Dokument ta' sessjoni
10.11.2014 B8‑0213/2014 }
B8‑0224/2014 } RC1
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
Verts/ALE ( B8‑0213/2014 )
ECR ( B8‑0214/2014 )
EFDD ( B8‑0219/2014 )
S&D ( B8‑0220/2014 )
ALDE ( B8‑0222/2014 )
PPE ( B8‑0224/2014 )
dwar is-sitwazzjoni umanitarja fis-Sudan t'Isfel
( 2014/2922(RSP) )
Joachim Zeller, Davor Ivo Stier, Lorenzo Cesa, Mariya Gabriel, Elisabetta Gardini, Philippe Juvin, Luděk Niedermayer, Andrej Plenković, Stanislav Polčák, Maurice Ponga, Jiří Pospíšil, Cristian Dan Preda, Pavel Svoboda, Michaela Šojdrová, Dubravka Šuica
f'isem il-Grupp PPE
Linda McAvan, Norbert Neuser, Arne Lietz, Enrique Guerrero Salom, Elena Valenciano Martínez-Orozco, Doru-Claudian Frunzulică, Vincent Peillon, Michela Giuffrida
f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Nirj Deva, Jan Zahradil
f'isem il-Grupp ECR
Charles Goerens, Louis Michel, Ivo Vajgl, Petr Ježek, Gérard Deprez
f'isem il-Grupp ALDE
Judith Sargentini
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Rolandas Paksas
f'isem il-Grupp EFDD
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni umanitarja fis-Sudan t'Isfel
( 2014/2922(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sudan t'Isfel, b’mod partikolari dik tas-16 ta' Jannar 2014 dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel[1],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tat-23 ta' Jannar 2014 u tal-10 ta' Mejju 2014 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Catherine Ashton, dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tat-28 ta' Awwissu 2014 tal-kelliem tal-VP/RGħ dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/449/PESK tal-10 ta' Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2155 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (2014),
– wara li kkunsidra r-rapport interim tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan t'Isfel, li tqassam sabiex jiġi diskuss mill-panel għas-27 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Lulju 2014 dwar is-Sudan t'Isfel,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Jannar 2014 u tas-17 ta' Marzu 2014 dwar is-Sudan t'Isfel,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-25 ta' Settembru 2014 tal-Kummissarju għall-Kooperazzjoni Internazzjonali, l-Għajnuna Umanitarja u r-Rispons f'Każ ta' Kriżi, Kristalina Georgieva,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-30 ta' Ottubru 2014 tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta' Ottubru 2014 tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD),
– wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali għas-Sudan u s-Sudan t'Isfel stabbilit fil-komunikat tal-24 ta' April 2014 tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana, li hu appoġġat kompletament mill-UE,
– wara li kkunsidra r-rapport interim tal-Kummissjoni ta' Inkjesta tal-Unjoni Afrikana dwar is-Sudan t'Isfel, li ġie ppreżentat fis-26-27 ta' Ġunju 2014 f'Malabo, il-Ginea Ekwatorjali,
– wara li kkunsidra l-Ftehim rivedut ta' Cotonou,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-kunflitt politiku beda wara li Salva Kiir, il-President tal-pajjiż, akkuża lill-Viċi President tiegħu li tneħħa mill-kariga, Riek Machar, li ppjana kolp ta' stat kontrih; billi Riek Machar ċaħad li pprova jwettaq tali kolp ta' stat;
B. billi skont stimi tan-NU, mietu aktar minn 10 000 ruħ matul xhur ta' ġlied, u billi ġew irrapportati b'mod wiesa' atti straordinarji ta' krudeltà u vjolenza etnika li jikkostitwixxu delitti tal-gwerra;
C. billi s-Sudan t'Isfel huwa l-istat l-aktar żagħżugħ u l-aktar fraġli tad-dinja u huwa kklassifikat it-tieni fl-Indiċi Finali tal-Kummissjoni dwar il-Vulnerabbiltà Globali u l-Valutazzjoni tal-Kriżijiet Umanitarji;
D. billi l-partijiet fil-kunflitt fis-Sudan t'Isfel bdew negozjati fis-7 ta' Jannar 2014 f'Addis Ababa, taħt il-patroċinju tal-IGAD;
E. billi fit-23 ta' Jannar 2014 ġie ffirmat ftehim ta' waqfien mill-ġlied li ġie kkonfermat mill-ġdid fid-9 ta' Mejju 2014, iżda dan għadu qed jinkiser mingħajr ma jittieħdu miżuri punittivi;
F. billi t-taħdidiet ta' paċi ma tantx taw frott fir-rigward tas-sejbien ta' soluzzjoni dejjiema,u billi l-koordinatur għall-għajnuna umanitarja tan-NU indika li ma tantx jidher li hemm possibbiltajiet ta' paċi sostenibbli fil-livell politiku u fil-livell interkomunitarju;
G. billi l-ġlied bejn il-forzi tal-President Kiir u r-ribelli leali lejn Riek Machar diġà reġa' beda hekk kif intemm l-istaġun tax-xita u x'aktarx li jiżdied matul l-istaġun xott jekk ma tinstabx soluzzjoni politika;
H. billi r-Riżoluzzjoni 2155 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (2014) tesprimi tħassib kbir dwar l-ispostament fuq skala kbira ta' persuni u l-kriżi umanitarja li qed dejjem tiżdied; billi hemm riskju li din il-kriżi umanitarja taffettwa reġjun ferm usa' f'żona li diġà hija suxxettibbli għall-instabbiltà, hekk kif gruppi ribelli Sudaniżi u truppi Ugandiżi diġà ħadu sehem fil-ġlied; billi din l-instabbiltà tista' tiġi indirizzata biss jekk jiġu ttrattati l-kawżi ewlenin, fosthom il-faqar estrem, it-tibdil fil-klima, l-interessi u l-interventi ġeostrateġiċi tal-UE u dawk internazzjonali, it-tqassim inġust tal-ġid u l-isfruttar tar-riżorsi;
I. billi l-maġġoranza tal-popolazzjoni tgħix fi stat ta' faqar flagranti minkejja l-fatt li l-pajjiż għandu ħafna żejt u riżorsi naturali, bl-esportazzjonijiet taż-żejt jirrappreżentaw aktar minn 70 % tal-PDG u madwar 90 % tad-dħul tal-gvern; billi d-dħul iġġenerat mill-industrija taż-żejt kompla qawwa l-kunflitti vjolenti;
J. billi l-kunflitt wassal għal vjolenza sesswali orribbli fuq skala allarmanti, kif deskritt mir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-vjolenza sesswali fil-kunflitt, is-Sa Zainab Bangura; billi qed ikomplu jaslu rapporti mhux konfermati dwar ir-reklutaġġ ta' suldati tfal fis-Sudan t'Isfel, u billi t-tfal jikkostitwixxu nofs il-popolazzjoni tas-Sudan t'Isfel;
K. billi n-NU ddikjaraw livell ta' emerġenza 3 għas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel, li hu l-agħar livell ta' kriżi umanitarja;
L. billi 3.5 miljun ruħ fis-Sudan t'Isfel ingħataw għajnuna umanitarja mill-bidu tas-sena 'l hawn; billi, bis-saħħa kemm ta' mekkaniżmi ta' adattament lokali u kemm ta' għajnuna umanitarja internazzjonali, ġiet evitata l-karestija; billi madankollu l-perspettiva tas-sigurtà tal-ikel għall-pajjiż ma tagħtix wisq x'wieħed jittama jekk ikompli l-ġlied speċjalment f'Bor u Bentiu, fejn 2.5 miljun ruħ mistennija jkomplu jħabbtu wiċċhom ma' nuqqas ta' sigurtà tal-ikel f'livell ta' kriżi u ta' emerġenza; billi n-nisa huma partikolarment vulnerabbli għan-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel, hekk kif 57 % tal-unitajiet domestiċi fis-siti protetti huma mmexxija minn nisa; billi l-aġenziji tal-għajnuna ewlenin, inklużi Oxfam, CARE u Cafod, wissew li l-karestija tista' tolqot partijiet mis-Sudan t'Isfel kmieni s-sena d-dieħla jekk ikompli l-ġlied;
M. billi madwar 3.8 miljun ruħ mis-Sudan t'Isfel jeħtieġu għajnuna umanitarja, 1.4 miljun ruħ huma spostati internament u aktar minn 470 000 ruħ qed ifittxu rifuġju f'pajjiżi ġirien;
N. billi l-ħtiġijiet umanitarji l-aktar urġenti huma l-ikel, l-ilma nadif, il-kura tas-saħħa, il-kenn, is-sanità, l-iġjene, ir-reazzjoni għall-epidemiji (bħall-kolera, il-malarja, il-kala-azar u l-epatite), u l-protezzjoni; billi jinħtieġ appoġġ psikosoċjali akbar għal min ikun ġarrab vjolenza sesswali;
O. billi l-aċċess għall-persuni fil-bżonn qed ikompli jixxekkel mill-ostilità u l-vjolenza, li huma diretti wkoll kontra l-ħaddiema li jagħtu l-għajnuna u l-provvisti; billi madwar 80 % tas-servizzi tal-kura tas-saħħa u dawk bażiċi kollha huma pprovduti minn organizzazzjonijiet nongovernattivi;
P. billi f'Settembru 2014 il-Ministru tax-Xogħol tas-Sudan t'Isfel qal li l-ħaddiema barranin kollha jkollhom jitilqu sa nofs Ottubru, dikjarazzjoni li rtiraha aktar tard;
Q. billi l-adozzjoni ta' "liġi dwar l-NGOs" bil-għan li tillimita l-ispazju li fih l-NGOs u s-soċjetà ċivili jkunu jistgħu jaħdmu fis-Sudan t'Isfel ġiet posposta għal Diċembru 2014; billi, jekk l-abbozz ta' "liġi dwar l-NGO" jiġi implimentat, jista' jkollu konsegwenzi ewlenin fuq l-operazzjonijiet ta' għajnuna f'dan il-mument kritiku meta l-komunità internazzjonali qed tiġġieled biex tevita li tfaqqa' karestija;
R. billi r-riżorsi umanitarji internazzjonali waslu fil-limitu tagħhom minħabba diversi kriżijiet globali u li ilhom għaddejjin; billi l-komunità internazzjonali mhijiex se tkun tista' tkompli tirreaġixxi għal kriżi fit-tul, la b'mod finanzjarju u lanqas b'mod operazzjonali;
S. billi l-UE pprovdiet aktar minn terz (38 %) tal-kontribuzzjonijiet internazzjonali kollha b'reazzjoni għall-kriżi umanitarja fis-Sudan t'Isfel, u l-Kummissjoni waħedha żiedet il-baġit tagħha ta' għajnuna umanitarja għall-kriżi għal aktar minn EUR 130 miljun fl-2014;
T. billi l-Unjoni Afikana ħatret kummissjoni ta' inkjesta biex tinvestiga l-atroċitajiet tad-drittijiet tal-bniedem li ġew irrapportati b'mod wiesa';
U. billi fl-10 ta' Lulju 2014 l-UE ħabbret l-ewwel sensiela ta' miżuri diretti kontra individwi responsabbli għat-tfixkil tal-proċess ta' paċi, għall-ksur tal-ftehim ta' waqfien mill-ġlied u għat-twettiq ta' ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem; billi nżamm l-embargo fuq l-armi min-naħa tal-UE kontra s-Sudan t'Isfel;
V. billi għandha tinstab soluzzjoni politika demokratika għall-kunflitt attwali, li twitti t-triq għall-istituzzjonijiet miftiehma demokratikament biex jibnu l-istat il-ġdid li nħoloq wara r-referendum dwar l-indipendenza; billi l-paċi sostenibbli, il-bini tal-istat wara l-kunflitt, u l-isforzi biex tingħeleb il-fraġilità jeħtieġu perspettiva fit-tul kif ukoll impenn deċiż, prevedibbli u stabbli min-naħa tal-komunità internazzjonali;
1. Jiddenunzja bil-qawwa d-diżastru allarmanti kkaġunat mill-bniedem fis-Sudan t'Isfel, li jikkontradixxi l-valuri u l-iskop tal-moviment ta' liberazzjoni tal-pajjiż;
2. Jikkundanna bil-qawwa t-tkomplija tal-vjolenza u l-ksur ripetut fil-passat tal-ftehim dwar it-tmiem tal-ostilitajiet, fatti li wasslu għal imwiet, danni u feruti fost il-popolazzjoni ċivili u għal spustament ta' mijiet ta' eluf ta' persuni fis-Sudan t'Isfel, pajjiż li diġà huwa fraġli u instabbli; jiddispjaċih bil-kbir dwar il-kmand u l-kontroll dgħajfa tal-forzi armati, billi dan iżid il-probabbiltà ta' frammentazzjoni addizzjonali tal-forzi tal-ġlied, u potenzjalment iwassal għal aktar vjolenza u nuqqas ta' konformità mal-ftehimiet ta' paċi;
3. Jistieden lill-komunità internazzjonali tonora l-impenji ta' finanzjament tagħha għas-Sudan t'Isfel u għar-reġjun, u timmobilizza r-riżorsi sabiex tirreaġixxi minnufih għas-sitwazzjoni umanitarja li sejra għall-agħar fis-Sudan t'Isfel; jilqa' f'dan ir-rigward il-kontribut tal-UE għall-kriżi umanitarja fis-Sudan t'Isfel, u jitlob lill-Istati Membri jsibu soluzzjoni biex jiffinanzjaw l-għadd dejjem jikber ta' kriżijiet, skont l-impenji internazzjonali tagħhom;
4. Iħeġġeġ lill-UE tipprogramma mill-ġdid l-għajnuna għall-iżvilupp tagħha sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet l-aktar urġenti tal-poplu tas-Sudan t'Isfel, u tappoġġa tranżizzjoni lejn il-paċi u l-istabbiltà; jilqa' għalhekk is-sospensjoni tal-għajnuna għall-iżvilupp permezz ta' appoġġ baġitarju għas-Sudan t'Isfel, bl-eċċezzjoni ta' azzjonijiet li jipprovdu appoġġ dirett lill-popolazzjoni jew appoġġ dirett għat-tranżizzjoni demokratika u għall-għajnuna umanitarja, u jitlob li l-għajnuna tingħata permezz tal-NGOs u l-organizzazzjonijiet internazzjonali;
5. Itenni li l-prospetti fit-tul għal koeżistenza paċifika u l-iżvilupp jitolbu riformi istituzzjonali komprensivi li jipprovdu lill-pajjiż bi proċess governattiv li jiggarantixxi l-istat tad-dritt; jenfasizza li t-tranżizzjoni ta' wara l-kunflitt x'aktarx tieħu s-snin u se tirrikjedi impenn sostnut u fit-tul mill-komunità internazzjonali;
6. Jiddenunzja d-deterjorament fir-relazzjonijiet bejn il-komunità umanitarja u l-partijiet kollha fil-kunflitt, inkluża t-tassazzjoni illegali tal-għajnuna u l-fastidju u saħansitra l-qtil ta' ħaddiema umanitarji b'impunità; jinnota li għadd ta' aġenziji ta' għajnuna barranin diġà rtiraw mis-Sudan t'Isfel u li dawk li baqgħu qed jitħabtu biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-persuni ċivili spustati;
7. Jinsisti li l-għajnuna umanitarja u l-assistenza tal-ikel iridu jiġu pprovduti lil min hu l-iktar vulnerabbli purament fuq bażi tal-ħtiġijiet, u jfakkar lill-partijiet kollha fil-kunflitt fis-Sudan t'Isfel dwar l-obbligu tagħhom li jirrikonoxxu u jirrispettaw in-newtralità, l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ħaddiema umanitarji, li jiffaċilitaw l-assistenza li ssalva l-ħajjiet għall-persuni fil-bżonn, irrispettivament mill-affiljazzjonijiet politiċi u l-etniċità tagħhom, u li jwaqqfu minnufih kull fastidju lill-ħaddiema umanitarji, ir-rekwiżizzjoni tal-beni umanitarji u d-devjazzjoni tal-għajnuna; jitlob ukoll li l-"liġi dwar l-NGOs" tiġi rtirata jew irrifjutata;
8. Jinsisti li l-għajnuna umanitarja, speċjalment fil-forma ta' servizzi bażiċi u għajnuna tal-ikel, m'għandhiex tiġi devjata lejn il-gruppi armati;
9. Jinsab imħasseb ferm dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà tal-ikel fis-Sudan t'Isfel, li ġiet ikkawżata mill-kunflitt u li marret għall-agħar minħabba d-diżastri naturali rikorrenti, u li mistennija tmur lura drammatikament jekk jerġa' jibda l-ġlied;
10. Jinsisti li ftehim ta' paċi jkun jippermetti lin-nies jerġgħu lura lejn il-farms li telqu, jerġgħu jiftħu s-swieq u jerġgħu jibnu djarhom;
11. Jikkundanna bil-kbir il-qtil extraġudizzjarju u tal-massa, l-attakki ppjanati fuq iċ-ċivili, l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem (inklużi dawk li jaffettwaw lir-rifuġjati u lill-persuni spustati, in-nisa, persuni li jappartjenu għal gruppi vulnerabbli u l-ġurnalisti), l-arresti u d-detenzjonijiet arbitrarji, l-għajbien sfurzat, it-trattament ħażin u t-tortura mwettqa mill-partijiet kollha; huwa tal-fehma li l-President Kiir u Riek Machar għandhom jagħmlu ħilithom kollha biex iwaqqfu lis-suldati taħt il-kontroll tagħhom milli jwettqu tali abbużi kontra l-poplu;
12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet tas-Sudan t'Isfel jaħdmu mal-komunitajiet u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa biex jagħtu u jippromwovu l-aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità u għal servizzi tal-kura tas-saħħa għall-bniet u n-nisa, inkluż l-aċċess għall-kontraċezzjoni u għall-ittestjar u t-trattament tal-HIV/AIDS;
13. Jiddeplora l-fatt li l-kunflitt ħarbat ħafna servizzi soċjali bażiċi, b'mijiet ta' eluf ta' tfal ma jattendux skola; jinsab allarmat dwar il-fatt li t-tfal qed ikomplu jġorru l-piż tal-vjolenza, qed ibatu minn trawma psikoloġika u minn nuqqas ta' aċċess għas-servizzi, inkluża l-edukazzjoni; iħeġġeġ lill-partijiet itemmu r-reklutaġġ u l-użu tat-tfal fil-forzi armati u ksur gravi ieħor kontra t-tfal;
14. Jinsab imħasseb ħafna dwar id-dimensjoni etnika tal-kunflitt; jenfasizza li meta wieħed jippova jikseb il-poter permezz tal-vjolenza jew il-firda fost il-gruppi etniċi, ikun qed imur kontra l-istat tad-dritt demokratiku;
15. Jitlob li jsiru investigazzjonijiet kredibbli, trasparenti u komprensivi li jissodisfaw l-istandards internazzjonali, partikolarment mill-kummissjoni ta' inkjesta tal-Unjoni Afrikana, fir-rigward tal-allegazzjonijiet kollha ta' delitti serji minn kwalunkwe parti fil-kunflitt; iħeġġeġ it-twaqqif ta' mekkaniżmi tranżitorji ta' ġustizzja, bl-appoġġ internazzjonali meħtieġ kollu, biex jippromwovu kemm ir-rikonċiljazzjoni u kemm l-għoti ta' rendikont; iħeġġeġ lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel jaderixxi għall-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali mill-aktar fis possibbli;
16. Jilqa' t-tisħiħ tal-kapaċità ta' investigazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fis-Sudan t'Isfel (UNMISS), bl-appoġġ tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem;
17. Jappoġġa f'dan ir-rigward it-twaqqif ta' tribunal ibridu speċjali b'involviment internazzjonali sabiex il-mexxejja jinżammu responsabbli għall-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq miż-żewġ naħat fil-kunflitt, kif ippropona s-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon u kif rakkomandat mir-rapport dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-UNMISS;
18. Ifakkar li l-għajnuna umanitarja hija fundamentali, iżda ma tistax issolvi problema politika, u li r-responsabbiltà ewlenija tal-ħarsien tal-persuni ċivili hija f'idejn il-Gvern; jitlob għalhekk li l-ġid tal-pajjiż jitqiegħed direttament għad-dispożizzjoni tal-benessri tal-poplu tas-Sudan t'Isfel; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jonoraw il-ftehim u jinvolvu ruħhom b'mod kostruttiv permezz tad-djalogu u l-kooperazzjoni fit-taħdititet ta' paċi f'Addis Ababa, bil-ħsieb li l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied jiġi implimentat bis-sħiħ u jerġgħu jibdew malajr it-taħdidiet sabiex jifforma gvern tranżitorju ta' unità nazzjonali, li hija l-unika soluzzjoni fit-tul, u biex ikun hemm rikonċiljazzjoni nazzjonali fl-interess tal-poplu tas-Sudan t'Isfel kollu kemm hu;
19. Jiddispjaċih li minkejja l-isforzi kontinwi tal-IGAD biex tintervjeni fit-taħdidiet ta' paċi bil-għan li tistabbilixxi gvern tranżitorju ta' unità nazzjonali, ma sar l-ebda progress sinifikanti;
20. Ikompli madankollu jappoġġa l-medjazzjoni mmexxija mill-IGAD u l-isforzi tagħha biex twitti t-triq għal djalogu politiku inklużiv, u jitlob lill-UE tkompli tassisti lill-IGAD kemm mil-lat sostantiv u kemm mil-lat finanzjarju, u tkompli tikkontribwixxi persunal għall-mekkaniżmu ta' monitoraġġ u verifika tal-waqfien mill-ġlied;
21. Jenfasizza li l-bini ta' istituzzjonijiet xierqa u qafas ġuridiku għall-ġestjoni tal-ġid miż-żejt fi ħdan il-federaliżmu etniku tiegħu huma fundamentali għall-iżvilupp paċifiku tiegħu; jistieden b'mod partikolari lill-UE tappoġġa strateġija għall-iżvilupp fuq perjodu ta' żmien twil fir-rigward tas-Sudan t'Isfel li tippermetti l-ħolqien ta' sistema b'saħħitha ta' governanza tajba, trasparenza u għoti ta' rendikont (partikolarment fl-implimentazzjoni tal-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi), u l-iżvilupp tal-infrastruttura, l-edukazzjoni, il-programmi tas-saħħa u ta' benessri soċjali bl-użu tad-dħul miż-żejt u mill-għajnuna għall-iżvilupp;
22. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tas-Sudan t'Isfel jiżguraw li d-dħul miż-żejt ikun ta' benefiċċju għall-poplu; jistieden lill-partijiet kollha li qed jieħdu sehem fin-negozjati sabiex fil-ftehim ta' paċi jinkludu l-kwistjoni ta' trasparenza u ta' skrutinju pubbliku fis-settur taż-żejt, u dan b'mod li d-dħul iġġenerat minn din ir-riżorsa jkun jista' jintuża għall-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiż u biex jitjieb il-livell tal-għajxien tal-popolazzjoni;
23. Jiddispjaċih dwar l-ineffikaċja tas-sanzjonijiet immirati imposti mill-UE u jitlob lill-IGAD, lill-Unjoni Afrikana u lill-komunità globali jimponu sanzjonijiet immirati; jappoġġa t-tkomplija tal-embargo fuq l-armi kontra s-Sudan t'Isfel u jħeġġeġ l-adozzjoni ta' embargo fuq l-armi min-naħa tan-NU kontra s-Sudan t'Isfel u r-reġjun kollu;
24. Jappoġġa u jqis bħala essenzjali l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fin-negozjati għall-paċi;
25. Iwissi dwar l-effetti konsegwenzjali u destabilizzanti tal-kunflitt fuq reġjun li diġà hu instabbli, speċjalment minħabba l-għadd dejjem jikber ta' rifuġjati fil-pajjiżi ġirien; jappella għalhekk lill-pajjiżi ġirien kollha tas-Sudan t'Isfel u lis-setgħat reġjonali biex jaħdmu flimkien mill-qrib sabiex itejbu s-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-pajjiż u fir-reġjun, u biex isibu t-triq lejn soluzzjoni politika paċifika u dejjiema għall-kriżi attwali; jenfasizza li b'mod partikolari l-kooperazzjoni mas-Sudan tkun tirrappreżenta titjib fir-rabtiet;
26. Jitlob l-istabbiliment ta' grupp ta' kuntatt dwar is-Sudan t'Isfel li jinvolvi protagonisti ewlenin, biex b'hekk tissaħħaħ il-ħidma tal-IGAD u tiġi żgurata koeżjoni internazzjonali;
27. Jilqa' l-ħidma tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Qarn tal-Afrika, Alexander Rondos; jirrakkomanda li l-isforzi kollha tiegħu jkollhom l-għan li tinstab soluzzjoni dejjiema;
28. Iħeġġeġ lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel jirratifika l-Ftehim ta' Cotonou bejn l-UE u l-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP);
29. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel, lill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tas-Sudan t'Isfel, lill-Assemblea Leġiżlattiva Nazzjonali tas-Sudan t'Isfel, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU.