Dokument ta' sessjoni

 

10.3.2015                                                                                                      B8‑0228/2015 }

                                                                                                                      B8‑0230/2015 }

                                                                                                                      B8‑0231/2015 }

                                                                                                                      B8‑0232/2015 }

                                                                                                                      B8‑0233/2015 }

                                                                                                                      B8‑0234/2015 } RC1

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

ALDE ( B8‑0228/2015 )

PPE ( B8‑0230/2015 )

EFDD ( B8‑0231/2015 )

Verts/ALE ( B8‑0232/2015 )                      

ECR ( B8‑0233/2015 )

S&D ( B8‑0234/2015 )

dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2015

( 2015/2572(RSP) )

Andrzej Grzyb, Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Dubravka Šuica, József Nagy, Ivana Maletić, Andrej Plenković, Arnaud Danjean, Claude Rolin, Lara Comi, Ramona Nicole Mănescu

f'isem il-Grupp PPE

Elena Valenciano, Soraya Post, Pier Antonio Panzeri, Josef Weidenholzer, Tanja Fajon, Victor Negrescu, Liisa Jaakonsaari, Viorica Dăncilă, Alessia Maria Mosca, Kati Piri, Simona Bonafè, Vilija Blinkevičiūtė, Miroslav Poche, Andi Cristea, Enrico Gasbarra, Javi López, José Blanco López, Richard Howitt, Nicola Caputo

f'isem il-Grupp S&D

Mark Demesmaeker

f'isem il-Grupp ECR

Beatriz Becerra Basterrechea, Gérard Deprez, Marielle de Sarnez, Nathalie Griesbeck, Antanas Guoga, Louis Michel, Angelika Mlinar, Ivan Jakovčić, Urmas Paet, Marietje Schaake, Pavel Telička, Ivo Vajgl

f'isem il-Grupp ALDE

Barbara Lochbihler, Alyn Smith, Davor Škrlec

f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo

f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2015

( 2015/2572(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom, inkluża l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 60/251 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li tistabbilixxi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta Soċjali Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

–   wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, adottati fil-25 ta' Ġunju 2012,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi r-riżoluzzjonijiet ta' urġenza dwar kwistjonijiet bħal dawn,

–   wara li kkunsidra r-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja 2013, u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tad-9 ta' Frar 2015 dwar il-prijoritajiet tal-UE fil-fora tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5), 18, 21, 27 u 47 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra t-28 sessjoni li jmiss tal-UNHRC li se ssir mit-2 sas-27 ta' Marzu 2015,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi r-rispett, il-promozzjoni u s-salvagwardja, tal-universalità tad-drittijiet tal-bniedem jagħmlu parti mill-acquis etiku u ġuridiku tal-Unjoni Ewropea u huma wieħed mill-elementi ewlenin tal-għaqda u tal-integrità Ewropea;

B.     billi d-drittijiet tal-bniedem huma inerenti għall-bnedmin kollha irrispettivament min-nazzjonalità, ir-razza, is-sess, l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew kwalunkwe status ieħor tagħhom, u billi r-rispett għal dawn id-drittijiet huwa minqux fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, u f'konvenzjonijiet, dikjarazzjonijiet u riżoluzzjonijiet sussegwenti internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

C.     billi d-drittijiet kollha tal-bniedem – kemm jekk ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali jew kulturali – huma indiviżibbli, interrelatati u interdipendenti, u billi ċ-ċaħda ta' kwalunkwe wieħed minn dawn id-drittijiet għandha impatt dirett u negattiv fuq l-oħrajn;

D.     billi n-nuqqas li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem u n-nuqqas ta' parteċipazzjoni demokratika leġittima jwasslu għal instabbiltà, stati falluti, kriżijiet umanitarji u kunflitti armati;

E.     billi l-azzjoni tal-Unjoni fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi hija mmexxija mill-Artikolu 21 tat-Trattat ta' Lisbona, li jafferma mill-ġdid l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u jipprevedi r-rispett tad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali;

F.     billi l-istati kollha għandhom l-obbligu li jirrispettaw id-drittijiet bażiċi tal-popolazzjonijiet rispettivi tagħhom u d-dmir li jieħdu azzjoni konkreta biex jiffaċilitaw ir-rispett ta' dawn id-drittijiet fil-livell nazzjonali, u biex jikkooperaw f'livell internazzjonali bil-għan li jiġu eliminati l-ostakli għar-realizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma kollha;

G.     billi s-sessjonijiet regolari tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-ħatra ta' Rapporteurs Speċjali, il-mekkaniżmu ta' Eżami Perjodiku Universali u l-Proċeduri Speċjali li jindirizzaw sitwazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jew kwistjonijiet tematiċi jikkontribwixxu għall-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

H.     billi, sfortunatament, xi membri attwali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem huma rikonoxxuti bħala fost l-agħar li jiksru d-drittijiet tal-bniedem u għandhom rekords ħżiena f'dak li għandu x'jaqsam mal-kooperazzjoni mal-Proċeduri Speċjali tan-NU u l-konformità mar-rekwiżiti ta' rappurtar tagħhom fir-rigward tal-korpi tat-trattat tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU;

Il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU

1.      Jilqa' l-prijoritajiet tal-UE għat-28 sessjoni regolari li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC), kif stabbilit fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta' Frar 2015;

2.      Jilqa' l-ħatra tal-Ambaxxatur Joachim Rücker bħala President tal-UNHRC għall-2015;

3.      Jifraħ lil Zeid Ra'ad Al Hussein għall-ħatra tiegħu bħala Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHCHR), u jtenni li jappoġġa bl-iktar mod qawwi l-isforzi u l-mandat tiegħu;

4.      Jilqa' l-preżenza tas-Sa Mogherini, Viċi-President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), fis-sessjoni ta' livell għoli tal-UNHRC, peress li dan jibgħat messaġġ tajjeb rigward l-impenn qawwi tal-UE għas-sistema multilaterali tad-drittijiet tal-bniedem;

5.      Jilqa' r-rapport annwali tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem lill-Assemblea Ġenerali tan-NU, li jkopri l-perjodu minn Diċembru 2013 sa Novembru 2014, u jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-indipendenza u l-integrità tal-kariga tiegħu; jenfasizza li huwa importanti li wieħed jiddefendi din l-indipendenza, sabiex jiġi żgurat li l-Kummissarju Għoli jista' jkompli jeżerċita l-kompiti tiegħu b'mod effikaċi u imparzjali; itenni li l-UNHCHR jeħtieġ li jiġi ffinanzjat b'mod adegwat;

6.      Ifakkar fl-impenn tal-Parlament Ewropew u tas-Sottokumitat tiegħu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li jappoġġaw sistema multilaterali u b'saħħitha għad-drittijiet tal-bniedem taħt il-patroċinju tan-NU, inkluż it-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem, flimkien mal-ħidma tal-aġenziji speċjalizzati relatati tan-NU bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), kif ukoll il-Proċeduri Speċjali tan-NU;

7.      Jinkoraġġixxi lis-SEAE, b'mod partikolari permezz tad-Delegazzjonijiet tal-UE fi New York u f'Ġinevra, iżid il-koerenza tal-UE permezz ta' konsultazzjoni f'waqtha u sostantiva sabiex jippreżenta l-pożizzjoni tal-UE b'vuċi waħda; jafferma mill-ġdid l-importanza tal-integrazzjoni tal-ħidma li qed issir fi New York u f'Ġinevra fil-kuntest tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, it-Tielet Kumitat u l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-attivitajiet interni u esterni rilevanti tal-UE sabiex tiġi żgurata l-koerenza;

8.      Iqis li l-intimidazzjoni kontinwa u d-detenzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u personalitajiet tal-oppożizzjoni minn għadd ta' membri tal-UNHRC jimminaw l-kredibilità tal-UNHRC; itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-membri tal-UNHRC għandhom jiġu eletti minn fost l-istati li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija u li qablu li jestendu l-istediniet permanenti għall-Proċeduri Speċjali kollha, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem u jadottaw kriterji ta' prestazzjoni, li għandhom japplikaw għal kwalunkwe stat li jkun elett bħala membru tal-UNHRC; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinkoraġġixxu proċessi trasparenti, miftuħa u kompetittivi għall-elezzjoni ta' membri tal-UNHRC;

9.      Itenni l-appoġġ tiegħu għall-mekkaniżmu ta' Eżami Perjodiku Universali (EPU) u l-apprezzament tiegħu għall-ħidma siewja tal-EPU, u jistieden lill-membri jħejju b'mod attiv l-EPU tagħhom, fosthom permezz tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, jimpenjaw ruħhom fid-djalogu interattiv matul is-sessjoni tal-EPU u fid-dibattiti dwar l-adozzjoni tal-eżiti tal-EPU, u jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-EPU u jieħdu miżuri konkreti biex itejbu u jirrispettaw it-twettiq tal-obbligi tagħhom tad-drittijiet tal-bniedem;

10.    Jibqa' jopponi l-"block voting" fi ħdan il-UNHRC; iħeġġeġ lill-pajjiżi membri fil-UNHRC jibqgħu trasparenti fil-votazzjoni tagħhom;

11.    Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jkomplu jsegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-EPU fid-djalogi kollha ta' politika tal-UE mal-pajjiżi kkonċernati biex ifittxu modi li bihom jappoġġaw lill-pajjiżi fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet;

12.    Itenni l-appoġġ tiegħu għall-Proċeduri Speċjali u l-istatus indipendenti tad-detenturi tal-mandat, li jippermettulhom iwettqu l-funzjoni tagħhom b'imparzjalità sħiħa, u jistieden lill-istati kollha jikkooperaw ma' dawn il-proċeduri u jħeġġeġ lill-Istati Membri jikxfu każijiet ta' nuqqas ta' kooperazzjoni min-naħa ta stati b'detenturi tal-mandati għal Proċedura Speċjali;

13.    Iqis li huwa importanti li jibgħat delegazzjonijiet parlamentari għas-sessjonijiet tal-UNHRC u sessjonijiet rilevanti oħra tal-Assemblea Ġenerali tan-NU;

14.    Iqis li hu ta' dispjaċir li l-ispazju għall-interazzjoni bejn is-soċjetà ċivili u l-UNHRC qiegħed ikompli jiċkien u li l-NGOs qegħdin jingħataw inqas opportunitajiet biex jitkellmu f'dawn is-sessjonijiet; iħeġġeġ lill-UE u lill-UNHRC jiżguraw li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jitħallew jikkontribwixxu bl-aktar mod sħiħ possibbli għat-28 sessjoni tal-UNHRC, kif ukoll għall-proċess tal-Eżami Perjodiku Universali u l-mekkaniżmi l-oħra tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, mingħajr il-biża' ta' ritaljazzjoni meta jmorru lura f'pajjiżhom;

Id-drittijiet ċivili u politiċi

15.    Jafferma mill-ġdid li l-libertà tal-espressjoni, li hija l-pedament ta' kull soċjetà libera u demokratika, hija dritt fundamentali ta' kull individwu; jikkundanna bil-qawwa l-qtil fi Franza f'Jannar 2015 ta' 12-il persuna, inklużi kartunisti fil-bini tar-rivista Charlie Hebdo u ta' 4 persuni f'supermarket Lhudi, flimkien mal-qtil ta' direttur tal-films u gwardjan ta' sinagoga f'Kopenħagen, minn terroristi li għandhom fil-mira l-libertà tal-espressjoni u tar-reliġjon;

16.    Jikkundanna l-użu tar-reliġjon minn gruppi estremisti u ġiħadisti fil-pajjiżi kollha, u b'mod partikolari fis-Sirja, l-Iraq, il-Libja, il-Mjanmar, in-Niġerja u l-Afrika Ċentrali, li l-azzjonijiet tagħhom jinkludu attakki bil-pistoli u bombi, attakki suwiċida, serq ta' persuni u atti vjolenti oħra li jitterrorizzaw lill-popolazzjoni; huwa tal-fehma li l-ġlieda kontra t-terroriżmu titlob azzjoni biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tiegħu, li jinkludu l-esklużjoni soċjali, l-emarġinazzjoni politika u l-inugwaljanza; jitlob għal sforzi akbar biex jitħarsu d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi reliġjużi; iħeġġeġ għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt f'kull attività fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;

17.    Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-restrizzjonijiet kollha fuq il-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, inklużi projbizzjonijiet fuq organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-użu aggressiv ta' liġijiet ta' malafama kriminali u liġijiet restrittivi oħra, rekwiżiti ta' reġistrazzjoni u ta' rappurtar eċċessivi, u regoli restrittivi żżejjed dwar finanzjament barrani, u jerġa' jafferma li l-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni paċifika huma elementi fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem;

18.    Jistieden lill-gvernijiet kollha jippromwovu u jappoġġaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u li jippermettulhom jagħmlu xogħolhom mingħajr biża', ripressjoni jew intimidazzjoni, jikkooperaw mal-UNHRC fil-mekkaniżmu tal-EPU, u jiżguraw li l-pajjiżi responsabbli għar-ritaljazzjoni kontra attivisti tad-drittijiet tal-bniedem jagħtu kont ta' għemilhom, b'mod partikolari għal ritaljazzjonijiet fatali bħal dik li wasslet għall-mewt tal-attivist tad-drittijiet tal-bniedem Cao Shunli fiċ-Ċina f'Marzu 2014 talli pprova jaqbad ajruplan biex jattendi l-UNHRC f'Ġinevra f'Settembru 2013;

19.    Itenni l-kundanna tiegħu kontra l-użu tal-piena tal-mewt u jappoġġa bis-sħiħ l-introduzzjoni ta' moratorju fir-rigward tal-piena tal-mewt, bħala pass favur it-tneħħija tagħha;

20.    Itenni l-importanza tal-ġlieda kontra t-tortura u forom oħra ta' trattament ħażin, u l-fatt li l-UE impenjat ruħha biex din il-kwistjoni tkun ta' prijorità, inkluż fir-rigward tat-tfal, u li tiġi ffaċilitata l-ħidma tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-Tortura; iħeġġeġ lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE juru l-impenn komuni tagħhom għall-qerda tat-tortura u jappoġġaw lill-vittmi, partikolarment billi jkomplu – jew, fejn applikabbli, jibdew jikkontribwixxu għall-Fond Volontarju tan-NU għall-Vittmi tat-Tortura u għall-Fond Speċjali stabbilit mill-Protokoll Fakultattiv tal-Konvenzjoni kontra t-Tortura;

21. Jesprimi tħassib dwar diskriminazzjoni kontinwa u mifruxa kontra l-migranti, inklużi dawk li jfittxu l-ażil u rifuġjati u l-ksur tad-drittijiet tagħhom; jistieden lill-UE u l-Istati Membri jappoġġaw il-ħidma tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-migranti, flimkien mal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu; jistieden lill-gvernijiet jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità inerenti tal-migranti, iwaqqfu għal kollox l-arrest arbitrarju u d-detenzjoni u, jirrevedu l-perjodi ta' detenzjoni u jużaw alternattivi għad-detenzjoni, sabiex ma jkunx hemm detenzjoni eċċessiva ta' migranti irregolari; jistieden lill-gvernijiet jirrispettaw, f'kull ċirkostanza, il-prinċipju ta' non-refoulement u jikkonformaw bis-sħiħ mal-obbligi ġuridiċi internazzjonali tagħhom fir-rigward tal-espulsjoni ta' migranti; jistieden lill-istati, f'każ li għadhom ma għamlux hekk, jistabbilixxu sistemi u proċeduri li jiżguraw konformità sħiħa mal-obbligi ġuridiċi internazzjonali tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fil-programmi u l-istituzzjonijiet kollha tagħhom fil-qasam tal-migrazzjoni;

22.    Jappoġġa l-aħħar rapport u l-konklużjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tal-HRC dwar forom kontemporanji ta' razziżmu, diskriminazzjoni razzjali, ksenofobija u intolleranza relatata; jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur fil-politika interna tagħhom biex jegħlbu t-tixrid tal-mibegħda razzjali, etnika u ksenofobika u t-tixwix fuq l-internet u permezz ta' netwerks tal-midja soċjali billi jieħdu miżuri leġiżlattivi xierqa, b'rispett sħiħ għal drittijiet fundamentali oħra bħal-libertà tal-espressjoni u tal-opinjoni;

23.    Jirrikonoxxi li l-evoluzzjoni rapida tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni ttrasformat l-ambjent għall-eżerċizzju tal-libertà tal-espressjoni fid-dinja kollha, u ġġenerat kemm vantaġġi sinifikanti kif ukoll tħassib serju; jilqa' f'dan il-kuntest, l-adozzjoni min-naħa tal-Kunsill f'Mejju 2014 tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-libertà tal-espressjoni online u offline, u jikkundanna r-restrizzjonijiet kollha fuq il-komunikazzjoni diġitali, inklużi dawk immirati lejn l-atturi tas-soċjetà ċivili; itenni l-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari għad-drittijiet tal-ġurnalisti u l-bloggers;

24.    Iħeġġeġ lill-UNHRC biex ikompli d-dibattitu dwar id-dritt għall-privatezza u, għal dan il-għan, jaħtar Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għall-privatezza, speċjalment fil-kuntest tal-komunikazzjonijiet diġitali;

Id-drittijiet soċjali u ekonomiċi

25.    Jinnota l-fatt li l-aġenda għall-iżvilupp postmillenjali tan-NU għandha l-mira li sal-2030 tkun qerdet il-faqar permezz ta' approċċ olistiku għall-ġestjoni ta' kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali; jilqa' r-Rapport ta' Sinteżi tas-Segretarju Ġenerali tan-NU qabel is-Summit Speċjali tan-NU dwar l-aġenda tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli għal wara l-2015; jappoġġa l-appelli tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għal approċċ iffukat fuq il-ħtiġijiet u d-drittijiet tan-nies bil-għan li jintemm il-faqar;

26.    Iqis li hu importanti li jiġu indirizzati l-inugwaljanzi estremi li qed jiżdiedu sabiex jiġi miġġieled il-faqar b'mod ġenerali u jiġu promossi d-drittijiet soċjali u ekonomiċi billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-ikel, l-ilma, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni adegwata, b'mod partikolari; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-problema li qed tikber tal-ħtif tal-art, li jeħtieġ li tiġi indirizzata;

27.    Huwa tal-fehma li l-korruzzjoni, l-evażjoni tat-taxxa, il-ġestjoni ħażina tal-beni pubbliċi u n-nuqqas ta' responsabbiltà jikkontribwixxu għall-ksur tad-drittijiet taċ-ċittadini, billi dawn ibiegħdu l-fondi minn investiment fuq servizzi pubbliċi tant meħtieġa bħall-edukazzjoni, is-servizzi bażiċi tas-saħħa u infrastruttura soċjali oħra, u b'hekk il-popolazzjonijiet jibqgħu maħkuma mill-faqar; ifakkar li, skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-gvernijiet għandhom obbligu li jirrispettaw id-drittijiet taċ-ċittadini tagħhom billi jagħmlu disponibbli riżorsi adegwati; jisħaq, f'dan ir-rigward, li jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għall-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jaħdmu fuq il-promozzjoni tad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali;

28.    Itenni l-appoġġ tiegħu biex jiġi stabbilit Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-kriminalità finanzjarja, il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem;

In-negozju u d-drittijiet tal-bniedem

29.    Jappoġġa bil-qawwa t-tixrid u l-implimentazzjoni effikaċi u komprensivi tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem fl-UE u lil hinn minnha, u jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni effikaċi tal-Prinċipji Gwida tan-NU (UNGPs), fosthom dawk b'rabta mal-aċċess għall-ġustizzja; jilqa' l-inizjattiva marbuta mar-regolament li jistabbilixxi sistema ta' diliġenza dovuta għall-katina ta' provvista għall-provenjenza responsabbli ta' minerali minn żoni milquta mill-kunflitti; jistieden lill-partijiet interessati kollha biex iwettqu rwol attiv fil-11-il sessjoni tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar il-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-korporazzjonijiet transnazzjonali u impriżi kummerċjali oħrajn, u biex jappoġġaw sforzi li jallinjaw il-politiki tagħhom mal-Linji Gwida tal-OECD għall-Impriżi Multinazzjonali u mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea biex sa tmiem l-2015 tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem mill-Istati Membri tal-UE;

30.    Iħeġġeġ lid-Delegazzjonijiet tal-UE fid-dinja kollha biex jinvolvu ruħhom ma' negozji tal-UE bil-għan li jippromwovu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u jiżguraw li t-tema tan-''negozju u d-drittijiet tal-bniedem' tkun inkluża fost it-temi importanti fis-sejħiet lokali għall-proposti tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem;

31.    Jemmen li n-negozju u d-drittijiet tal-bniedem jistgħu jsaħħu lil xulxin billi joħolqu potenzjal kummerċjali ġdid f'dawk ir-reġjuni li għandhom l-aktar bżonn ta' investiment sostenibbli u responsabbli, u billi jikkontribwixxu lejn ir-rispett ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw;

32.    Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jimpenjaw ruħhom fid-dibattitu emerġenti dwar strument internazzjonali legalment vinkolanti dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem fi ħdan is-sistema tan-NU;

Id-drittijiet tan-nisa

33.    Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, li tinvolvi l-organizzazzjoni mill-ġdid, it-titjib, l-iżvilupp u l-evalwazzjoni tal-politiki biex tiżgura l-inkorporazzjoni ta' approċċ ta' opportunitajiet indaqs fil-politiki kollha – fil-livelli u fl-istadji kollha – min-naħa ta' dawk li huma involuti fit-tfassil tal-politika, hija għodda importanti fil-ksib tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

34.    Jistieden lill-UE tipparteċipa b'mod attiv fid-59 sessjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa, u tkompli tiġġieled kontra kull tentattiv li jimmina l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin tan-NU, li ser tiġi riveduta fl-okkażjoni tal-20 anniversarju tar-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fir-rigward, fost elementi oħrajn, l-aċċess għall-edukazzjoni u s-saħħa bħala drittijiet bażiċi tal-bniedem, u d-drittijiet sesswali u riproduttivi;

35.    Josserva b'mod kritiku li, minkejja l-progress li sar s'issa fil-ksib tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa, f'ħafna pajjiżi għad hemm fis-seħħ liġijiet diskriminatorji, b'mod partikolari fl-oqsma tal-familja u l-aċċess għall-proprjetà; josserva li n-nisa għadhom ferm sottorappreżentati f'pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet u li l-vjolenza kontra n-nisa għadha mifruxa, filwaqt li l-aċċess għall-ġustizzja għadu limitat minkejja l-għadd ta' nisa li jmutu kuljum kawża tal-vjolenza domestika; jesprimi t-tħassib serju tiegħu li f'xi pajjiżi ġie osservat rigress, b'mod partikolari fil-qasam tad-drittijiet sesswali u riproduttivi;

36.    Jikkundanna bil-qawwa l-użu tal-vjolenza sesswali fuq in-nisa bħala tattika tal-gwerra, inklużi delitti bħalma huma l-istupru tal-massa, l-iskjavitù sesswali, il-prostituzzjoni furzata, forom ta' persekuzzjoni abbażi tal-ġeneru inklużi l-mutilazzjoni ġenitali femminili, it-traffikar, iż-żwieġ bikri u furzat, id-delitti għall-unur u kwalunkwe forma oħra ta' vjolenza sesswali ta' gravità komparabbli; jistieden mill-ġdid lill-UE u l-Istati Membri kollha tagħha jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul);

37.    Itenni wkoll l-impenn tal-UE li tintegra d-drittijiet tal-bniedem u l-aspetti dwar il-ġeneru fil-missjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, f'konformità mar-Riżoluzzjonijiet storiċi 1325 u 1820 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà; itenni, f'dan ir-rigward, it-talba tiegħu biex l-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġaw, fil-proċess tal-bini ta' rikonċiljazzjoni sostenibbli, il-parteċipazzjoni sistematika tan-nisa bħala komponent vitali fil-proċessi tal-paċi, u jirrikonoxxu l-ħtieġa li jintegraw il-perspettivi tal-ġeneru fil-prevenzjoni ta' kunflitti, fl-operazzjonijiet ta' żamma tal-paċi, fl-għajnuna umanitarja u fil-proċessi ta' rikostruzzjoni wara kunflitt u ta' tranżizzjoni demokratika;

38.    Jisħaq li l-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF) hija forma ta' tortura; jisħaq fuq il-ħtieġa kontinwa li l-UE għandha taħdem ma' pajjiżi terzi bil-għan li teqred il-prattika tal-MĠF; ifakkar lil dawk l-Istati Membri li għandhom leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkriminalizza l-MĠF li jeħtiġilhom jużaw din il-leġiżlazzjoni meta jinstab li ċ-ċittadini tagħhom ikunu ġarrbu MĠF;

39.    Jilqa' l-inklużjoni min-naħa tal-QKI ta' delitti sesswali u delitti bbażati fuq il-ġeneru, inklużi l-istupri, l-attakki sesswali u l-umiljazzjoni, kif ukoll ir-rakkomandazzjoni tagħha li dawn id-delitti għandhom jitqiesu bħala delitti tal-gwerra;

Id-drittijiet tat-tfal

40.    Jesprimi t-tħassib tiegħu li, filwaqt li sar progress mindu ġiet adottata l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal fl-1989, mill-inqas 58 miljun tifel u tifla, b'mod partikolari bniet, tfal minn familji foqra, tfal b'diżabbiltà u tfal f'żoni ta' kunflitt, ma jmorrux skola, u ħafna tfal għadhom ibatu minn mard li jista' jiġi evitat faċilment, filwaqt li oħrajn huma involuti fit-tħaddim tat-tfal;

41.    Jitlob lill-istati kollha jimpenjaw ruħhom biex jeliminaw l-agħar forom ta' tħaddim tat-tfal, kif definiti fl-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni tal-ILO Nru 182, li jinkludu l-jasar tat-tfal, it-traffikar, il-prostituzzjoni u x-xogħol perikoluż li jolqtu s-saħħa fiżika u mentali tat-tfal;

42.    Ifakkar li wieħed mill-obbligi primarji tal-istat huwa li jipprovdi l-edukazzjoni lit-tfal kollha billi jżid l-opportunitajiet, joħloq istituzzjonijiet adegwati u jindirizza l-kawżi strutturali ta' impedimenti kbar għall-edukazzjoni primarja universali, inklużi r-rati ta' studenti li jitilqu mill-iskola kmieni, li għadhom jikkostitwixxu ostaklu kbir għal edukazzjoni primarja universali;

43.    Jitlob li jkun hemm finanzjament tal-UE adegwat għall-programmi ta' demobilizzazzjoni u integrazzjoni mill-ġdid għat-tfal assoċjati mal-kunflitti armati u għal ex-suldati tfal; ifakkar fl-appoġġ qawwi tiegħu għall-kampanja "Tfal, mhux Suldati", kif espress waqt is-seduta ta' smigħ dwar l-istess suġġett li saret fis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem fit-3 ta' Diċembru 2014; jilqa' r-rapporti annwali ppreżentati mir-Rappreżentant Speċjali tan-NU għat-Tfal u l-Kunflitti Armati u r-Rappreżentant Speċjali tan-NU dwar il-Vjolenza fuq it-Tfal, flimkien mar-rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar il-bejgħ tat-tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal u l-pedopornografija;

Id-drittijiet tal-persuni LGBTI

44.    Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda reċenti fl-għadd ta' liġijiet u prattiki diskriminatorji, kif ukoll atti ta' vjolenza kontra individwi abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru tagħhom; iħeġġeġ il-monitoraġġ mill-qrib tas-sitwazzjoni tal-persuni LGBTI, inklużi dawk fin-Niġerja u l-Gambja, fejn liġijiet anti-LGBTI introdotti reċentement jheddu l-ħajjiet tal-minoranzi sesswali; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-hekk imsejħa liġijiet 'kontra l-propaganda' li jillimitaw il-libertà ta' espressjoni u ta' assemblea, anki f'pajjiżi fil-kontinent Ewropew; jilqa' r-riżoluzzjoni tal-UNHRC dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni bbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tas-sessi, adottata fis-26 ta' Settembru 2014; jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għat-tkomplija tal-ħidma tal-Kummissarju Għoli għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet kollha tal-bniedem minn persuni LGBTI, b'mod partikolari permezz ta' dikjarazzjonijiet, rapporti u l-kampanja tan-NU 'Free & Equal'; iħeġġeġ lill-Kummissarju Għoli jkompli jiġġieled kontra liġijiet u prattiki diskriminatorji;

It-tibdil fil-klima u d-drittijiet tal-bniedem

45.    Jenfasizza li l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq gruppi u individwi li jinsabu f'sitwazzjonijiet vulnerabbli huwa għoli, speċjalment f'pajjiżi b'introjtu baxx u f'reġjuni kostali u fi stati gżejjer li jinsabu fil-baxx u li għandhom nuqqas ta' riżorsi ekonomiċi biex jadattaw għal bidliet ambjentali severi;

46.    Jinnota bi tħassib li l-popli indiġeni huma affettwati b'mod partikolari minn inċidenti relatati mat-tibdil fil-klima; jinnota, f'dan ir-rigward, li ħafna nies indiġeni jgħixu taħt is-soll tal-faqar u għandhom ftit jew xejn aċċess għal sistemi ta' rappreżentanza, ta' teħid ta' deċiżjonijiet politiċi jew sistemi ġudizzjarji;

47.    Jilqa' r-rikonoxximent tal-UNHRC li l-bidliet ambjentali għandhom impatt negattiv fuq l-għajxien tal-popolazzjonijiet, u huma ostakoli għar-realizzazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem rikonoxxuti internazzjonalment; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Istati Partijiet jadottaw miżuri urġenti u ambizzjużi ta' mitigazzjoni u adattament fil-Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima 2015 li se ssir aktar tard din is-sena f'Pariġi;

48.    Jitlob li l-Kummissjoni u s-SEAE jipparteċipaw b'mod attiv fid-dibattitu dwar it-terminu "refuġjat tal-klima", inkluża d-definizzjoni legali possibbli tagħha fid-dritt internazzjonali jew fi kwalunkwe ftehim internazzjonali legalment vinkolanti;

Il-ġlieda kontra l-impunità u l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI)

49.    Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-ħidma tal-QKI fir-rwol tagħha li ttemm l-impunità għall-awturi tal-aktar delitti serji li huma ta' tħassib għall-komunità internazzjonali u li tagħmel ġustizzja mal-vittmi tad-delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidji; jibqa' viġilanti rigward kwalunkwe tentattiv biex tiġi mminata l-leġittimità jew l-indipendenza tagħha; iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri jikkooperaw mal-Qorti u jagħtuha appoġġ diplomatiku, politiku u finanzjarju b'saħħtu, inkluż fin-NU; jistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lir-Rappreżentanti Speċjali tagħha jippromwovu b'mod attiv il-QKI, l-infurzar tad-deċiżjonijiet tagħha u l-ġlieda kontra l-impunità għad-delitti elenkati fl-Istatut ta' Ruma; jilqa' r-ratifika reċenti tal-Istatut ta' Ruma min-naħa tal-Awtorità Palestinjana f'Jannar 2015.

Il-popli indiġeni

50.    Jistieden lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw ir-rieżami tal-mandat tal-Mekkaniżmu Espert dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni, skont id-Dokument tal-Eżitu tal-Konferenza Dinjija dwar il-Popli Indiġeni (Riżoluzzjoni 69/2 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU), bil-għan li jsir monitoraġġ, valutazzjoni u titjib fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jitolbu li d-detenturi kollha ta' mandat ta' Proċedura Speċjali jagħtu attenzjoni speċjali lill-kwistjonijiet li jolqtu lin-nisa u l-bniet indiġeni, u jirrapportaw b'mod sistematiku dwar dawn il-kwistjonijiet lill-UNHRC; iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Istati Membri jappoġġaw b'mod attiv l-iżvilupp tal-pjan ta' azzjoni fis-sistema kollha għall-popli indiġeni, kif mitlub mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fir-riżoluzzjoni tagħha ta' Settembru 2014, speċjalment f'dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni ta' konsultazzjoni regolari tal-popli indiġeni bħala parti minn dak il-proċess;

L-avvenimenti kulturali u sportivi internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem

51.    Jikkundanna l-prattika dejjem tikber min-naħa ta' stati awtoritarji li jospitaw avvenimenti sportivi jew kulturali kbar ħafna bil-għan li jsaħħu l-leġittimità internazzjonali tagħhom filwaqt li jkomplu jirrestrinġu aktar id-dissens domestiku; jitlob lill-UE u l-Istati Membri jqajmu din il-kwistjoni b'mod attiv, inkluż fil-UNHRC, u jimpenjaw ruħhom ma' federazzjonijiet nazzjonali tal-isport, l-atturi korporattivi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tagħhom f'dawn l-avvenimenti, anki fir-rigward tal-ewwel Logħob Ewropej f'Baku fl-2015, t-Tazza tad-Dinja tal-FIFA fir-Russja fl-2018 u fil-Qatar fl-2022;

Id-drones u l-armi awtonomi

52. Itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill għall-iżvilupp ta' pożizzjoni komuni tal-UE dwar l-użu ta' drones armati, li tagħti importanza kbira lir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali u tindirizza kwistjonijiet bħall-qafas legali, il-proporzjonalità, ir-responsabbiltà, il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u t-trasparenza; iħeġġeġ lill-UE, għal darb'oħra, tipprojbixxi l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-użu ta' armi kompletament awtonomi li jippermettu li jsiru attakki mingħajr intervent uman; jinsisti li d-drittijiet tal-bniedem jiġu inklużi fid-djalogi kollha li jsiru ma' pajjiżi terzi dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu;

L-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE

53.    Jitlob lill-UE tippromwovi l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ċivili u politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, skont l-Artikolu 21 tat-Trattat ta' Lisbona u d-Dispożizzjonijiet Ġenerali dwar l-Azzjoni Esterna tal-Unjoni;

54.    Jitlob lill-UE, l-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-SEAE jintegraw id-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma kollha tal-politika esterna tagħhom ma' pajjiżi terzi; jenfasizza wkoll li jeħtieġ li l-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem tiżgura li l-politiki interni u esterni tagħha jkunu koerenti, skont l-obbligu tat-Trattat tal-UE, u li jiġu evitati standards doppji rigward ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

55.    Jitlob lill-UE tadotta approċċ ibbażat fuq id-drittijiet u tintegra r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-kummerċ, fl-investiment, fis-serrvizzi pubbliċi u fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp, u fil-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni tagħha;

Il-prijoritajiet tal-UE dwar kwistjonijiet relatati ma’ pajjiżi partikolari

L-Ukraina

56.    Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-vjolenza u l-kunflitt armat fil-Lvant tal-Ukraina; jittama li l-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied, ibbażat fuq l-ftehim ta’ Minsk, iżomm; jikkundanna l-ksur fuq skala kbira tad-drittijiet tal-bniedem fil-kunflitt u l-konsegwenzi tal-ġlied riċenti; jappoġġa bis-sħiħ il-Missjoni ta' Monitoraġġ tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ tal-OSKE fl-Ukraina, u jappella biex din tal-aħħar tissaħħaħ; jenfasizza t-tħassib kbir tiegħu dwar id-destin tal-persuni spustjati f’pajjiżhom (IDP) b'riżultat tal-kunflitt armat fir-reġjuni tax-Xlokk; jikkundanna l-annessjoni illegali tal-Krimea b'riżultat tal-politika aggressiva u espansjonista tar-Russja, li tikkostitwixxi theddida għall-unità u l-indipendenza tal-Ukraina; jibqa' mħasseb dwar id-diskriminazzjoni u l-ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa kontra l-popolazzjoni lokali f'dan ir-reġjun, b'mod partikolari fuq it-Tatari tal-Krimea; jitlob lill-Istati Membri tal-UE jappoġġaw l-isforzi kollha possibbli fil-livell tan-NU biex jiġġieldu l-impunità u biex jitwettqu investigazzjonijiet imparzjali dwar l-avvenimenti vjolenti u l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem marbuta mas-suppressjoni tad-dimostrazzjonijiet ta' Maidan, l-annessjoni illegali tal-Krimea, u l-kunflitt armat fil-Lvant tal-Ukraina; jappella għar-rispett tad-dritt u l-prinċipji umanitarji internazzjonali biex jitħarsu ċ-ċivili fil-kunflitt;

Ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK)

57.    Jilqa' l-estensjoni ppjanata tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK); jilqa' wkoll ir-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU li tħeġġeġ lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jieħu azzjoni xierqa biex jiġi żgurat li r-RDPK tagħti kont tal-azzjonijiet tagħha, inkluż billi jiġi kkunsidrat li s-sitwazzjoni fir-RDPK tiġi riferuta lill-QKI; jistieden lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem itenni l-appell tiegħu għall-obbligu li jingħata kont, inkluż fir-rigward ta' dawk responsabbli għal delitti kontra l-umanità skont il-politiki stabbiliti fl-ogħla livell tal-istat; jilqa' t-twaqqif ta' struttura bbażata fuq il-post fir-Repubblika tal-Korea biex issaħħaħ il-monitoraġġ tas-sitwazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-evidenza bil-ħsieb li jiġi żgurat l-obbligu ta’ rendikont, iħeġġeġ lill-istati kollha jikkooperaw ma' din l-istruttura, u jistieden lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem iżid l-attenzjoni tiegħu għas-sitwazzjoni fir-RDPK billi jlaqqa' Panil formali fejn jinstemgħu il-vuċijiet tal-vittmi ta' vjolazzjonijiet tad-drittijiet fil-kuntest tas-sessjoni li ġejja tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem;

L-Iran

58.    Jilqa' r-riżoluzzjoni tal-UNHRC ta' Marzu 2014 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran, u l-estensjoni tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali, u jistieden lill-Iran jippermetti lir-Rapporteur Speċjali tan-NU jidħol fil-pajjiż bħala sinjal kruċjali tar-rieda tal-Iran li jieħu miżuri lejn il-ftuħ ta' djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem; itenni l-kundanna tiegħu tal-piena tal-mewt fl-Iran, inkluża għall-minorenni, li sikwit tiġi esegwita wara proċess ġudizzjarju li ma jilħaqx l-istandards minimi aċċettati internazzjonalment dwar proċessi imparzjali u smigħ ġust; għadu mħasseb dwar ir-rata għolja ta' eżekuzzjonijiet mingħajr proċess imparzjali jew smigħ ġust; jappoġġa d-dikjarazzjoni konġunta ta' Awwissu 2014 tad-detenturi tal-mandat tal-Proċeduri Speċjali tan-NU li tikkundanna l-mewġa ta' arresti u l-kundanni fil-konfront ta' atturi tas-soċjetà ċivili fl-Iran; jistieden lill-UE u lill-UNHRC jkomplu jissorveljaw mill-qrib l-abbuż sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem, u jiżguraw li d-drittijiet tal-bniedem jibqgħu prijorità ewlenija fid-diskussjonijiet kollha mal-Gvern Iranjan; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jirrispettaw id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, skont liema l-eżekuzzjoni ta' delinkwenti minorenni hija ksur tal-istandards minimi internazzjonali, u biex ma jwettqu l-eżekuzzjoni tal-ebda delinkwent minorenni;

Il-Myanmar/Burma

59.    Jappoġġa r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Mjanmar, li jirrikonoxxi l-progress li sar s'issa waqt li jidentifika l-oqsma ta' tħassib importanti li fadal; jistieden lill-gvern tal-Mjanmar jintegra d-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-minoranzi, fil-qafas istituzzjonali u legali tal-pajjiż u fl-oqsma kollha ta' politika, u sabiex jirrispetta bis-sħiħ il-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-leġiżlazzjoni proposta dwar il-"protezzjoni tar-razza u r-reliġjon", li tinkludi erba' abbozzi ta' liġijiet dwar iż-żwieġ interreliġjuż, il-konverżjoni reliġjużi, il-monogamija u l-kontroll tal-popolazzjoni; jistieden lill-UNHRC ġġedded il-mandat tar-Rapporteur Speċjali taħt il-punt 4, biex itenni t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni tal-minoranza ta' Rohingya fl-Istat ta' Rakhine, li hija aggravata mill-fatt li din il-komunità m’għandhiex status legali u b’hekk qed tkompli tħabbat wiċċha ma’ diskriminazzjoni sistematika, u jappella għal investigazzjonijiet sħaħ, trasparenti u indipendenti fir-rapporti kollha ta' ksur ta' drittijiet tal-bniedem kontra l-minoranza Rohingya, u biex jitħaffef il-proċess tal-ftuħ ta' uffiċċju tal-OHCHR fil-pajjiż b'mandat sħiħ ta' monitoraġġ u rappurtar; jiddeplora l-attakki fuq persuni ċivili fl-Istati ta’ Kachin u Shan, il-vjolenza sesswali mwettqa mill-forzi tas-sigurtà waqt il-kunflitt armat, l-eżistenza ta’ priġunieri politiċi, l-intimidazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti u l-professjonisti tal-midja, il-qtil extraġudizzjarju, il-konfiska tal-art, u l-attakki mmirati fuq minoranzi reliġjużi u etniċi; huwa tal-fehma li n-negozjar ta’ ftehim ta’ investiment bejn l-UE u l-Myanmar għandu jiġi kkunsidrat bir-reqqa, peress li l-investiment barrani fil-pajjiż għandu r-riskju li jkompli jħarrax vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;

Il-Bjelorussja

60.    Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar il-vjolazzjoni li għadha qed titwettaq tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja; jikkundanna t-tliet eżekuzzjonijiet imwettqa fl-2014, il-fastidju fil-konfront tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-persekuzzjoni ta' ġurnalisti indipendenti, iċ-ċensura tal-komunikazzjonijiet kollha permezz tal-Internet u l-leġiżlazzjoni restrittiva dwar l-organizzazzjonijiet mhux governattivi; jappella għat-tiġdid tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja fid-29 sessjoni tal-Kunsill, u jistieden lill-gvern jagħti aċċess sħiħ lid-detenturi tal-mandat tal-Proċedura Speċjali tan-NU, inkluż ir-Rapporteur Speċjali; jappella għall-ħelsien mingħajr kundizzjonijiet u għar-riabilitazzjoni tal-priġunieri politiċi kollha li għad-fadal.

Il-Baħrejn

61.    Jesprimi t-tħassib kontinwu tiegħu dwar ir-repressjoni fil-konfront tal-mexxejja tal-oppożizzjoni, l-atturi tas-soċjetà ċivili u l-attivisti fil-Baħrejn, u s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti politiċi tal-oppożizzjoni fil-pajjiż; jistieden lill-partijiet ikkonċernati fil-Baħrejn jagħtu bidu għal taħditiet kostruttivi u inklużivi bil-għan ta' rikonċiljazzjoni ġenwina u rispett għad-drittijiet tal-bniedem tal-komunitajiet kollha tal-Baħrejn; jappella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjoni tal-priġunieri kollha ta' kuxjenza, ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u dimostranti paċifiċi, u jesprimi l-appoġġ tiegħu għad-dikjarazzjoni konġunta tal-4 ta' Frar 2015 tad-detenturi tal-mandat tal-Proċeduri Speċjali tan-NU dwar l-arrest ta' politiku anzjan tal-oppożizzjoni u l-iżbandament tad-dimostrazzjonijiet sussegwenti; jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-membri l-oħra tal-UNHRC ikompli jsegwu mill-qrib is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Baħrejn, b'enfasi fuq l-implimentazzjoni tal-impenji magħmula mill-Baħrejn matul il-proċess tal-EPU u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Indipendenti ta' Inkjesta tal-Baħrejn, li ntlaqgħu tajjeb mir-Re tal-Baħrejn; Jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ progress min-naħa tal-Gvern tal-Baħrejn fil-kooperazzjoni tiegħu mal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) u l-Proċeduri Speċjali tal-UNHCR, u jistieden lill-Istati Membri tal-UE jaħdmu sabiex waqt is-sessjoni ta' Marzu tal-UNHRC jadottaw riżoluzzjoni li titlob l-implimentazzjoni sħiħa tal-impenji li l-Baħrejn għamel waqt il-proċess tal-EPU u r-rakkomandazzjonijiet, inklużi dawk dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-Kummissjoni Indipendenti ta’ Inkjesta tal-Baħrejn, u jitolbu li l-OHCHR jirrapporta dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fuq il-post u dwar il-progress imwettaq fil-kooperazzjoni tal-Baħrejn mal-mekkaniżmi tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU;

L-Eġittu

62.    Jilqa' l-proċeduri tal-EPU għall-Eġittu f'Novembru 2014 u jistenna bil-ħerqa l-adozzjoni tiegħu fis-sessjoni li jmiss tal-UNHRC; iħeġġeġ lill-Eġittu jeħles immedjatament u bla kundizzjoni lill-attivisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kollha, kif ukoll lil dawk miżmuma arrestati talli eżerċitaw b'mod paċifiku d-drittijiet tagħhom tal-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni; jesiġi, barra minn hekk, li l-Gvern Eġizzjan idaħħal fis-seħħ leġiżlazzjoni li tkun konformi mal-istandards internazzjonali u jissalvagwardja d-dritt tal-assoċjazzjoni stipulat fil-Kostituzzjoni Eġizzjana, inkluż id-dritt li wieħed jirċievi u jagħti fondi, u li jirrevoka l-Liġi dwar il-Protesti ta' Novembru 2013 u jintroduċi leġiżlazzjoni ġdida li tiggarantixxi l-libertà tal-għaqda; iħeġġeġ lill-Gvern Eġizzjan iniedi investigazzjoni ġudizzjarja biex jiddetermina l-identità ta' dawk responsabbli għall-ordnijiet u t-twettiq ta' qtil illegali matul ir-repressjoni eżerċitata fil-konfront tad-dimostrazzjonijiet prinċipalment paċifiċi li saru mit-3 ta' Lulju 2013 'l hawn, inkluża r-repressjoni tal-14 ta' Awwissu 2013 fi Pjazza Raba'a u fi Pjazza Naħda, fejn inqatlu mill-inqas 1 000 dimostrant; iħeġġeġ lill-Eġittu jwettaq investgazzjonijiet indipendenti, imparzjali, u effettivi tal-vjolazzjonijiet kollha tad-drittijiet tal-bniedem li twettqu mill-2011 ’il hawn, inklużi d-delitti ta’ vjolenza sesswali, u biex jiżgura li l-awturi jagħtu kont u l-vittmi jingħataw rimedju adegwat skont l-istandards internazzjonali; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jikkanċellaw immedjatament is-sentenzi tal-mewt kollha u jordnaw li l-proċessi jsiru mill-ġdid b’mod li jiggarantixxu d-dritt għal proċess ġust u s-smigħ imparzjali, u jimponu moratorju immedjat fuq is-sentenzi tal-mewt u l-eżekuzzjonijiet, jeħilsu minnufih mill-arrest lill-ġurnalisti u l-ħaddiema tal-midja detenuti kollha u jiggarantixxu d-dritt għal-libertà tal-informazzjoni u tal-espressjoni skont l-istandards internazzjonali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jippermettu ż-żjara tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-Vjolenza Kontra n-Nisa, li sar qbil dwarha fil-prinċipju, iżda li ilha pendenti sa minn kmieni fl-2014, u jistiednu l-mekkaniżmi u l-proċeduri rilevanti tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU b’mod partikolari, lir-Rapporteur Speċjali dwar il-Libertà tal-Għaqda, ir-Rapporteur Speċjali dwar it-Tortura, ir-Rapporteur Speċjali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem waqt il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu, u r-Rapporteur Speċjali dwar l-indipendenza tal-Imħallfin u l-Avukati; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jiżguraw il-konformità tad-dritt nazzjonali mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u jirtiraw immedjatament il-liġi Nru 136/2014 u jtemmu l-proċessi militari tal-persuni ċivili, kif ukoll iħassru s-sentenzi kollha maħruġa kontra persuni ċivili minn qrati militari u jordnaw li immedjatament jerġgħu jsiru l-proċessi quddiem qrati ċivili; jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġaw dikjarazzjoni qawwija dwar dawk il-kwistjonijiet;

Il-Mali

63.    Jilqa' l-ħidma tal-Espert Indipendenti tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Mali, u jistieden lill-UNHRC jestendi l-mandat tiegħu; jilqa' l-progress li sar mill-Gvern tal-Mali fl-istabbiliment mill-ġdid tal-ġudikatura f'xi partijiet tal-pajjiż, u fl-investigazzjonijiet dwar it-tortura u l-qtil ta' 21 suldat elit fl-2012, flimkien mal-istabbiliment ta' Kummissjoni għall-Verità, il-Ġustizzja u r-Rikonċiljazzjoni; għadu mħasseb dwar id-deterjorament mill-ġdid is-sitwazzjoni tas-sigurtà, l-użu kontinwu u r-reklutaġġ ta’ suldati tfal, u jistieden lill-Gvern tal-Mali jinvestiga u jżomm responsabbli lil dawk il-fazzjonijiet rivali kollha li kienu responsabbli għall-vjolazzjonijiet tal-gwerra mwettqa matul il-kunflitt armat ta' bejn l-2012 u l-2013; jilqa’ b’sodisfazzjon il-ftehim ta’ paċi għall-poplu kollu tal-Mali, peress li huma se jkunu l-ewwel benefiċjarji wara xhur ta’ instabilità u nuqqas ta’ sigurtà, iżda jiddispjaċih dwar id-dewmien mitlub mir-ribelli tat-Tramuntana; jistieden lill-partijiet kollha jimxu fuq il-passi tal-Gvern tal-Mali u jiffirma minnufih il-ftehim li l-implimentazzjoni tiegħu se tkun moniterjata mill-UE, u biex jiżgura li l-ftehim ta' paċi fil-ġejjieni jitlob li jkun hemm responsabilità, it-tisħiħ tal-kummissjoni dwar il-verità u li l-persunal tal-forza tas-sigurtà jiġu eżaminat bir-reqqa;

Is-Sudan t'Isfel

64.    Jistieden lill-Unjoni Afrikana tippubblika r-rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta tagħha dwar il-vjolazzjonijiet u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-partijiet kollha fis-Sudan t'Isfel, bħala pass lejn il-promozzjoni tal-ġustizzja fil-konfront tal-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-bidu tal-kunflitt; jikkundanna l-ħtif ta' grupp ta' tfal żgħar f'Wau Shilluk fi Frar 2015, bil-ħsieb li dawn isiru suldati tfal; iħeġġeġ lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem jadotta riżoluzzjoni li tenfasizza li investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet ġusti u kredibbli ta' delitti skont id-dritt internazzjonali huma essenzjali biex is-Sudan t’Isfel jikser iċ-ċiklu ta' brutalità li hu inkoraġġit mill-impunità, u jitlob, għal dan l-għan, li tingħata kunsiderazzjoni lill-istabbiliment ta' mekkaniżmu ġudizzjarju ibridu u jkompli jħeġġeġ aktar lis-Sudan t’Isfel jaderixxi mal-Istatut ta' Ruma u jistabbilixxi mandat tar-Rapporteur Speċjali għas-Sudan t’Isfel, bil-għan li jkunu jistgħu jiġu promossi prosekuzzjonijiet ġusti u kredibbli u miżuri usa' ta' obbligu ta' rendikont, bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali;

Is-Sri Lanka

65.    Jinnota l-wegħdiet li saru mill-Gvern elett il-ġdid tas-Sri Lanka, u jistiednu jieħu passi konkreti lejn l-obbligu ta’ rendikont bejn issa u t-30 sessjoni tal-UNHRC f’Settembru 2015 bil-ħsieb li tittieħed azzjoni skont il-wegħdiet tiegħu li jtejjeb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż u li jipprevjeni r-rigress, inklużi investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet, flimkien ma’ passi oħra biex tiġi indirizzata l-problema usa’ tal-impunità u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, u biex jikkoopera b’mod sħiħ mal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-investigazzjoni internazzjonali tiegħu dwar is-Sri Lanka;

Is-Sirja

66.    Jesprimi tħassib serju dwar il-kunflitt drammatiku u vjolenti u l-kriżi umanitarja li rriżultaw mill-użu tal-vjolenza, l-ewwel u qabel kollox mir-reġim ta' Assad, iżda wkoll mill-Istat Iżlamiku/Da'esh u minn milizzji oħrajn kontra n-nies ċivili, speċjalment gruppi vulnerabbli bħan-nisa u t-tfal; jesprimi t-tħassib tiegħu għall-fatt li d-Da'esh qed jesporta l-ideoloġija tiegħu barra l-pajjiż; jinsab imħasseb ħafna dwar il-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali fis-Sirja, li jista' jammonta għal delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jikkonformaw mad-dritt umanitarju internazzjonali applikabbli sabiex jipproteġu liċ-ċivili, jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u jissodisfaw il-bżonnijiet bażiċi tagħhom; iħeġġeġ lill-istati membri kollha tan-NU biex jitkellmu kontra l-vjolenza b’mod ċar u, b’mod partikolari, favur id-drittijiet tal-minoranzi, inkluża l-persekuzzjoni sistematika tal-Insara; jappella għall-ħelsien immedjat u bla ebda kundizzjoni tal-persuni kollha li ġew detenuti b’mod arbitrarju jew maħtufa b'riżultat tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom jew attivitajiet politiċi paċifiċi oħra; jitlob appoġġ qawwi mill-UE u l-Istati Membri tagħha għall-obbligu ta’ rendikont u t-tiġdid tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta tan-NU;

L-Iraq

67.    Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-kunflitt drammatiku u vjolenti u l-kriżi umanitarja fl-Iraq; jinnota li s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem sejra għall-agħar hekk kif l-IS/Da'esh u milizzji oħrajn qed jikkommettu ħtif u eżekuzzjonijiet fuq skala kbira u jippersegitaw il-minoranzi etniċi u reliġjużi tal-Iraq, inklużi l-Insara;

Il-Palestina/L-Iżrael

 

68.    Jesprimi tħassib serju dwar il-kriżi umanitarja f’Gaża; jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jesprimu pubblikament l-appoġġ tagħhom għall-Kummissjoni ta’ Inkjesta (KtI) tan-NU u jiddenunzjaw in-nuqqas ta’ kooperazzjoni u ta’ aċċess mogħtija mill-awtoritajiet Iżraeljani għall-KtI, permezz ta’ dikjarazzjoni pubblika fl-HRC; jenfasizza li l-ġustizzja u r-rispett għall-istat tad-dritt huma l-bażijiet indispensabbli għall-paċi u jenfasizza li l-impunità prevalenti sistemika u li ilha sseħħ għal vjolazzjonijiet tad-dritt internazzjonali għandha tieqaf; jilqa’ b’sodisfazzjon il-ftuħ mill-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) ta’ eżami preliminari dwar is-sitwazzjoni fil-Palestina; jistieden lill-UE tikkoopera bis-sħiħ mal-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-QKI; jistieden lill-UE terġa’ tinvolvi ruħha mal-Punt 7 tal-HRC u tikkundanna bil-qawwa l-vjolazzjonijiet li baqgħu għaddejjin fit-tul tad-dritt internazzjonali u n-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-opinjoni konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, u tappoġġa t-tiġdid tal-mandat tal-KtI;

°

°       °

69.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tad-69 Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem.