūtė, Marc Tarabella, Hugues Bayet, Afzal Khan, Doru‑Claudian Frunzulică
f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Ryszard Antoni Legutko, Anna Elżbieta Fotyga, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Czarnecki, Beata Gosiewska, Karol Karski, Zbigniew Kuźmiuk, Roberts Zīle, Jussi Halla-aho, Branislav Škripek, Marek Józef Gróbarczyk
f'isem il-Grupp ECR
Johannes Cornelis van Baalen, Dita Charanzová, Louis Michel, Juan Carlos Girauta Vidal, Ramon Tremosa i Balcells, Marietje Schaake, Martina Dlabajová, Gérard Deprez, Pavel Telička, Jozo Radoš, Ivan Jakovčić, Izaskun Bilbao Barandica, Petr Ježek, Antanas Guoga, Javier Nart
f'isem il-Grupp ALDE
Tamás Meszerics, Heidi Hautala, Barbara Lochbihler, Peter Eriksson, Helga Trüpel, Bart Staes, Reinhard Bütikofer, Ernest Urtasun, Indrek Tarand, Ulrike Lunacek
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Marie-Christine Vergiat, Helmut Scholz, Merja Kyllönen, Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-għeluq tal-NGO 'Memorial' (rebbieħa tal-Premju Sakharov2009)
( 2014/2903(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, b'mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2012[1] u tat-2 ta' April 2014[2] dwar it-twaqqif ta' restrizzjonijiet komuni tal-viża għal uffiċjali Russi involuti fil-każ ta' Sergei Magnitsky, u r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar l-istat tad-dritt fir-Russja[3] u tat-13 ta' Marzu 2014 dwar ir-'Russja: kundanna tad-dimostranti involuti fil-ġrajjiet tal-Pjazza Bolonaya'[4],
– wara li kkunsidra l-għoti tal-Premju Sakharov 2009 għal-Libertà tal-Ħsieb lil 'Memorial', NGO Russa li torganizza kampanji, inter alia, favur id-drittijiet tal-priġunieri politiċi fir-Russja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tas-26 ta' Marzu 2013 dwar is-sitwazzjoni tal-NGOs fil-Federazzjoni Russa,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Russja, partikolarment l-Artikolu 118 tagħha, li jiddikjara li l-ġustizzja fil-Federazzjoni Russa għandha tiġi amministrata biss mill-qrati, u l-Artikolu 120 tagħha, li jistipula li l-imħallfin huma indipendenti u huma subordinati biss għall-Kostituzzjoni Russa u għad-dritt federali,
– wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet tat-28 ta’ Novembru 2013 bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Ombudsman għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Federazzjoni Russa Vladimir Lukin, tal-4 ta' Marzu 2014, dwar id-dimostrazzjonijiet pubbliċi f'Moska u dwar il-passi meħuda mill-aġenziji għall-infurzar tal-liġi,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni eżistenti li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Federazzjoni Russa, min-naħa l-oħra (FSK), kif ukoll in-negozjati li jinsabu sospiżi għal ftehim ġdid bejn l-UE u r-Russja,
– wara li kkunsidra s-‘Sħubija għall-Modernizzazzjoni’ li bdiet fl-2010 f’Rostov-on-Don u l-impenn meħud mit-tmexxija Russa favur l-istat tad-dritt bħala bażi fundamentali għall-modernizzazzjoni tar-Russja,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-9 ta' Diċembru 1998,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Federazzjoni Russa, bħala membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u tan-NU, ħadet l-impenn favur il-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; billi minħabba l-bosta każijiet ta' ksur gravi tal-istat tad-dritt u l-adozzjoni ta' liġijiet restrittivi tul ix-xhur li għaddew, qed ikompli jikber it-tħassib rigward il-konformità tar-Russja mal-obbligi internazzjonali u nazzjonali tagħha; billi l-UE ripetutament offriet għajnuna u għarfien tekniku addizzjonali biex tgħin lir-Russja ħalli timmodernizza u ssegwi l-ordni kostituzzjonali u ġuridika tagħha, f'konformità mal-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa;
B. billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja marret għall-agħar tul dawn l-aħħar snin u billi l-awtoritajiet Russi adottaw sensiela ta' liġijiet b'dispożizzjonijiet ambigwi u li qed jintużaw biex ipoġġu aktar restrizzjonijiet fuq l-atturi tal-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili, u b'hekk ixekklu l-libertajiet tal-espressjoni u tal-għaqda;
