Dokument ta' sessjoni

 

22.10.2014                                                                                                    B8‑0167/2014 }

                                                                                                                      B8‑0175/2014 } RC1

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

GUE/NGL ( B8‑0167/2014 )

Verts/ALE ( B8‑0175/2014 )

dwar l-għajbien ta' 43 student għalliem fil-Messiku

( 2014/2905(RSP) )

Javier Couso Permuy, Patrick Le Hyaric, Marie-Christine Vergiat, Malin Björk, Marina Albiol Guzmán, Paloma López Bermejo, Ángela Vallina, Lidia Senra Rodríguez

f'isem il-Grupp GUE/NGL

Ernest Urtasun, Josep-Maria Terricabras, Jordi Sebastià, Bodil Ceballos, Ska Keller, Ulrike Lunacek, Barbara Lochbihler, Ernest Maragall, Heidi Hautala

f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-għajbien ta' 43 student għalliem fil-Messiku

( 2014/2905(RSP) )

 

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Messiku, b'mod partikolari dik tad-9 ta' Marzu 2010,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Ħavana ta' Jannar 2014, u b'mod partikolari l-punt 1 tagħha,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali tal-UE dwar l-Iguala, li nħarġet bi qbil mal-Kapijiet ta' Missjoni tal-Istati Membri tal-UE fil-Messiku, tat-12 ta' Ottubru 2014,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Kummissjoni Għolja tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u Amnesty International,

–   wara li kkunsidra l-Ftehiùm globali bejn l-UE u l-Messiku tal-2000,

–   wara li kkunsidra d-Djalogu ta' Livell Għoli dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, bħala parti mis-Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Messiku, tal-2008,

–   wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija ta' Ġunju 2000,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Messiku hija kritika għall-aħhar, speċjalment fl-Istati ta' Chiapas, Oaxaca u Atencoles;

 

B.   billi, skont il-Bank Dinji tad-Data, 52,3 % tal-popolazzjoni kienet tgħix taħt is-soll tal-faqar fl-2012; billi l-Messiku huwa wieħed mill-pajjiżi bl-aktar distribuzzjoni tal-ġid inugwali fid-dinja;

 

C.  billi l-awtoritajiet qed jistabbilixxu sistema ekonomika u soċjali bbażata fuq il-ħtif, il-privatizzazzjoni u l-kommodifikazzjoni tar-riżorsi bażiċi, bħalma huma l-art, l-ilma jew il-bijodiversità;

 

D.  billi l-effett korollarju ta' din il-politika huwa klima ta' fastidju kontra l-organizzazzjonijiet soċjali u l-inkarċerazzjoni ta' bosta militanti politiċi u atturi ekonomiċi u soċjali; billi l-Messiku huwa l-pajjiż bl-aktar rata għolja ta' ġurnalisti maqtula fid-dinja;

 

E.   billi teżisti kollużjoni bejn il-persuni b'karigi politiċi, ir-rappreżentanti eletti u l-"kartelli" ta-traffikanti tad-droga;

 

F.   billi ż-żieda qawwija fl-iskjerament tal-persunal militari minn mindu ġie elett il-President Calderón fl-2006 kellha riperkussjonijiet ferm serji fuq id-drittijiet tal-bniedem, b'żieda fil-każijiet ta' għajbien sfurzat, eżekuzzjonijiet ekstraġudizzjarji, atti ta' tortura u detenzjonijiet arbitrarji;

 

G.  billi, skont il-ċifri uffiċjali tal-gvern, hemm aktar minn 22 000 ruħ "mhux lokalizzati" fil-Messiku; billi aktar minn nofshom sparixxew waqt il-mandat tal-President attwali, Enrique Peña Nieto; billi skont l-NGOs huwa stmat li mill-2006 sal-2014 seħħew bejn 70 000 u 80 000 omiċidju u aktar minn 24 000 każ ta' għajbien;

 

H.  billi l-awtoritajiet Messikani ħafna drabi ma jirnexxilhomx iwettqu l-investigazzjonijiet, il-prosekuzzjonijiet u s-sanzjonijiet b'mod adegwat u billi, skont il-Kummissjoni Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, bejn 98 % u 99 % tad-delitti jibqgħu bla kastig; billi l-impunità prevalenti fil-Messiku hija waħda mir-raġunijiet għalfejn il-vjolenza u l-kriminalità żdiedu fil-pajjiż; billi l-inugwaljanzi soċjali u l-faqar estrem tal-popolazzjoni huma wkoll kaġuni taż-żieda fil-vjolenza;

 

I.    billi qed iseħħu każijiet frekwenti ta' għajbien u ta' ħtif ta' nisa, b'mod partikolari mill-popolazzjoni indiġena; billi t-terminu "femminiċidju" ġej mid-definizzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta' Belém do Para, li jistipula li għandu jitqies bħala vjolenza kontra n-nisa kwalunkwe att jew imġiba, imsejsin fuq is-sess, li jikkaġunaw mewt jew ħsara jew sofferenza fiżika, sesswali jew psikoloġika fuq in-nisa, kemm fil-pubbliku kif ukoll fil-privat; billi huwa obbligu li l-femminiċidju jiġi kastigat u eradikat u kull stat tad-dritt jeħtieġlu jwettaq tali obbligu bi prijorità;

 

J.    billi tul il-lejl ta' bejn il-15 u s-16 ta' Ottubru 2014, María del Rosario Fuentes Rubio, żagħżugħa Messikana li kienet iddenunzjat l-attivitajiet tal-kartelli tad-droga, sfat maqtula fl-Istat ta' Tamaulipas;

 

K.  billi fit-13 ta' Ottubru 2014, Román Atilano, mexxej ta' grupp ta' bdiewa li kienu talbu kumpens għall-artijiet li spiċċaw vittmi ta' għargħar insegwitu tal-bini ta' diga fl-Istat ta' Sinaloa fil-Grigal tal-Messiku, safa maqtul waqt ix-xandir tal-programm tar-radju tiegħu ta' darba f'ġimgħa;

 

L.   billi 22 delinkwent preżunt (skont sorsi uffiċjali) sfaw maqtula waqt konfrontazzjoni li saret fi Tlatlaya fit-30 ta' Ġunju 2014; billi, minn dak iż-żmien 'l hawn, xhieda sostnew li dawn il-persuni (inkluża tfajla ta' 15-il sena) ġew eżegwiti kiesaħ u biered mill-militari wara li kienu ċedew billi fi tmiem Settembru tmien militari involuti f'dan il-massakru ġew arrestati;

 

M.  ixxukkjat bl-atroċitajiet tas-26 ta' Settembru 2014, fil-belt Messikana ta' Iguala/Guerrero, meta l-pulizija sparaw fuq studenti mhux armati tal-Università Rurali ta' Ayotzinapa (Escuela Normal Rural de Ayotzinapa) u qatlu tlieta mill-istudenti, trejner tal-futbol, plejer tal-futbol u xufier ta' xarabank, u ħallew madwar 20 persuna midruba; maħsud sew minħabba li l-avvenimenti wasslu għall-għajbien sfurzat ta' 43 student, li għadhom nieqsa;

N.  billi kemm il-massakru kif ukoll l-għajbien sfurzat li seħħew f'nofs ta' belt li tinsab biss 190 km mill-kapitali tal-Messiku, b'żewġ battaljuni militari u Ċentru għall-Operazzjonijiet Strategiċi tal-Prosekutur Ġenerali Federali fuq il-post; billi, skont xhieda okulari, membri tal-forzi tas-sigurtà lokali għaddew lil tal-inqas 17 mit-43 student f'idejn gruppi kriminali, mingħajr kwalunkwe intervent minn forzi oħra tas-sigurtà; billi l-istudenti sfaw allegatament maħtufa f'karozzi tal-pulizija u mgħoddija lil membri ta' kartell tad-droga Guerreros Unidos;

O.  billi l-Awtoritajiet Federali naqsu milli jieħdu azzjoni immedjata u komprensiva wara delitt spikkanti bħal dan, u ma bdewx ifittxu l-istudenti neqsin u jipproteġu b'mod adegwat lis-superstiti u lill-familji tagħhom mingħajr dewmien; billi l-Awtoritajiet Federali indirizzaw il-kwistjoni biss wara li studenti ddisprati ta' Ayotzinapa u l-qraba tal-persuni neqsin kienu okkupaw huma stess l-Autopista del Sol, wara li għaddiet aktar minn ġimgħa u wara protesti nazzjonali u internazzjonali;

P.   billi fil-ġimgħa wara l-ħtif, wieħed mill-allegati awturi arrestati indika ħames oqbra tal-massa qrib Iguala fit-3 ta' Ottubru 2014, bi 28 kadavru kkarbonizzat, li jafu ma jkunux l-iġsma tal-istudenti neqsin, skont l-analiżi tad-DNA; billi minn dakinhar 'l hawn ġew skoperti aktar oqbra tal-massa f'din iż-żona; billi l-ispeċjalisti tal-forensika Arġentina jeħtieġu kundizzjonijiet aħjar ħalli jagħmlu x-xogħol meħtieġ biex jidentifikaw il-mejtin;

Q.  billi rabtiet ċari u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u organizzazzjonijiet kriminali ġew żvelati f'rapporti preċedenti minn organizzazzjonijiet Messikani tad-drittijiet tal-bniedem, u ġew ikkonfermati mis-servizz sigriet Messikan, CISEN, għall-każ ta' Iguala, iżda dawk ir-rapporti qatt ma wasslu għall-ebda attenzjoni u azzjoni uffiċjali; billi din il-kollużjoni hija ċertament il-kaġun ta' dan id-delitt ġdid; billi mill-anqas 11-il membru tal-forzi tas-sigurtà kienu qed iġorru armi Ġermaniżi f'attakk preċedenti tal-pulizija kontra l-istudenti tal-Università ta' Ayotzinapa fit-12 ta' Diċembru 2011, f’Chilpancingo/Guerrero, fejn il-pulizija qatlu żewġ studenti;

R.   billi s-sindku ta’ Iguala, José Luis Abarca, u l-kap tal-forzi tas-sigurtà lokali, Felipe Flores, huma mfittxija iżda ħarbu; billi sadanittant 44 pulizija u membri ta' gruppi kriminali huma detenuti – 36 minnhom pulizija minn Iguala u Cocula/Guerrero;

S.   billi l-avvenimenti reċenti fi Guerrero jirrappreżentaw livell mingħajr preċedent ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u jesponu kwistjonijiet serji għall-aħħar ta' impunità, kollużjoni bejn uffiċjali tal-pulizija u gruppi ta' kriminali organizzati, u użu eċċessiv tal-forza, u għalhekk iridu jiġu indirizzati fil-qafas tar-relazzjonijiet strateġiċi bejn l-UE u l-Messiku, peress li kemm il-Ftehim Globali u s-Sħubija Strateġika jużaw l-istrumenti eżistenti;

T.   billi l-UE u l-Messiku huma marbutin bi Ftehim Globali li fih klawsola dwar id-drittijiet tal-bniedem, u bi Sħubija Strateġika, b'ġabra ċara ta' valuri komuni, u l-ksur tagħhom iġib miegħu konsegwenzi kemm għall-Ftehim u kemm għas-Sħubija; billi bil-Qafas Strateġiku dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija ta' Ġunju 2012, l-UE impenjat ruħha li "d-drittijiet tal-bniedem ser ikunu fiċ-ċentru tar-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi terzi kollha, inklużi s-sħab strateġiċi tagħha" u li "tappoġġa bis-sħiħ lid-difensuri tal-libertà, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha";

U.  billi l-Messiku ħa bosta impenji f'termini ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell internazzjonali; billi r-rispett għal dawn l-impenji huwa superjuri għad-dritt nazzjonali; billi fil-każ preżenti ta' Iguala, hemm definittivament riskju, fir-rigward tal-komunità internazzjonali, għall-kredibbiltà tal-Istati Uniti tal-Messiku bħala garanti tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

1.  Jitlob li l-awtoritajiet federali jagħmlu ħilithom kollha biex isibu t-43 student tal-Università Rurali ta' Ayotzinapa fil-belt ta' Iguala, u li dawk responsabbli għad-delitti li twettqu jinġiebu quddiem il-ġustizzja u jiġu sanzjonati; jissottolinja, ukoll, il-ħtieġa li ssir investigazzjoni ġenwina, trasparenti u imparzjali ta' dawn il-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, u li jiġu applikati r-regoli proċedurali normali;

2.  Jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tas-sitt persuni li nqatlu bit-tiri tan-nar, u s-solidarjetà tiegħu mal-qraba u mal-istudenti sħab tat-43 student li għebu, u jitlob lill-Awtoritajiet Messikani jipproteġu bis-sħiħ il-ħajjiet u l-integrità fiżika tal-istudenti sopravissuti, tal-qraba u tal-ħbieb tat-43 student li għebu, kif ukoll dawk tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li qed isegwu l-każ; jitlob, barra minn hekk, li l-awtoritajiet jagħmlu provvediment għal attenzjoni psikosoċjali u jimplimentaw b'effikaċja l-miżuri ta' prekawzjoni assenjati lilhom mill-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

3.  Huwa xxukkjat bid-deterjorament ma jaqta' xejn tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Messiku, u bin-nuqqas ta' impenn serju min-naħa tal-istat Messikan biex jiġġieled kontra l-impunità; jikkunanna għal darb' oħra l-każijiet ta' għajbien sfurzat u ta' qtil imwettqa mill-istat Messikan jew inkella bil-kompliċità tiegħu;

4.  Jistenna wkoll mill-Awtoritajiet Messikani investigazzjoni kompluta tat-43 każ ta' għajbien sfurzat, u eventwalment, ta' eżekuzzjoni ekstraġudizzjarja, tas-sitt każijiet ta' qtil, tal-20 każ ta' feriment u ta' partijiet oħra tad-delitt multiplu li seħħ f'Settembru 2014 ġewwa Iguala, l-identifikazzjoni tar-responsabbiltajiet kollha, u l-prosekuzzjoni u l-kundanna effikaċi tal-partijiet responsabbli f'kull livell, bi qbil ma' standards internazzjonali;

5.  Jenfasizza li l-familji tal-persuni maħtufa u maqtula jrid ikollhom aċċess sħiħ għall-ġustizzja, u jinżammu mgħarrfa f'kull stadju tal-investigazzjoni, u li jrid ikun hemm kumpens għad-danni li saru;

6.  Jitlob li fil-prosekuzzjoni jiġi inkluż il-qtil ta' żewġ studenti ta' Ayotzinapa, fit-12 ta' Diċembru 2011, li każijiet tagħhom spiċċaw fix-xejn minħabba n-nuqqas ta' interess tal-awtoritajiet;

7.  Jilqa' t-twaqqif ta' kumitati fil-Kungress u s-Senat tal-Messiku bil-għan li jissorveljaw l-investigazzjonijiet, u jitlob li jinżamm infurmat dwar is-sejbiet rispettivi tagħhom;

8.  Jitlob li ssir bil-ħeffa investigazzjoni dwar l-identitajiet tat-28 katavru li nstabu f'ħames oqbra tal-massa fil-bidu ta' Ottubru 2014, u dwar l-awturi ta' dan id-delitt faħxi ulterjuri f'Iguala, u li jsiru wkoll investigazzjoniiet dwar tal-anqas tliet oqbra tal-massa oħra, u jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li jiġi stabbilit reġistru nazzjonali unifikat, pubbliku u aċċessibbli ta' persuni nieqsa u li għebu, kif ukoll bażi tad-data tad-DNA, bil-għan li jiġu identifikati eluf ta' katavri li nstabu f'oqbra tal-massa fil-Messiku;

9.  Jitlob ukoll li ssir investigazzjoni kompluta dwar iċ-ċirkustanzi madwar l-attakk u l-ħtif, inkluż tan-nuqqas ripetut tal-awtoritajiet statali u federali li jinvestigaw rapporti frekwenti dwar kollużjoni bejn uffiċjali lokali u pubbliċi mal-gruppi kriminali;

10. Jissottolinja l-ħtieġa urġenti li l-istrutturi kollha ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-kriminalità organizzata jinqerdu b'mod effikaċi;

11. Jenfasizza li, jekk jiġi solvut fil-qrati, il-każ ta' Iguala ma jkunx wieħed iżolat; ifakkar lill-awtoritajiet Messikani fil-kuntest usa' tal-każ ta' qtil taċ-ċittadin Finlandiż Jyri Jaakola u taċ-ċittadin Messikan Bety Cariño, li nqatlu ħdejn San José Copala f'Oaxaca fis-27 ta' April 2010, filwaqt li 20 ċittadin Messikan u Ewropew indarbu, u jtenni li jeħtieġ li, fl-aħħar, ikun żgurat li x-xhieda jkunu protetti, li mandati ta' arrest jiġu eżegwiti, li jitressqu kawżi fil-qrati, u li l-parti responabbli għad-delitt tingħata sanzjoni xierqa;

12. Jitlob li l-UE, fir-relazzjonijiet tagħha mal-Messiku, tagħti prijorità assoluta lit-tmiem tal-impunità; jesiġi li l-Kummissjoni Ewropea tiftaħ djalogu reali ma' dak il-pajjiż kemm dwar il-politika kif ukoll dwar id-drittijiet tal-bniedem, u jitlob li l-Parlament Ewropew jingħata rendikonti annwali dwar l-azzjonijiet meħuda fuq il-bażi tar-rakkomandazzjonijiet ta' dak id-djalogu;

13. Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jaħdmu ma' organizzazzjonijiet reġjonali, b'mod partikolari mas-CELAC, bil-għan li jimplimentaw id-dikjarazzjoni ta' Ħavana ta' Jannar 2014, u b'mod partikolari tal-punt 1 tagħha; jissottolinja li l-Messiku huwa membru tas-CELAC u jqis, għalhekk, li din l-organizzazzjoni għandu jkollha rwol ewlieni fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun;

14. Jidhirlu, għal darb'oħra, li r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-pajjiżi terzi għandhom ikunu fuq bażi ta' kooperazzjoni u ta' żvilupp reċiproku, minflok ma jibbażaw fuq ftehimiet ta' sħubija u ta' kummerċ ħieles; huwa tal-fehma li l-modernizzazzjoni prevista tal-Ftehim Globali bejn l-UE u l-Messiku għandha tiġi ffriżata, li jsir rieżami tal-kapitoli u tal-għanijiet tiegħu, li fih tinkixef kull lakuna li tista' tippermetti li tinfirex l-influwenza tal-kriminalità organizzata, mhux l-anqas fis-settur tas-servizzi finanzjarji, u li ssir diskussjoni intensa bejn l-esperti, il-Parlament Ewropew, il-Parlament u s-soċjetà ċivili tal-Messiku dwar il-modi kif ir-regoli tal-kummerċ jistgħu jkunu mħarsa kontra l-abbuż kriminali, filwaqt li tiġi żviluppata kooperazzjoni aktar stretta fi kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi mekkaniżmi vinkolanti ta' infurzar, qabel ma jittieħed kwalunkwe pass ulterjuri;

15. Jappoġġa l-appell tal-NGOs biex l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-Qorti fl-Aja jagħtu attenzjoni partikolari lid-delitti mwettqa fil-Messiku u, jekk dan ikun f'loku, ivaraw inkjesta internazzjonali;

16. Jitlob li l-Istati Membri kolha tal-UE, inkluża l-Ġermanja, jissospendu jew jirrifjutaw kwalunkwe negozjati dwar ftehimiet ta' sigurtà bejnhom u l-Messiku, u jiddikjaraw il-Messiku bħala pajjiż mhux idoneu għall-kooperazzjoni fil-qasam tal-armi, sa meta jkun reġa' ġie stabbilit l-istat tad-dritt fit-territorju kollu tal-Messiku u l-kriminalità organizzata tkun ġiet ikkontrollata u żarmata;

17. Jitlob li l-Kummissjoni tesiġi informazzjoni preċiża mill-Istati Membri dwar il-kooperazzjoni tagħhom mal-Messiku, fl-imgħoddi u fil-preżent, fil-qasam tal-armi, bil-għan li l-armi Ewropej f'idejn il-kriminalità organizzata jiġu ttraċċati u konfiskati;

18. Iqis ukoll li l-problemi rikorrenti li qed iġarrab il-Messiku jistgħu jiġu solvuti biss jekk il-pajjiż jiggarantixxi li ċ-ċittadini kollha jgawdu l-istess drittijiet u jindirizza l-problemi assoċjati mal-kontroll tal-artijiet agrikoli għammiela u tar-riżorsi, mal-qgħad u mal-faqar, permezz ta' miżuri biex jiġġieldu kontra l-korruzzjoni, l-inugwaljanzi u d-diskriminazzjoni soċjali, kif ukoll permezz tal-promozzjoni tar-riformi soċjali, politiċi u ekonomiċi meħtieġa biex jiggarantixxu stat tassew indipendenti u demokratiku;

19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Assemblea Parlamentari EuroLat, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-korpi tas-CELAC u lill-Gvern tal-Messiku.