Dokument ta' sessjoni
14.1.2015 B8‑0011/2015 }
B8‑0032/2015 } RC1
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
S&D ( B8‑0011/2015 )
Verts/ALE ( B8‑0013/2015 )
ALDE (B8‑0014)
ECR ( B8‑0030/2015 )
EFDD ( B8‑0031/2015 )
PPE ( B8‑0032/2015 )
dwar is-sitwazzjoni fil-Libja
( 2014/3018(RSP) )
Mariya Gabriel, Cristian Dan Preda, Arnaud Danjean, Jacek Saryusz-Wolski, Elmar Brok, Andrej Plenković, David McAllister, Tunne Kelam, Francisco José Millán Mon, Daniel Caspary, Davor Ivo Stier, Michael Gahler, Antonio López-Istúriz White, Claude Rolin, Traian Ungureanu, Dubravka Šuica, Barbara Matera, Giovanni La Via, Pascal Arimont, Monica Macovei, Ivana Maletić, Lara Comi, Gabrielius Landsbergis, Elisabetta Gardini, József Nagy
f'isem il-Grupp PPE
Victor Boștinaru, Knut Fleckenstein, Ana Gomes, Richard Howitt, Pier Antonio Panzeri, Hugues Bayet, Alessia Maria Mosca, Miroslav Poche, Michela Giuffrida, Vincent Peillon, Miriam Dalli, Neena Gill, Goffredo Maria Bettini, Gilles Pargneaux, Liisa Jaakonsaari, Marlene Mizzi, Simona Bonafè, Nicola Caputo, Elena Valenciano, Tonino Picula, Sorin Moisă, Andi Cristea, Javi López, Tanja Fajon, Victor Negrescu, Zigmantas Balčytis, Afzal Khan, Boris Zala, David Martin, Soraya Post, Eugen Freund, István Ujhelyi
f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Ruža Tomašić, Branislav Škripek
f'isem il-Grupp ECR
Fernando Maura Barandiarán, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Ramon Tremosa i Balcells, Dita Charanzová, Javier Nart, Marietje Schaake, Ivan Jakovčić, Jozo Radoš, Beatriz Becerra Basterrechea, Petr Ježek, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Gérard Deprez, Alexander Graf Lambsdorff, Pavel Telička, Martina Dlabajová, Fredrick Federley, Marielle de Sarnez, Louis Michel, Petras Auštrevičius, Urmas Paet
f'isem il-Grupp ALDE
Barbara Lochbihler, Judith Sargentini
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Dario Tamburrano
f'isem il-Grupp EFDD
Ri żoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Libja
( 2014/3018(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Libja, b'mod partikolari dik tal-15 ta’ Settembru 2011[1], tat-22 ta’ Novembru 2012[2] u tat-18 ta' Settembru 2014[3],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet reċenti tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà Federica Mogherini dwar il-Libja, inklużi dawk tas-16 u t-30 ta’ Diċembru 2014 u tal-10 ta’ Jannar 2015,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-15 ta’ Awwissu, tat-30 ta’ Awwissu 2014, tal-20 ta’ Ottubru 2014, tas-17 u tat-18 ta’ Novembru 2014, u tal-15 ta’ Diċembru 2014,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-11 ta' Jannar 2015 tal-gvernijiet ta' Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti dwar il-Libja,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 1970, 1973 (2011) u 2174 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tas-27 ta' Awwissu 2014,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-4 ta' Settembru 2014 , aġġornat fis-27 ta' Diċembru 2014, tal-Missjoni ta' Appoġġ fil-Libja tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSMIL) intitolat "Ħarsa ġenerali lejn il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali matul il-vjolenza li għaddejja bħalissa fil-Libja" ("Overview of violations of international human rights and humanitarian law during the ongoing violence in Libya"),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-Protokolli Addizzjonali tagħhom tal-1977, u l-obbligu li l-partijiet involuti f'kunflitt armat għandhom biex jirrispettaw u jiżguraw ir-rispett tad-dritt umanitarju internazzjonali f'kull ċirkostanza,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/233/PESK tat-22 ta' Mejju 2013 li permezz tagħha nħolqot il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya),
– wara li kkunsidra l-Pakkett tal-PEV dwar il-Libja ta' Settembru 2014,
– wara li kkunsidra s-Summit tas-Saħel li sar fil-Mawritanja fid-19 ta’ Diċembru 2014, li kien jinkludi mexxejja mill-Mawritanja, mill-Mali, min-Niġer, miċ-Ċad u mill-Burkina Faso,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta li ħarġet fit-22 ta’ Settembru 2014 minn 13-il pajjiż[4], li wiegħdet politika ta' non-interferenza fil-kwistjonijiet tal-Libja,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fi Frar 2011 il-Libjani niżlu fit-toroq biex jitolbu d-drittijiet politiċi tagħhom, u kellhom iħabbtu wiċċhom ma' repressjoni indiskriminata min-naħa tal-Istat li tat bidu għal disa' xhur ta' kunflitt ċivili u wasslet għat-tneħħija tar-reġim ta' Gaddafi;
B. billi l-Libja organizzat it-tielet elezzjonijiet ġenerali demokratiċi u liberi tagħha f'Ġunju 2014 biex teleġġi Kamra tad-Deputati li tieħu post il-Kungress Nazzjonali Ġenerali elett f'Lulju 2012;
C. billi minkejja l-elezzjonijiet parlamentari nazzjonali f'Ġunju 2014, l-aspirazzjonijiet li l-waqgħa tal-Kurunell Gaddafi ġabet magħha għall-poplu Libjan ġew imfixkla mill-firda politika u l-vjolenza f'dak li qed jinbidel fi gwerra ċivili aperta; billi fi Tripli u Tobruk ilhom joperaw għal diversi xhur gvernijiet u parlamenti rivali;
D. billi matul l-2014, il-Libja baqgħet involuta fi ġlied politiku intern li evolva fi ġlieda vjolenti għall-poter bejn żewġ sedi rivali ta’ gvern u diversi fazzjonijiet rivali ta' forzi nazzjonalisti, Islamisti, tribali u reġjonali li qed twassal għal aktar tbatija għall-popolazzjoni ċivili, imwiet, spostjar tal-massa u kriżi umanitarja dejjem aktar estensiva;
E. billi ż-żewġ naħat huma rrapurtati li wettqu sensiela sħiħa ta' ksur u abbużi skont id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali; billi l-UNSMIL tikkalkula li tal-inqas 400 000 Libjan ġew spostati internament mill-aħħar mewġa ta' ġlied filwaqt li 150 000 oħra, fosthom ħafna ħaddiema migranti, telqu mill-pajjiż; billi ħaddiema umanitarji u diplomatiċi barranin, fosthom il-persunal tal-UE u tal-UNSMIL, ġew evakwati mil-Libja; billi l-influss massiċċ ta' rifuġjati Libjani fit-Tuneżija qed jitfa' pressjoni sinifikanti fuq il-kapaċitajiet u l-istabilità ta' dan il-pajjiż ġar tagħha; billi huwa stmat li hemm aktar minn miljun Libjan li diġà qed jgħixu fit-Tuneżija;
F. billi fit-23 ta’ Diċembru 2014, l-uffiċjal ewlieni tan-NU responsabbli għad-drittijiet tal-bniedem, Zeid Raas al‑Hussein qal li l-bumbardament indiskriminat taċ-ċivili fil-Libja se jwassal għal prosekuzzjoni ta' delitti tal-gwerra;
G. billi l-Mibgħut Speċjali tan-NU Bernadino León fittex attivament li jagħmilha ta' medjatur fit-taħdidiet bejn il-fazzjonijiet rivali u fit-tnedija ta' djalogu nazzjonali lejn proċess ta' rikonċiljazzjoni u l-formazzjoni ta' gvern ta' unità nazzjonali; billi l-ewwel ċiklu tat-taħdidiet seħħ f'Ghadames fid-29 ta’ Settembru 2014 u kompla fi Tripli fil-11 ta’ Ottubru, filwaqt li ċiklu ieħor, inizjalment skedat għall-5 ta’ Jannar 2015, ġie pospost minħabba nuqqas ta’ qbil fuq iż-żewġ naħat; billi UNSMIL ħabbret li l-partijiet Libjani issa qablu li jorganizzaw ċiklu ġdid ta’ taħdidiet f’Ġinevra, aktarx fl-14 ta’ Jannar 2015; billi ż-żewġ kampijiet s’issa wrew li ma tantx kienu lesti jew ma setgħux jinvolvu ruħhom f’kompromess;
H. billi l-Mibgħuta tan-NU għar-reġjun tas-Saħel, Hiroute Guebre Sellassie, wissiet lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li l-kriżi Libjana tista’ tiddestabilizza r-reġjun kollu fil-futur qrib, u ddikjarat ukoll li netwerks terroristiċi u kriminali fil-Libja kienu qegħdin jiżviluppaw rabtiet eqreb mal-Mali u n-Niġerja ta’ fuq, bin-negozjar tal-bejgħ tal-armi u t-traffikar tad-drogi fost kummerċ illegali ieħor;
I. billi l-unità tal-istat Libjan hija mhedda u hemm riskju veru ta' separazzjoni f'tal-anqas tliet reġjuni (Fezzan, Cyrenaika u Tripolitania) jekk ma tinstabx soluzzjoni ta' kompromess u jekk ma jinbediex proċess ta' rikonċiljazzjoni;
J. billi l-ġlied reċenti ffaċilita bil-kbir it-tixrid u l-insedjar ta' gruppi terroristiċi bħall-ISIS fil-pajjiż; billi, jekk ma jiġix indirizzat, dan jista’ jirrappreżenta theddida ewlenija għas-sigurtà tar-reġjun u tal-UE; billi l-fergħa tal-Lvant tal-Libja tal-IS qalet fit-8 ta’ Jannar 2015 li kienet wettqet eżekuzzjoni ta' riporter Sofiene Chourabi u ta' operatur tal-kamera Nadhir Ktari;
K. billi nhar l-4 ta’ Jannar 2014 ajruplani tal-gwerra mill-forzi leali lejn il-gvern rikonoxxut internazzjonalment ibbumbardjaw tanker taż-żejt taħt operat Grieg fiż-żona militari tal-port ta’ Derna, u dan wassal biex inqatlu żewġ persuni tal-ekwipaġġ, Grieg u Rumen, u biex indarbu tnejn oħra; billi l-port hu kkontrollat minn militanti Iżlamisti u ġie attakkat diversi drabi matul is-sena li għaddiet;
L. billi nhar it-3 ta' Jannar 2015, fi stqarrija uffiċjali tal-gvern, ġie ddikjarat li l-milizja tal-Istat Iżlamiku qatlet 14-il suldat tal-armata Libjana u li l-gvern apella lill-komunità internazzjonali biex tneħħi l-embargo tal-armi fuq il-pajjiż sabiex ikun jista' jiġġieled kontra din il-milizja, li hu jikkwalifika bħala terroristi;
M. billi l-ISIS qed tħarreġ lill-kumbattenti fil-Libja u qed tistabbilixxi fergħa fil-parti tal-Lvant tal-pajjiż; billi nhar it-30 ta' Diċembru 2014 terroristi splodew karozza bomba f'Tobruk, indirizzata kontra sessjoni tal-Kamra tad-Deputati; billi ġie rappurtat li ġew stabbiliti ċentri loġistiċi fil-periferija tan-Nofsinhar tal-Libja minn elementi tal-Al-Qaeda fil-Magreb Iżlamiku; billi, skont stqarrija uffiċjali tal-gvern, fit-3 ta' Diċembru 2014 il-milizzji tal-Istat Iżlamiku qatlu 14-il suldat tal-armata Libjana;
N. billi nhar it-28 ta’ Diċembru 2014 il-kmandant tal-milizja, il-Ġeneral Heftar, mexxa attakki mill-ajru kontra Misrata, fortizza tal-grupp ta' milizzji Iżlamist 'Żerniq il-Libja', f’dik li hija meqjusa bħala l-vendetta għall-attakki tal-milizzji Iżlamisti tal-25 ta’ Diċembru 2014 attakki fuq l-akbar terminal taż-żejt tal-Libja f'Sidra u fuq is-suldati tal-armata Libjana f’Sirte, fejn inqatlu 22 minnhom;
O. billi nħatfu 20 Nisrani Koptu Eġizzjan minn militanti tal-grupp Ansar al-Sharia f’Sirte, taħt il-kontroll tal-milizja, f'dak li hu l-aħħar attakk minn numru dejjem jiżdied ta’ attakki fuq Insara u minoranzi reliġjużi oħra fil-Libja; billi żdiedu b'rata kontinwa d-detenzjonijiet, il-ħtif, it-tortura u l-eżekuzzjonijiet ta’ min ikun issuspettat li jkun kumbattent fuq in-naħat kollha;
P. billi mijiet ta' migranti u rifuġjati, li qed jaħarbu mill-vjolenza fil-Libja, qed ikunu rappurtati mejta filwaqt li qed jippruvaw jaqsmu l-Mediterran lejn l-Ewropa, li jwassal għal kriżi ewlenija ta' rifuġjati fl-Italja u f'Malta; billi l-Libja hi l-punt ta' tluq primarju għal migranti li qed jippruvaw jilħqu l-Ewropa;
Q. billi fis-6 ta’ Novembru 2014 il-Qorti Suprema Libjana qatgħet is-sentenza li l-elezzjonijiet parlamentari ta’ Ġunju li stabbilixxew il-Kamra tad-Deputati bbażata f'Tobruk li hi rikonoxxuta internazzjonalment ma kinux leġittimi;
R. billi l-Kamra tad-Deputati rrifjutat din id-deċiżjoni, waqt li qalet li din id-deċiżjoni toħroġ mil-limiti tal-mandat tal-qorti, li saret taħt pressjoni mill-milizzji Iżlamisti fi Tripli u li l-Kamra tad-Deputati u l-gvern se jibqgħu jiffunzjonaw;
S. billi r-Riżoluzzjoni 2174 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tawtorizza l-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar ta' assi fil-konfront ta' "l-individwi u l-entitajiet li l-Kumitat ikun stabbilixxa li huma involuti fi jew qed jipprovdu appoġġ għal atti oħra li jheddu l-paċi, l-istabilità jew is-sigurtà tal-Libja, jew li jxekklu jew jippreġudikaw it-tlestija b'suċċess tat-tranżizzjoni politika tagħha";
T. billi element kruċjali tal-kunflitt jikkonċerna l-kontroll u l-amministrazzjoni tal-Korporazzjoni Nazzjonali taż-Żejt; billi ż-żewġ naħat fil-kunflitt ħatru ministri tagħhom taż-żejt fi sforz biex jidderieġu d-dħul miż-żejt lin-naħa tagħhom; billi ż-żejt jirrappreżenta 95 % tad-dħul tal-Istat tal-Libja u 65 % tal-PDG tal-pajjiż; billi l-Libja għandha l-akbar riżervi taż-żejt fl-Afrika u l-ħames l-akbar fid-dinja;
1. Jikkundanna bil-qawwa ż-żieda qawwija ta’ vjolenza fil-Libja, partikolarment immirata fuq iċ-ċivili, li tipperikola b’mod serju l-prospetti futuri għal soluzzjoni paċifika; jappoġġa bil-qawwa t-taħdidiet negozjati min-NU f’Ġinevra u jappella lill-partijiet kollha fil-kunflitt biex jaċċettaw il-waqfien immedjat ta' operazzjonijiet militari propost mir-Rappreżentant Speċjali tan-NU, Bernardino León sabiex jinħoloq ambjent favorevoli;
2. Jistieden lill-partijiet kollha involuti fil-vjolenza biex jimpenjaw ruħhom f'waqfien mill-ġlied mhux kundizzjonali, biex ma jwettqux azzjonijiet li joħolqu iktar diviżjonijiet u polarizzazzjoni, biex jiddikjaraw pubblikament li mhumiex se jittolleraw tali azzjonijiet u biex jimpenjaw ruħhom mingħajr prekundizzjoni bl-isforzi tar-Rappreżentant Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Libja, Bernardino León, bl-għan li l-gruppi rivali joqorbu lejn xulxin fi djalogu politiku nazzjonali inklużiv; jinsisti li tingħata attenzjoni lill-involviment tan-nisa u tal-minoranzi f'dan il-proċess;
3. Ifakkar li m'hemm l-ebda soluzzjoni militari għall-kunflitt attwali;
4. Itenni l-appoġġ b'saħħtu u sħiħ tiegħu għall-Missjoni ta' Appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja; ifaħħar l-isforzi bla waqfien tar-Rappreżentant Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Libja, Bernardino León, biex jiġi negozjat dan id-djalogu politiku; jilqa' l-fatt li hemm skedat ċiklu ġdid ta' djalogu politiku li se jsir f'Ġinevra fil-jiem li ġejjin;
5. Jistieden lill-UE tappoġġa dawn l-isforzi billi hija wkoll timponi minnufih sanzjonijiet immirati, fosthom l-iffriżar tal-assi u l-projbizzjoni tal-ivvjaġġar, fil-konfront ta' dawk responsabbli mill-vjolenza bl-armi u l-ksur u l-abbuż tad-drittijiet tal-bniedem u li qed jibbojkottjaw in-negozjati sponsorjati min-NU;
6. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-Kamra tad-Deputati f'Tobruk bħala l-uniku korp leġittimu li ħareġ mill-elezzjonijiet ta' Ġunju 2014; itenni l-appell tiegħu lill-Kamra tad-Deputati eletta u lill-gvern uffiċjali biex iwettqu l-kompiti tagħhom abbażi tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem, fi spirtu ta' inklużività, fl-interess tal-pajjiż u bil-għan li jħarsu d-drittijiet taċ-ċittadini Libjani kollha, inklużi l-minoranzi reliġjużi u etniċi;
7. Jinsab imħasseb serjament mill-preżenza dejjem tiżdied tal-gruppi terroristiċi marbutin mal-Al-Qaeda, il-milizzji tal-Istat Iżlamiku u l-organizzazzjonijiet u l-movimenti estremisti l-oħrajn fil-Libja; jemmen li r-reġjun qiegħed fir-riskju li jispiċċa f’kaos qerriedi simili għal dak li qed jiġri fis-Sirja u fl-Iraq; jemmen li dawn il-gruppi jirrappreżentaw theddida ewlenija għall-istabilità u s-sigurtà tar-reġjun kollu, u anke għas-sigurtà tal-Ewropa; jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li jintużaw il-mezzi kollha biex jiġi miġġieled, skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali, inklużi d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u dak umanitarju, it-theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kkawżat minn atti terroristiċi;
8. Jappella lill-UE u lill-komunità internazzjonali biex ikomplu jappoġġaw l-isforzi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu b'rispett dovut lejn id-dritt internazzjonali u jwaqqfuh milli jkompli jinfirex aktar u milli jistabbilixxi bażijiet ġodda fil-Libja;
9. Jissottolinja l-impatt destabbilizzanti li l-kunflitt Libjan qed ikollu fuq pajjiżi oħra fir-reġjun tas-Saħel kif ukoll fuq is-sigurtà Ewropea; jistieden lill-pajjiżi ġirien u atturi reġjonali, speċjalment l-Eġittu, il-Qatar, l-Arabja Sawdija, it-Turkija u l-UAE, biex iżommu lura minn azzjonijiet li jistgħu jżidu diviżjonijiet attwali u jimminaw transizzjoni demokratika tal-Libja, u sabiex jappoġġaw bis-sħiħ il-proċess Ghadames immexxi min-NU; ifakkar li dawk li attivament qed joħolqu ostakli għal soluzzjoni politika kunsenswali qed jiksru r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar il-Libja u jridu jiffaċċjaw il-konsegwenzi tal-azzjonijiet tagħhom;
10. Jilqa' d-dikjarazzjonijiet reċenti mill-Unjoni Afrikana fit-3 ta' Diċembru 2014 u mil-Lega tal-Istati Għarab fil-5 ta' Jannar 2015 u l-impenn pubbliku tagħhom biex jappoġġaw il-proċess immexxi min-NU;
11. Jenfasizza l-ħtieġa għal azzjoni komuni u kkoordinata mit-28 Stat Membru taħt is-superviżjoni tar-Rappreżentant Għoli; jappella lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jikkoordinaw l-azzjoni tal-Istati Membri u jikkonċentraw l-appoġġ tagħhom fuq il-bini tal-istat u l-bini tal-istituzzjonijiet u biex, flimkien mal-Istati Membri, in-NU, in-NATO u s-sħab reġjonali, jgħinu fil-ħolqien ta' forzi tas-sigurtà effikaċi u taħt kmand u kontroll nazzjonali (forzi armati u forzi tal-pulizija) li jistgħu jiżguraw il-paċi u l-ordni fil-pajjiż, kif ukoll jagħtu l-appoġġ tagħhom għall-bidu ta' ftehim ta' waqfien mill-ġlied u jfasslu mekkaniżmu għall-monitoraġġ tiegħu; jisħaq fuq il-fatt li l-UE jmissha tagħti prijorità lill-assistenza għar-rifoma tas-sistema ġudizzjarja Libjana, kif ukoll setturi kruċjali oħrajn għall-governanza demokratika;
12. Ifakkar fl-impenn qawwi tal-UE għall-unità u l-integrità territorjali tal-Libja u l-ħtieġa li tiġi evitata l-firxa tat-terroriżmu; ifakkar fir-Riżoluzzjoni KSNU 2174, adottata nhar is-27 ta' Awwissu 2014, li twessa' s-sanzjonijiet internazzjonali eżistenti fuq il-Libja biex jinkludu r-responsabbiltà kriminali ta' min jappoġġa jew ikun involut f'atti li "jheddu l-paċi, l-istabilità jew is-sigurtà tal-Libja, jew li jxekklu jew jippreġudikaw it-tlestija b'suċċess tat-tranżizzjoni politika tagħha"; jistieden lill-UE tikkunsidra aktar azzjonijiet, inklużi miżuri restrittivi;
13. Jenfasizza l-ħtieġa li tkun żgurata r-responsabbiltà għall-każijiet kollha ta' ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u dak umanitarju; jinnota d-dikjarazzjoni minn UNSMIL li ħafna każijiet ta' ksur u abbuż kommessi fil-Libja jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-QKI, u jitlob biex din tal-aħħar tingħata r-riżorsi politiċi, loġistiċi u finanzjarji sabiex tkun tista' tinvestiga dawn ir-reati; jemmen li t-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta' responsabbiltà internazzjonali jistgħu jiddisswadu lill-milizzji milli jwettqu aktar abbużi u ksur, u jitlob li jiġi kkunsidrat l-istabbiliment ta’ Kummissjoni ta’ Inkjesta tan-NU jew mekkaniżmu simili biex tinvestiga l-ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u dak umanitarju;
14. Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Libjan; jemmen li l-Unjoni Ewropea għandha tgħin lill-poplu Libjan jissodisfa l-ambizzjoni tiegħu li jistabbilixxi Stat demokratiku, stabbli u prosperu, f'konformità mal-impenji stabbiliti fil-politiki tal-viċinat tagħha għan-Nofsinhar tal-Mediterran; jappella għat-tkomplija tal-għajnuna umanitarja, finanzjarja u politika mill-UE u l-komunità internazzjonali biex jindirizzaw is-sitwazzjoni umanitarja fil-Libja, il-qagħda ta’ min jiġi spostat internament u tar-rifuġjati u dik taċ-ċivili li qed jaffaċċjaw taqlib fl-aċċess għas-servizzi bażiċi;
15. Jinsisti fuq iż-żamma tan-newtralità tal-istituzzjonijiet Libjani ewlenin, b’mod partikolari l-Bank Ċentrali, il-Korporazzjoni Nazzjonali taż-Żejt u l-fond tal-ġid sovran, li huma awtorizzati min-NU biex jirċievu dħul miż-żejt minn barra l-pajjiż;
16. Ifaħħar l-ospitalità li t-Tuneżija tat lil madwar 1.5 miljun ċittadin Libjan li bħalissa qegħdin fit-Tuneżija li qed jaħarbu mill-vjolenza; jitlob lill-UE tipprovdi appoġġ finanzjarju u loġistiku lill-Gvern Tuneżin għal dan il-għan;
17. Jibqa’ mħasseb dwar il-proliferazzjoni ta’ armi, munizzjon, splussivi u l-kuntrabandu tal-armi, li joħloq riskju għall-popolazzjoni u għall-istabilità tal-Libja u tar-reġjun;
18. Itenni t-talba tiegħu lir-Rappreżentant Għoli biex jirrevedi l-mandat tal-Missjoni tal-Fruntiera tal-Unjoni Ewropea (EUBAM) fil-Libja, li attwalment tinsab wieqfa u stazzjonata fit-Tuneżija, sabiex titqies is-sitwazzjoni fil-pajjiż li nbidlet b’mod drammatiku, u bil-għan li titfassal missjoni tal-PSDK kkoordinata tajjeb biex topera f’koordinazzjoni man-NU u mal-imsieħba reġjonali fil-każ li tinstab soluzzjoni politika; huwa tal-fehma li din il-missjoni tal-PSDK għandu jkollha l-għan li tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ soluzzjoni politika, għandha tagħti prijorità lir-riforma tas-settur tas-sigurtà (SSR) u d-diżarm, id-demobilizzazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid (DDR) u għandha wkoll twieġeb għal bżonnijiet urġenti oħra ta’ governanza; barra minn hekk, jesprimi l-fehma li f’sitwazzjoni ta’ gwerra twila fil-Libja u fil-każ li jiżdiedu l-instabilità u t-theddid serju għas-sigurtà Ewropea, il-missjoni tal-PSDK għandha tkun disposta li tipparteċipa f'azzjoni b'mandat u kkoordinazzjoni tal-UNSC sabiex tistabbilizza l-Libja;
19. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu għad-destin tal-migranti, tal-applikanti għall-ażil u tar-rifuġjati fil-Libja minħabba li s-sitwazzjoni diġà prekarja tagħhom qed tkompli teħżien; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex effettivament jgħinu lill-Italja fl-isforzi ta' min ifaħħar biex tindirizza l-flussi li qed jiżdiedu ta' migranti u rifuġjati mill-Afrika ta' Fuq, partikolarment mil-Libja;
20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern Libjan u lill-Kamra tad-Deputati Libjana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lil-Lega Għarbija u lill-Unjoni Afrikana.