C. billi l-ligi Russa dwar l-'aġenti barranin', adottata fl-Lulju 2012, tirrikjedi lil NGOs li jirċievu fondi barranin u li huma impenjati f'xi "attività politika" li japplikaw biex ikunu inklużi f'lista speċjali tal-gvern ta' aġenti barranin, li tfisser li mbagħad ikunu suġġetti għal skrutinju mill-qrib addizzjonali min-naħa tal-gvern, u tirrikjedi li l-pubblikazzjonijiet kollha tagħhom, l-istqarrijiet għall-istampa u r-rapport jiddikjaraw li kienu magħmula minn aġent barrani; billi l-liġi kienet emendata f'Mejju 2014 biex tippermetti lill-Ministeru għall-Ġustizzja stess jirreġistra tali NGOs bħala 'aġenti barranin';
D. billi l-implimentazzjoni ta' din il-liġi kienet tinvolvi azzjonijiet drastiċi bħal raids tal-pulizija, il-konfiska ta' proprjetà, multi amministrattivi u miżuri oħrajn intiżi li jipprevjenu u jiskoraġġixxu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili milli jwettqu xogħolhom; billi 13-il grupp ewlieni favur id-drittijiet b'mod konġunt ressqu ilment quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li fih ikkontestaw il-liġi dwar l-"aġenti barranin"; billi din l-applikazzjoni attwalment qed tiġi riveduta;
E. billi diversi organizzazzjonijiet Russi u internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem irrapurtaw li miżuri sproporzjonati u azzjonijiet aggressivi min-naħa tal-forzi tas-sigurtà wasslu għal episodji ta' vjolenza, segwiti minn arresti arbitrarji tad-dimostranti; billi l-mexxejja tal-partiti u tal-movimenti tal-oppożizzjoni huma suġġetti għal fastidju mill-awtoritajiet Russi, b'uħud miżmuma detenuti fuq diversi allegazzjonijiet;
F. billi għadd ta' proċessi u proċedimenti ġudizzjarji matul l-aħħar ftit snin tefgħu dubju fuq l-indipendenza u l-imparzjalità tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji tal-Federazzjoni Russa; billi dawn il-proċessi jeħtieġ li jkunu meqjusa f'kuntest aktar wiesa' ta' ripressjoni, persekuzzjoni u ksur tad-drittijiet tal-bniedem li qed jiżdiedu fir-Russja, inklużi arresti, kundanni u proċessi motivati politikament, li tagħhom il-każijiet ta' Sergei Magnitsky, Mikhail Khodorkovsky u Aleksei Navalny huma l-eżempji l-aktar magħrufa;
G. billi l-awtoritajiet Russi qegħdin ikabbru l-programmi ta' sorveljanza tal-massa tagħhom; billi dawn il-programmi, flimkien mal-liġijiet li jirrestrinġu l-libertà tal-NGOs, jagħtu lill-awtoritajiet Russi għodda qawwija ħafna biex jimmonitorjaw u jopprimu l-vuċijiet ta' oppożizzjoni;
H. billi Memorial hi soċjetà storika Russa u favur id-drittijiet ċivili li ilha taħdem sa mill-1987 biex tippromovi l-valuri favur id-demokrazija, l-istat tad-dritt, u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem fil-prattika tal-politiki u tal-ħajja pubblika, u kien fundata fuq l-inizjattiva ta' grupp ta' dissidenti fl-era Sovjetika taħt il-patruċinju tar-rebbieħ tal-Premju Nobel Andrei Sakharov;
I. billi l-Ministeru għall-Ġustizzja Russu qed ifittex il-likwidazzjoni ta' Memorial, minħabba li tiġbor flimkien aktar minn 50 aġenzija reġjonali indipendenti mill-pajjiż kollu ta' organizzazzjoni umbrella unika, mingħajr kwartier ġenerali; billi, skont il-liġi federali, organizzazzjoni tista' biss tkun klassifikata bħala 'nazzjonali' jekk tkun rappreżentata f'aktar minn nofs ir-reġjuni tar-Russja permezz ta' organizzazzjonijiet 'reġjonali' formalment reġistrati; billi Memorial kienet reġistrata mal-Ministeru tal-Ġustizzja sa mill-1992;
J. billi Memorial, permezz tal-ilħna tal-mexxejji tagħha, opponiet u kkritikat l-aggressjoni Russa kontra l-Ukraina u talbet lill-President Putin jtemmha;
K. billi l-Parlament Ewropew ta l-Premju Sakharov tal-2009 lil Memorial;
L. billi fit-23 ta' Mejju 2014, Qorti f'Moska ordnat liċ-Ċentru tad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial jiġi reġistrat bħal aġent barrani għall-"attività politika" tiegħu fil-qasam tax-xogħol tad-drittijiet tal-bniedem; billi sussegwentement l-NGO irrifjutat li tirreġistra lilha nnifisha f'din il-kategorija inġusta u ddeċidiet li tillikwida l-istruttura tagħha u tkompli l-ħidma tagħha mingħajr ma tkun reġistrata fil-Federazzjoni Russa;
M. billi fit-13 ta' Ottubru 2014 infetħet kawża mill-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Russja bl-għan li tillikwida s-Soċjetà Memorial Russa, allegatament għar-raġuni li din u l-assoċjazzjonijiet affiljati tagħha kien reġistrati b'mod mhux kif suppost;
N. billi Memorial qed tħabbat wiċċha ma' xoljiment ġaladarba l-Qorti Suprema tar-Russja taqta' s-sentenza tal-kawża fit-13 ta' Novembru 2014;
O. billi Memorial ilu jkollha l-problemi mal-amministrazzjoni Russia, fosthom ġiet ittimbrata “aġent barrani” mill-Ministeru tal-Ġustizzja f'Lulju 2014, ġiet imġiegħla tagħlaq l-uffiċċju tagħha fiċ-Ċeċenja wara l-qtil tal-attivista tad-drittijiet tal-bniedem Natalya Estemirova li kienet qed tinvestiga każijiet ta' ħtif u qtil. Barra minn hekk, Memorial kienet l-ewwel orhainzzazzjoni li rċeviet ordni ta' likwidazzjoni għaċ-ċentru tagħha ta' kontra d-diskriminazzjoni, ADC f'San Pietruburgu (li jippromwovi d-drittijiet tar-Roma, ħaddiema migranti mill-Asja Ċentrali u l-Kawkasu, u Tatari etniċi fil-Krimea), talli naqas milli jirreġistra bħala "aġent barrani";
P. billi taħt l-emendi l-ġodda tal-Liġi dwar l-Informazzjoni, it-Teknoloġiji tal-Informatika u l-Protezzjoni tal-Informazzjoni adottata fi Frar 2014, ġew blukkati s-siti tas-servizzi tal-aħbarijiet indipendenti bl-internet; billi dawn jinkludu s-siti Grani.ru, Kasparov.ru, EJ.ru, il-blog tal-attivista tal-oppożizzjoni Aleksei Navalny fuq is-sit elettroniku tal-istazzjon tar-radju Moscow Echo u Livejournal.com; billi f'xi żoni, is-servizz indipendenti tal-istazzjon tat-televiżjoni bil-cable "Dozhd" (Xita) m'għadux jitħalla jxandar;
1. Jikkundanna b'qawwa l-appell tal-Ministeru tal-Ġustizzja fil-Qorti Suprema biex tingħalaq l-organizzazzjoni indipendenti tad-drittijiet Memorial u s-seduta tas-smigħ skedata għat-13 ta' Novembru, u jħeġġu jirtira l-kawża qabel is-seduta ta' smigħ skedata; jenfasizza li Memorial għandha rwol kruċjali fl-iżvilupp tal-valuri demokratiċi u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja;
2. Jistieden lill-awtoritajiet Russi jtemmu kwalunkwe att ta' intimidazzjoni, anke fil-livell ġudizzjarju, kontra s-Soċjetà "Memorial", iċ-Ċentru tad-Drittijiet tal-Bniedem “Memorial”, il-membri tagħhom, kif ukoll id-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem fil-Federazzjoni Russa, u jiżguraw f'kull ċirkostanza li huma jkunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet leġittimi tagħhom mingħajr ebda indħil;
3. Jindika li Mikhail Fedotov, President tal-Kunsill Presidenzjali Russu għas-Soċjetà Ċivili u d-Drittijiet tal-Bniedem, esprima b'mod ċar li mhemmx raġunijiet legali biex Memorial tingħalaq, u li s-smigħ tal-Qorti Suprema għandu jiġi pospost għal wara konferenza ppjanata ta' Memorial 19 ta' Novembru 2014, meta l-organizzazzjoni hi mistennija tħabbar bidliet fl-istruttura organizzativa tagħha bl-għan li tkun konformi mal-liġi Russa;
4. Jemmen li l-liġi tal-"aġent barrani" tikkostitwixxi ksur tal-impenji meħuda mir-Russja lejn il-Kunsill tal-Ewropa u l-OSKE; jikkunsidra wkoll li d-definizzjoni ta' "attività politika"mwettqa minn NGOs li jaċċettaw finanzjament barrani tant hi wiesgħa li tippermetti, fil-prattika, kontroll tal-gvern fuq kważi kull attività organizzata relatata mal-ħajja pubblika; iħeġġeġ għaldaqstant lir-Russja biex tirrevoka liġijiet li jinkludu fihom dispożizzjonijiet inkonsistenti mal-impenji internazzjonali u kostituzzjonali tar-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem;
5. Jesprimi t-tħassib l-aktar profond rigward l-emendi sussegwenti ta' Mejju 2014 tal-liġi tal-"aġenti barranin", li issa tippermetti lill-Ministeru tal-Ġustizzja jirreġistra gruppi bħala "aġenti barranin" fid-diskrezzjoni tiegħu, mingħajr il-kunsens tagħhom;
6. Jindika li sa mir-reviżjoni tal-liġi, il-Ministeru tal-Ġustizzja rreġistra l-ewwel ħmistax-il grupp, u sussegwentement diversi NGOs ġġieldu bil-qrati, mingħajr ma rnexxielhom, kontra l-isforzi tal-awtoritjaiet biex iġegħluhom jirreġistraw;
7. Jenfasizza li dawk l-NGOs (iċ-Ċentru Memorial għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Fondazzjoni Verdett Pubbliku, AGORA u JURIX) huma partikolarment magħrufa li jipprovdu għajnuna legali lill-vittmi ta' manipulazzjoni politika tal-ġustizzja, attivisti tas-soċjetà ċivili ppersegwitati u dimostranti paċifiċi, attivisti LGBT, u vittmi ta' vjolenza min-naħa tal-pulizija, u għandhom rwol kruċjali fl-iżvilupp tal-valuri demokratiċi u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja;
8. Jistieden lill-awtoritajiet Russi jiżguraw fiċ-ċirkostanzi kollha r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet fundamentali skont id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-bniedem u l-istrumenti internazzjonali u reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem ratifikati mill-Federazzjoni Russa, u li jirrispettaw id-drittijiet taċ-ċittadini kollha li jeżerċitaw il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem universali tagħhom; jistieden lill-awtoritajiet Russi jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tad-Dikjarazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri dwar azzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa biex titjieb il-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jkunu promossi l-attivitajiet tagħhom;
9. Jinsab imħasseb ħafna dwar in-nuqqas ta' osservanza, min-naħa tar-Russja, tal-obbligi legali internazzjonali tagħha, bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE, u tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-istat tad-dritt kif minquxa fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR);
10. Jesprimi tħassib profond dwar il-fatt li l-kundizzjoni tas-Soċjetà ċivili kritika fir-Russja qed teħżien b'mod partikolari dawk l-organizzazzjonijiet li jaħdmu fuq id-drittijiet tal-bniedem u jesprimu kritika fir-rigward tal-politiki tal-istat; jistieden bil-qawwa lir-Russja, biex treġġa' lura t-tendenza attwali, biex tiżgura li dawn iċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet leġittimi tagħhom bla indħil u jipparteċipaw fil-promozzjoni tal-parteċipazzjoni ta' soċjetà ċivili kritika;
11. Jenfasizza li l-liberta ta' għaqda fil-Federazzjoni Russa hi stipulata fl-Artikolu 31 tal-Kostituzzjoni Russa u fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li tagħhom ir-Russja hi firmatarja, u dan jobbliga lill-awtoritajiet Russi biex jirrispettawha; jistieden lill-Federazzjoni Russa tirrispetta l-prinċipji tal-istat tad-dritt, il-libertà tal-kelma u tal-għaqda;
12. Jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli (VP/RGħ) u lill-SEAE jiżguraw li l-każijiet tal-persuni kollha ppersegwitati għal raġunijiet politiċi jitqajmu fil-laqgħat mal-kontropartijiet Russi tagħhom, u li r-rappreżentanti tar-Russja f'dawn il-laqgħat jintalbu formalment biex iwieġbu fir-rigward ta' kull każ;
13. Jistieden lill-Presidenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, kif ukoll lill-VP/RGħ, biex ikomplu jsegwu tali każijiet mill-qrib, ikomplu jqajmu dawn il-kwistjonijiet fil-formati u l-laqgħat differenti mar-Russja, u biex jirrappurtaw lura lill-Parlament dwar l-iskambji tagħhom mal-awtoritajiet Russi;
14. Iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lill-SEAE jiżguraw li l-UE tfittex kull opportunità biex tkompli tinvolvi u tappoġġa lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Russa, inklużi dawk li qed jaħdmu għall-promozzjoni tal-valuri tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;
15. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-SEAE, fir-rigward tal-fażi ta' programmazzjoni li għaddejja bħalissa tal-istrumenti finanzjarji tal-UE, biex tiżdied l-assistenza finanzjarja lis-soċjetà ċivili Russa, u biex jinkludu l-Forum tas-Soċjetà Ċivili UE-Russja fl-Istrument tas-Sħubija biex ikun żgurat appoġġ fit-tul sostenibbli u kredibbli;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, u lill-President, lill-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa.