Dokument ta' sessjoni
17.12.2014 B8‑0382/2014 }
B8‑0387/2014 } RC1
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
imressqa skont l-Artikoli 135(5) and 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
Verts/ALE ( B8‑0382/2014 )
PPE ( B8‑0383/2014 )
ECR ( B8‑0384/2014 )
S&D ( B8‑0385/2014 )
EFDD ( B8‑0386/2014 )
ALDE ( B8‑0387/2014 )
dwar il-Mawritanja, b'mod partikolari l-każ ta' Biram Dah Abeid
( 2014/2999(RSP) )
Cristian Dan Preda, Davor Ivo Stier, Bogdan Brunon Wenta, Elmar Brok, Lorenzo Cesa, Joachim Zeller, Tunne Kelam, Monica Macovei, Franck Proust, Andrej Plenković, Jaromír Štětina, Philippe Juvin, Francesc Gambús, Giovanni La Via, Dubravka Šuica, Lara Comi, David McAllister, Jeroen Lenaers, Tomáš Zdechovský, Seán Kelly, Eduard Kukan, Inese Vaidere, Csaba Sógor, Alessandra Mussolini, Stanislav Polčák, Andrzej Grzyb, Pál Csáky, Pavel Svoboda, Michaela Šojdrová, Marijana Petir, Gabrielius Landsbergis
f'isem il-Grupp PPE
Josef Weidenholzer, Victor Boştinaru, Hugues Bayet, Enrico Gasbarra, Ana Gomes, Pier Antonio Panzeri, Alessia Maria Mosca, Miroslav Poche, Gilles Pargneaux, Nicola Caputo, Elena Valenciano, Kashetu Kyenge, Liisa Jaakonsaari, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Enrique Guerrero Salom, Andi Cristea, Alessandra Moretti, Goffredo Maria Bettini, Krystyna Łybacka, Marc Tarabella, Marlene Mizzi, Miriam Dalli, Michela Giuffrida, Doru-Claudian Frunzulică, Neena Gill, Vilija Blinkevičiūtė
f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Jana Žitňanská, Arne Gericke
f'isem il-Grupp ECR
Gérard Deprez, Fernando Maura Barandiarán, Frédérique Ries, Ramon Tremosa i Balcells, Marielle de Sarnez, Ivo Vajgl, Pavel Telička, Juan Carlos Girauta Vidal, Izaskun Bilbao Barandica, Marietje Schaake, Ivan Jakovčić, Jozo Radoš, Petras Auštrevičius, Antanas Guoga, Nathalie Griesbeck, Johannes Cornelis van Baalen, Dita Charanzová, Javier Nart
f'isem il-Grupp ALDE
Barbara Lochbihler, Judith Sargentini, Maria Heubuch, Ernest Urtasun, Heidi Hautala
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo
f'isem il-Grupp EFDD
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Mawritanja, b'mod partikolari l-każ ta' Biram Dah Abeid
( 2014/2999(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Mawritanja, inkluż dawk tal-14 ta’ Ġunju 2012 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tas-sigurtà fir-reġjun tas-Saħel[1], u dik tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun tas-Saħel[2],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għas-sigurtà u l-iżvilupp fis-Saħel tas-17 ta' Marzu 2014,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-25 ta' Ġunju 2014 mill-kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u dwar l-elezzjonijiet presidenzjali fir-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 1 tal-Kostituzzjoni tal-Mawritanja li jiggarantixxi l-ugwaljanza quddiem il-liġi taċ-ċittadini kollha mingħajr distinzjoni ta' oriġini, razza, sess jew kondizzjoni soċjali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tal-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli (irratifikata mill-Mawritanja fl-1986), li jipprojbixxi espressament l-iskjavitù, u l-adeżjoni tal-Mawritanja mal-istrumenti internazzjonali li jipprojbixxu forom kontemporanji ta' skjavitù, b'mod partikolari l-Konvenzjoni dwar l-Iskjavitù tal-1926 u l-protokoll emendatorju tagħha, u l-Konvenzjoni Supplimentari dwar l-Abolizzjoni tal-Iskjavitù, tal-Kummerċ tal-Iskjavi, u tal-Istituzzjonjiet u l-Prattiki Simili għall-Iskjavitù tal-1956,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) minn naħa u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha mill-oħra, li kien iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (il-Ftehim ta' Cotonou),
– wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet konklussivi dwar il-Mawritanja tal-Kumitat tan-NU għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, tal-24 ta' Lulju 2014,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni 105 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar l-abolizzjoni tax-xogħol furzat,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi Biram Dah Abeid, iben skjavi meħlusa, jinsab impenjat f'kampanja għall-qerda tal-iskjavitù; billi fl-2008, hu nieda l-Inizjattiva għall-Qawmien mill-Ġdid tal-Moviment Abolizzjonista (Initiative pour la Resurgence du Mouvement Abolitionniste); billi din l-organizzazzjoni tfittex li tiġbed l-attenzjoni lejn din il-kwistjoni u tgħin biex tressaq każijiet speċifiċi quddiem il-qrati tal-ġustizzja; billi Biram Dah Abeid ingħata l-Premju tan-Nazzjonijiet Uniti favur id-Drittijiet tal-Bniedem għall-2013;
B. billi fil-11 ta' Novembru 2014, Biram Dah Abeid, attivist ewlieni kontra l-iskjavitù mill-Mawritanja u fundatur tal-Inizjattiva għall-Qawmien mill-Ġdid tal-Moviment Abolizzjonista, ġie arrestat wara marċ ta' protesta paċifiku kontra l-iskjavitù; billi Biram Dah Abeid ġie akkużat li għamel sejħa għal protesta, li pparteċipa fi protesta u li jappartjeni għal organizzazzjoni illegali, u billi xi rapporti jissuġġerixxu li jinsab fil-perikolu li jiffaċċja l-piena kapitali; billi l-piena kapitali għadha prevista fil-Kodiċi Kriminali tal-Mawritanja u billi din mhijiex ristretta għall-aktar reati serji u hija imposta wara kundanna abbażi ta' konfessjonijiet miksuba taħt tortura;
C. billi ġew arrestati u detenuti wkoll attivisti oħrajn kontra l-iskjavitù, biex issa huma 17-il attivist mill-Inizjattiva tal-Mawritanja għall-Qawmien mill-Ġdid tal-Moviment Abolizzjonista li spiċċaw mitfugħa l-ħabs; billi hemm allegazzjonijiet li l-ġendarmerija tal-Mawritanja għamlet użu eċċessiv ta' forza matul l-arresti, inkluż swat b'lembubi, tkaxkir fiżiku mal-art u tekniki umiljanti, li kienu jinkludu li d-detenuti jiġu sfurzati biex jinżgħu għarwenin; billi saru wkoll allegazzjonijiet li gwardji tal-ħabs ippruvaw jisfurzaw uħud mill-attivisti jiffirmaw konfessjonijiet;
D. billi Biram Dah Abeid spiċċa fit-tieni post fil-votazzjoni għall-elezzjonijiet presidenzjali tal-Mawritanja tal-2014; billi r-reputazzjoni tiegħu esponietu għal attakki mill-awtoritajiet tal-Mawritanja; billi l-arrest tiegħu u tal-kollegi tiegħu wassal għal ripressjoni fuq l-oppożizzjoni politika kif ukoll fuq is-soċjetà ċivili;
E. billi, għalkemm il-prattika tal-iskjavitù kienet abolita uffiċjalment fl-1981 u kkriminalizzata fl-2007, din għadha tippersisti fil-Mawritanja; billi skont l-Indiċi Globali tal-Iskjavitù tal-2014, il-Mawritanja għandha l-akbar numru ta' vjolazzjonijiet bl-ogħla persentaġġ tal-popolazzjoni tagħha (sa 4%) fi skjavitù; billi xi ċifri juru l-prevalenza tal-iskjavitù għal 20%; billi l-Att dwar l-Iskjavitù, adottat reċentement ma jkoprix il-forom kollha ta' skjavitù fil-Mawritanja, peress li pereżempju, jeskludi kull forma ta' servitù;
F. billi l-iskjavitù fil-Mawritanja hi espliċitament razzista, bi kważi l-iskjavi kollha ġejjin mill-komunità Haratin (sewda), li tinkludi bejn l-40% u s-60% tal-popolazzjoni tal-Mawritanja, kif ukoll minn komunitajiet oħrajn, kif rikonoxxut mir-Rapporteur Speċjali dwar forom kontemporanji ta' skjavitù; billi l-Haratin, anke dawk li ma jinsabux fl-iskjavitù, spiss ma jitħallewx ikollhom aċċess għal xogħol ta' status ogħla jew għal impjiegi ewlenin fil-ħajja pubblika;
G. billi, ġeneralment, l-iskjavitù hi ereditarja, u t-trabi li jitwieldu lil nisa skjavi spiss jitqiesu li jkunu ta' proprjetà tal-familja tas-sid għal għomorhom; billi l-iskjavi nisa jiġu soġġetti regolarment għal vjolenza sesswali; billi l-parti l-kbira tal-iskjavi huma mċaħħda milli jkollhom edukazzjoni formali u jiġu mgħallma li d-destin tagħhom huwa li jappartjenu għas-sidien tagħhom, li tipperpetwa l-hekk imsejħa skjavitù psikoloġika; billi l-iskjavi nisa jkollhom bżonn il-permess ta' sidhom biex jiżżewġu; billi bosta skjavi jitwieldu frott ta' stupru; billi anke dawk l-iskjavi li jiġu meħlusa ftit ikollhom opportunitajiet li jsibu impjieg sodisfaċenti;
H. billi l-Mawritanja rratifikat konvenzjonijiet bħad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, kif ukoll il-Ftehim ta' Cotonou AKP-UE;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-arrest u d-detenzjoni kontinwa tal-attivist kontra l-iskjavitù Biram Dah Abeid u tal-attivisti sħabu, u jitlob il-ħelsien immedjat tagħhom; jesprimi tħassib dwar ir-rapporti ta' vjolenzja kontra wħud mill-attivisti u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Mawritanja biex iressqu l-qorti lil dawk l-uffiċjali li kienu involuti fl-abbuż u t-tortura tal-priġunieri;
2. Jitlob lill-Gvern tal-Mawritanja biex jieqaf milli juża l-vjolenza kontra ċivili li jipparteċipaw fi protesti pubbliċi u f'kampanji tal-midja favur Biram Dah Abeid, biex itemm ir-ripressjoni kontra s-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni politika u biex jħalli lill-attivisti kontra l-iskjavitù jkomplu bil-ħidma nonvjolenti tagħhom mingħajr biża' ta' fastidju jew intimidazzjoni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Mawritanja jippermettu l-libertà tal-espressjoni u ta' assoċjazzjoni, bi qbil mal-konvenzjonijiet internazzjonali u mad-dritt intern tal-Mawritanja;
3. Jikkundanna bil-qawwa kull forma ta' skjavitù, u b'mod partikolari l-prevalenza għolja tal-iskjavitù, il-prattiki relatati mal-iskjavitù u t-traffikar tal-bnedmin li ġew irrappurtati fil-Mawritanja; jilqa' l-kriminalizzazzjoni tal-iskjavitù mill-Gvern tal-Mawritanja, l-eżistenza ta' qorti speċjali dwar każijiet ta' skjavitù u d-dikjarazzjoni tal-gvern dwar l-introduzzjoni ta' pjan direzzjonali għall-abolizzjoni tal-iskjavitù f'Marzu 2014;
4. Jinnota b'dispjaċir li kien hemm biss prosekuzzjoni waħda dwar skjavitù; jitlob lill-Gvern tal-Mawritanja jtemm kull forma ta' skjavitù, jimplimenta liġijiet kontra l-iskjavitù u jadotta leġiżlazzjoni li jkollha l-għan li temenda jew tirtira leġiżlazzjoni diskriminatorja, inkluż dawk id-dispożizzjonijiet diskriminatorji tal-kodiċi tagħha kemm penali, kemm dwar status personali u kif ukoll dwar in-nazzjonalità; jenfasizza li l-allegazzjonijiet ta' skjavitù u ta' prattiki simili għall-iskjavitù għandhom jiġu investigati u pproċessati b'effikaċja;
5. Jitlob lill-awtoritajiet tal-Mawritanja biex jissensibilizzaw l-attitudnijiet u t-twemmin tal-poplu fir-rigward tal-iskjavitù fil-livelli kollha tas-soċjetà; iħeġġeġ bil-qawwa lill-awtoritajiet tal-Mawritanja biex jgħinu fil-bidla tal-attitudnijiet soċjali fir-rigward tar-razza u tal-iskjavitù, b'mod partikolari fir-rigward tal-popolazzjoni Haratin; jenfasizza li d-diskriminazzjoni abbażi ta' etniċità għandha tiġi pprojbita, speċjalment fl-oqsma tal-edukazzjoni u tal-impjieg; jitlob ukoll lill-awtoritajiet tal-Mawritanja sabiex iwarrbu kompletament is-sistema ta' skjavitù abbażi tal-kasta, partikolarment fir-rigward tan-nisa f'impjieg domestiku;
6. Iħeġġeġ l-iżvilupp universali tal-edukazzjoni formali, sabiex skjavi attwali u dawk li kienu skjavi, kif ukoll uliedhom, ikunu jistgħu jtejbu l-litteriżmu tagħhom u jiġu mgħammra b'għodod biex isibu impjieg sodisfaċenti; jinnota li ċ-ċittadini kollha tal-Mawritanja għandhom ikunu intitolati li jkollhom art ta' proprjetà tagħhom, partikolarment meta dawn ikunu okkupawha u kkoltivawha għal ġenerazzjonijiet, dritt li Biram Dah Abeid u l-Inizjattiva tal-Mawritanja għall-Qawmien mill-Ġdid tal-Moviment Abolizzjonista qed jipproponu bħala mezz ewlieni biex jintemm iċ-ċiklu tal-iskjavitù; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Mawritanja, f'dan ir-rigward biex jirratifika l-Konvenzjoni 169 tal-ILO li tirrikonoxxi l-forom ta' użu tal-art tal-popli indiġeni;
7. Jenfasizza l-importanza ta' relazzjoni produttiva bejn l-UE u l-Mawritanja, bil-għan li jingħata kontribut favur id-demokrazija, l-istabilità u l-iżvilupp fil-pajjiż; jenfasizza li l-Mawritanja hi sieħba sinifikanti fl-istrateġija tal-UE għas-sigurtà u l-iżvilupp fis-Saħel;
8. Iħeġġeġ lill-Viċi President / ir-Rappreżentant għoli, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri biex ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jindirizzaw l-iskjavitù fil-Mawritanja, b'mod partikolari billi jiżguraw politika għall-affarijiet barranin u favur id-drittijiet tal-bniedem ċara u prattikabbli li tikkonforma mal-qafas strateġiku tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, u billi tkun promossa d-dimensjoni favur id-drittijiet tal-bniedem bħala parti mill-istrateġija tal-UE għas-Saħel u fit-taħdidiet mal-Gvern tal-Mawritanja, inkluż fil-kuntest tal-ftehimiet bilaterali formali;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet tal-Mawritanja, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lill-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent, lil-Lega Għarbija u lill-Unjoni Afrikana.