Dokument ta' sessjoni
14.1.2015 B8‑0054/2015 }
B8‑0065/2015 } RC1
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
Verts/ALE ( B8‑0054/2015 )
ALDE ( B8‑0056/2015 )
ECR ( B8‑0061/2015 )
S&D ( B8‑0063/2015 )
PPE ( B8‑0064/2015 )
GUE/NGL ( B8‑0065/2015 )
dwar il-Kirgiżistan, l-abbozz ta’ liġi dwar il-propoganda omosesswali
( 2015/2505(RSP) )
Cristian Dan Preda, Tunne Kelam, Elmar Brok, Arnaud Danjean, Giovanni La Via, Lara Comi, Bogdan Brunon Wenta, Davor Ivo Stier, Csaba Sógor, Jiří Pospíšil, Seán Kelly, Jeroen Lenaers, Luděk Niedermayer, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Jaromír Štětina, Stanislav Polčák, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein
f'isem il-Grupp PPE
Josef Weidenholzer, Liisa Jaakonsaari, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Goffredo Maria Bettini, Kashetu Kyenge, Krystyna Łybacka, Elena Valenciano, Pier Antonio Panzeri, Marlene Mizzi, Nicola Caputo, Michela Giuffrida, Miroslav Poche, Marc Tarabella, Victor Negrescu, Viorica Dăncilă, Miriam Dalli, Hugues Bayet, Tanja Fajon
f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock
f'isem il-Grupp ECR
Sophia in ‘t Veld, Beatriz Becerra Basterrechea, Dita Charanzová, Gérard Deprez, Marielle de Sarnez, Juan Carlos Girauta Vidal, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Fernando Maura Barandiarán, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Robert Rochefort, Marietje Schaake, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Johannes Cornelis van Baalen, Ivo Vajgl, Hilde Vautmans
f'isem il-Grupp ALDE
Malin Björk, Marie-Christine Vergiat, Younous Omarjee, Patrick Le Hyaric, Lola Sánchez Caldentey
f'isem il-Grupp GUE/NGL
Ulrike Lunacek, Tamás Meszerics, Heidi Hautala, Barbara Lochbihler
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Daniela Aiuto, Dario Tamburrano, Ignazio Corrao, Isabella Adinolfi, Laura Agea, Marco Valli, Fabio Massimo Castaldo
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Kirgiżistan, l-abbozz ta’ liġi dwar il-propoganda omosesswali
( 2015/2505(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kirgiżistan u r-repubbliki tal-Asja Ċentrali, b’mod partikolari dik tal-15 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali[1],
– wara li kkunsidra l-kostituzzjoni tal-Kirgiżistan, u b’mod partikolari l-Artikoli 16, 31, 33 u 34 tagħha,
– wara li kkunsidra l-obbligi u l-istrumenti internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk li jinsabu fil-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, li jiggarantixxu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u jipprojbixxu d-diskriminazzjoni,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li jiggarantixxi l-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-għaqda, id-dritt għar-rispett għall-ħajja personali, privata u tal-familja tal-individwi u d-dritt għall-ugwaljanza, u jipprojbixxi d-diskriminazzjoni fit-tgawdija ta' dawk id-drittijiet,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU A/HRC/17/19 tas-17 ta’ Ġunju 2011 r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU A/HRC/27/32 tal-24 24 ta’ September 2014 dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem għall-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-Kirgiżistan tal-24 ta’ Ottubru 2014,
– wara li kkunsidra l-istatus ta’ "Sieħeb għad-demokrazija” tal-Parlament tal-Kirgiżistan fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (APKE),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-APKE 1984 (2014) tat-8 ta' April 2014 dwar it-Talba għal status ta' Sieħeb għad-Demokrazija mal-Assemblea Parlamentari mressqa mill-Parlament tar-Repubblika Kirgiża, b’mod partikolari l-paragrafi 15.24, 15.2 u 15.26 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min naħa waħda, u r-Repubblika Kirgiża min-naħa l-oħra, b'mod partikolari l-Artikoli 2 u 92 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottati f’Ġunju tal-2004 u rieżaminati fl-2008, u l-Linji Gwida għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tat-Tgawdiha tad-Drittijiet tal-Bniedem kollha mill-Persuni Lesbjani, Gay, Bisesswali, Transġeneri u Intersesswali (LGBTI), adottati mill-Kunsill fl-24 ta’ Ġunju 2013,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), adottata fl-1979,
– wara li kkunsidra l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju u l-aġenda ta’ wara l-2015,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Kirgiżistan irnexxielha tagħmel progress kbir tul is-snin imgħoddija meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra fir-reġjun, b’mod l-aktar partikolari billi saret demokrazija parlamentari, intensifikat l-isforzi fil-ġlieda lill-korruzzjoni, u impenjat ruħha għall-istandards tad-drittijiet tal-bniedem universali;
B. billi l-UE għandha interess ċar f’Kirgiżistan li hija paċifika, demokratika u ekonomikament prospera; billi l-UE impenjat ruħha, b’mod partikolari permezz tal-Istrateġija tagħha għall-Asja Ċentrali, li taġixxi bħala sieħba tal-pajjiżi li hemm fir-reġjun;
C. billi l-pajjiżi tal-Asja Ċentrali jiffaċċjaw għadd ta’ sfidi komuni, bħalma huma l-faqar u theddid serju għas-sigurtà tal-bniedem, u l-ħtieġa li jissaħħu d-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt;
D. billi l-bnedmin kollha huma mwielda liberi u indaqs fid-dinjità u d-drittijiet; billi l-istati kollha għandhom l-obbligu li jipprevjenu l-vjolenza u d-diskriminazzjoni, inkluża dik abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru;
E. billi l-persuni lesbjani, gay, bisesswali, transġeneri u intersesswali (LGBTI) għandhom igawdu l-istess drittijiet tal-bniedem bħan-nies l-oħra kollha;
F. billi r-Repubblika Kirgiża id-dekriminalizzat l-omosesswalità tal-irġiel fl-1998 u l-omosesswalità tan-nisa fl-2004;
G. billi fil-15 ta’ Ottubru 2014 il-Parlament Kirgiż għadda fl-ewwel qari l-abbozz ta’ liġi 6‑11804/14, li fih emendi lill-Kodiċi Kriminali, lill-Kodiċi tar-Responsabilità Amministrattiva, lill-Liġi dwar l-Assemblea Paċifika u lill-Liġi dwar il-Midja tal-Massa immirati biex jipprojbixxu l-“promozzjoni ta’ relazzjonijiet sesswali mhux tradizzjonali b’mod miftuh jew indirett” u li jiddisponi għal sa sena priġunerija;
H. billi xi midja u xi mexxejja politiċi u reliġjużi fil-pajjiż kulma jmur qed ifittxu aktar u aktar li jintimidaw lill-persuni LGBTI, jillimitaw id-drittijiet tagħhom u jilleġittimizzaw il-vjolenza kontrihom.
I. billi għadd kbir ta’ kapijiet ta’ stat u ta’ gvern, mexxejja tan-Nazzjonijiet Uniti, rappreżentanti ta’ gvern u parlamentari, u l-Unjoni Ewropea, inklużi l-Kunsill, il-Parlament, il-Kummissjoni u dik li kienet ir-Rappreżentant Għoli Catherin Ashton, ikkundannaw bil-qawwa liġijiet simili "ta’ kontra l-propaganda”;
J. billi d-diskriminazzjoni abbażi tas-sess, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru huma marbuta bejniethom, u billi diversi NGOs u n-NU ġibdu l-attenzjoni lejn il-fatt li l-inugwaljanzi bejn is-sessi għadhom sinifikanti, u li l-bniet u n-nisa fil-Kirgiżistan għadhom qed isofru abbużi bħalma huma l-ħtif u ż-żwieġ sfurzat, għalkemm il-liġi tal-1994 li tipprojbixxi dan ġiet imsaħħa f'Jannar 2013;
1. Jiddispjaċih bil-kbir minħabba l-preżentazzjoni ta’ dan l-abbozz ta’ liġi, u kwalunkwe azzjoni li tista’ twassal għal trattament krudil, inuman u degradanti, u jistieden lill-pajjiżi kollha jitterminaw immedjatament il-kriminalizzazzjoni tal-omosesswalità;
2. Itenni l-fatt li l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru huma kwistjonijiet li jaqgħu fl-isfera tad-dritt tal-individwu għall-privatezza, kif iggarantit mil-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, skont liema liġi l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni għandhom jiġu protetti, filwaqt li l-libertà tal-espressjoni għandha tiġi ggarantita;
3. Ifakkar lill-Parlament Kirgiż fl-obbligi internazzjonali tiegħu u fil-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni mal-Unjoni Ewropea, li jinkludi r-rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem bħala element essenzjali tas-sħubija u jitlob li jiġi rtirat l-abbozz ta’ liġi dwar “it-tifrix ta’ informazzjoni dwar relazzjonijiet sesswali mhux tradizzjonali” li bħalissa qed tiġi rieżaminata fil-parlament;
4. Jinnota li l-abbozz ta’ liġi għadda l-ewwel qari tiegħu u għandu jiġi vvutat darbtejn oħra qabel ma jmur għand il-President għall-firma, u jenfasizza li l-adozzjoni ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni dwar “relazzjonijiet mhux tradizzjonali” ma għandhiex tmur kontra l-obbligi u l-impenji tal-Kirgiżistan fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem;
5. Jistieden lill-awtoritajiet Kirgiżi jaffermaw mill-ġdid pubblikament li n-nies kollha fil-Kirgiżistan għandhom id-dritt li jgħixu ħielsa mid-diskriminazzjoni u l-vjolenza abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom u tal-identità tal-ġeneru tagħhom u li kwalunkwe att li hu kuntrarju għal dan huwa illegali u se jitressaq għal prosekuzzjoni;
6. Jistieden lill-Parlament Kirgiż isegwi r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa fir-Riżoluzzjoni 1984 (2014) dwar it-Talba għal status ta’ Sieħeb għad-Demokrazija, b’mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet 15.24, 15.25 u 15.26;
7. Jistieden lill-Parlament Kirgiż jirrispetta l-kostituzzjoni tiegħu, inkluż l-Artikolu 16, li jiddikjara li l-“liġijiet li jiċħdu jew jidderogaw id-drittijiet u l-libertajiet tal-bniedem u dawk ċivili ma għandhomx jiġu adottati fir-Repubblika Kirgiża”, u l-Artikoli 31, 33 u 34, li jaffermat il-libertà tal-kelma, il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-għaqda, u jiċħad l-abbozz ta’ liġi 6-11804/14;
8. Jinsab imħasseb profondament dwar il-konsegwenzi negattivi tad-diskussjoni u l-adozzjoni potenzjali ta’ dan l-abbozz, li qed ikomplu jżidu l-istigmatizzazzjoni, id-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra l-individwi LGBTI; jistieden lill-politikanti u lill-mexxejja reliġjużi jżommu lura mir-retorika ta’ kontra l-LGBTI, inkluż diskors ta’ mibgħeda u tixwix għall-mibegħda;
9. Jinsab imħasseb dwar l-effetti li possibbli jkollha tali leġiżlazzjoni fuq id-donaturi internazzjonali, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-organizzazzjonijiet umanitarji li qed jaħdmu fuq il-kwistjonijiet tal-LGBTI u l-prevenzjoni tal-HIV;
10. Jistieden lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU iqis, bħala parti mir-Rieżami Perjodiku Universali tal-Kirgiżistan, l-injorar tal-prinċipji tal-ugwaljanza u tan-nondiskriminazzjoni rrappreżentati minn dan l-abbozz ta’ liġi;
11. Jistieden lill-awtoritajiet Kirgiżi jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ikunu jistgħu jkomplu bil-ħidma tagħhom ta’ promozzjoni u protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem mingħajr xkiel;
12. Iħeġġeġ lill-Kirgiżistan, fil-perjodu li jwassal għall-erbatax-il laqgħa tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika Kirgiża, tkompli bir-riformi li jwasslu għat-trasparenza, l-indipendenza tal-ġudikatura, ir-rikonċiljazzjoni bejn il-gruppi etniċi u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, peress li dawn huma l-fatturi ewlenin għall-iżvilupp sostenibbli fit-tul tal-pajjiż;
13. Jilqa’ l-progress li sar mill-awtoritajiet Kirgiżi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fil-perjodu bejn ir-raba’ u l-ħames rawnd tad-Djalogu bejn l-UE u r-Repubblika Kirgiża dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; iħeġġeġ bil-qawwa lill-awtoritajiet Kirgiżi jkomplu jagħmlu progress f'dan il-qasam;
14. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lis-Servizz għall-Azzjoni Esterna jagħmluha ċara lill-awtoritajiet Kirgiżi li l-adozzjoni eventwali ta' dan l-abbozz ta' liġi jista' jaffettwa r-relazzjonijiet mal-UE skont l-Artikolu 92(2) tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni; barra minn hekk jistieden lill-Kunsill u lis-Servizz għall-Azzjoni Esterna jqajmu din il-kwistjoni fil-fori internazzjonali rilevanti, bħalma huma l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u n-Nazzjonijiet Uniti;
15. Jistieden lill-awtoritajiet Kirgiżi jiżguraw li l-allegazzjonijiet ta’ tortura u ta’ trattament inuman u degradanti jiġu investigati fil-pront u b'mo’ effiċjenti u li min hu ħati jiġi pproċessat quddiem qorti; jitlob, barra minn hekk, li l-priġunieri tal-kuxjenza jiġu meħlusa kollha, fir-rigward b’mod partikolari ta’ Azimjon Askarov sakemm issir investigazzjoni sħiħa, imparzjali u ġusta, inkluż dwar l-allegazzjonijiet tiegħu ta’ tortura u trattament ħażin;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-Parlament tal-Kirgiżistan u lill-President tal-Kirgiżistan.