Dokument ta' sessjoni
29.4.2015 B8‑0370/2015 }
B8‑0400/2015 } RC1
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
S&D ( B8‑0370/2015 )
GUE/NGL ( B8‑0371/2015 )
PPE ( B8‑0374/2015 )
Verts/ALE ( B8‑0394/2015 )
ECR ( B8‑0396/2015 )
EFDD ( B8‑0398/2015 )
ALDE ( B8‑0400/2015 )
dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja
( 2015/2520(RSP) )
Santiago Fisas Ayxelà, Davor Ivo Stier, Cristian Dan Preda, Francesc Gambús, Joachim Zeller, Michael Gahler, Maurice Ponga, Fernando Ruas, Tokia Saïfi, Bogdan Brunon Wenta, Daniel Caspary, Elisabetta Gardini, Dubravka Šuica, Claude Rolin, Philippe Juvin, József Nagy, Arnaud Danjean
f'isem il-Grupp PPE
Eric Andrieu, Hugues Bayet, Nicola Caputo, Ana Gomes, Alessia Maria Mosca, Momchil Nekov, Demetris Papadakis, Vincent Peillon, Arne Lietz, Maria Arena, Linda McAvan, Victor Boștinaru, Kashetu Kyenge, Doru‑Claudian Frunzulică, Carlos Zorrinho, Elena Valenciano, Michela Giuffrida, Seb Dance, Afzal Khan, Nicola Danti
f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Angel Dzhambazki, Beatrix von Storch
f'isem il-grupp ECR
Javier Nart, Petras Auštrevičius, Dita Charanzová, Gérard Deprez, Filiz Hyusmenova, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Marielle de Sarnez, José Inácio Faria, Alexander Graf Lambsdorff, Juan Carlos Girauta Vidal, Antanas Guoga, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Fernando Maura Barandiarán, Louis Michel, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Robert Rochefort, Marietje Schaake, Pavel Telička, Yana Toom, Ramon Tremosa i Balcells, Frédérique Ries, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans
f'isem il-Grupp ALDE
Lola Sánchez Caldentey, Marie-Christine Vergiat
f'isem il-Grupp GUE/NGL
Jean Lambert
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Piernicola Pedicini
f'isem il-Grupp EFDD
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja
( 2015/2520(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Niġerja u b'mod partikolari l-aktar dibattitu reċenti tiegħu dwar din il-kwistjoni fis-sessjoni plenarja tal-14 ta' Jannar 2015,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, inklużi dawk tat-8 ta' Jannar, id-19 ta' Jannar, il-31 ta' Marzu u l-14 u l-15 ta' April 2015,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-9 ta' Frar 2015,
– wara li kkunsidra r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 583/2014 tat-28 ta' Mejju 2014[1] li żied lill-Boko Haram mal-lista ta' persuni, gruppi u entitajiet li għalihom japplika l-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi,
– wara li kkunsidra l-ħames djalogu ministerjali bejn in-Niġerja u l-UE li sar f'Abuja fis-27 ta' Novembru 2014,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet preliminari tal-Missjonijiet ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE u tal-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-konferenza reġjonali dwar is-sigurtà li saret fl-20 ta' Jannar 2015 fi Niamey,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet magħmula mis-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, dwar il-vjolenza kontinwa u d-deterjorament tas-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-Grigal tan-Niġerja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-possibbiltà li membri tal-Boko Haram jistgħu jiġu akkużati b'delitti tal-gwerra,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar t-Tneħħija tal-Forom Kollha ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni bbażati fuq Reliġjon u Twemmin tal-1981,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981, irratifikata min-Niġerja fit-22 ta' Ġunju 1983,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, irratifikat min-Niġerja fid-29 ta' Ottubru 1993,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-kostituzzjoni tar-Repubblika Federali tan-Niġerja, adottata fid-29 ta' Mejju 1999, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV tagħha,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) u l-protokoll fakultattiv tagħha,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-oħra (Il-Ftehim ta' Cotonou),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattament dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jistabbilixxi filwaqt li jqis il-prinċipju ta' koerenza politika għall-iżvilupp fil-politiki esterni kollha tal-UE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi n-Niġerja hija l-aktar pajjiż popolat u l-aktar wieħed b'varjetà etnika fl-Afrika, u hija kkaratterizzata minn qasma reġjonali u reliġjuża u diviżjoni tat-Tramunata u n-Nofsinhar b'differenzi ekonomiċi u soċjali serji;
B. billi n-Niġerja hija l-akbar ekonomija fil-kontinent Afrikan u msieħba kummerċjali ewlenija tal-UE, iżda minkejja r-riżorsi kbar tagħha, in-Niġerja hija fost l-aktar pajjiżi kkaratterizzati mill-inugwaljanzi fid-dinja, b'aktar minn 70 % tal-popolazzjoni tagħha tgħix b'anqas minn USD 1.25 kuljum u b'10 % tal-popolazzjoni tal-pajjiż tikkontrolla 'l fuq minn 90 % tal-ġid u r-riżorsi tagħha;
C. billi l-attakki li twettqu mill-Boko Haram bejn it-3 u t-8 ta' Jannar 2015 kellhom fil-mira lil Baga u lil 16-il belt u raħal tal-madwar fejn, skont immaġni mis-satellita, inqerdu kważi 3 700 struttura u nqatlu eluf ta' persuni;
D. billi l-Boko Haram ħataf u żamm għadd ta' bliet fil-Grigal tan-Niġerja u għadu jkompli jirrekluta bil-forza persuni ċivili fl-iskjeramenti tiegħu, inklużi ħafna tfal; billi l-vjolenza kkawżata mill-Boko Haram irriżultat fil-mewt ta' aktar minn 22 000 ruħ mill-2009 'l hawn, u kienet immirata b'mod indiskriminat lejn l-Insara, il-Musulmani u kull min ma jaderixxix mat-twemmin dogmatiku u estrem tiegħu; billi, f'Marzu 2015, il-Boko Haram wiegħed l-alleanza tiegħu mall-grupp tal-Istat Iżlamiku; billi, fis-27 ta' Marzu 2015, mijiet ta' iġsma nstabu fil-belt ta' Damasak, fil-Grigal tan-Niġerja, li apparentement kienu vittmi tar-ribelljoni tal-Boko Haram;
E. billi f'April 2014 aktar minn 270 tifla nħatfu minn skola tal-gvern f'Chibok (fl-Istat ta' Borno); billi l-biċċa l-kbira ta' dawn għadhom nieqsa u jinsabu f'riskju serju ta' vjolenza sesswali, tjassir u żwieġ furzat; billi minn dak iż-żmien 'l hawn, mijiet ta' persuni oħra sfaw maħtufa mill-Boko Haram; billi, fit-28 ta' April 2015, kważi 300 tifla u mara ġew salvati mill-Foresta Sambisa;
F. billi, skont l-istimi tan-NU, il-vjolenza fl-Istati ta' Borno, Yobe u Adamawa kkawżat iċ-ċaqliq sfurzat ta' 1.5 miljun persuna, inklużi 800 000 tifel u tifla, filwaqt li aktar minn tliet miljun persuna ntlaqtu mir-ribelljoni;
G. billi aktar minn 300 000 Niġerjan ħarbu lejn il-Majjistral tal-Kamerun u l-Lbiċ tan-Niġer biex jaħarbu mill-vjolenza, u billi mijiet ta' Niġerjani qed jissugraw ħajjithom fuq ir-rotot migratorji lejn l-UE bit-tama li jsibu kundizzjonijiet ekonomiċi, soċjali, ta' għajxien u ta' sigurtà aħjar;
H. billi l-għan tal-Boko Haram hu t-twaqqif ta' Stat Iżlamiku totali fit-Tramuntana tan-Niġerja, fosthom bl-implimentazzjoni ta' qrati kriminali tax-Xarija, u l-projbizzjoni tal-edukazzjoni tal-Punent;
I. billi minħabba nuqqas dejjem akbar ta' sigurtà, il-bdiewa m'għadhomx jistgħu jikkultivaw arthom jew jaħsdu l-prodotti tagħhom għax jibżgħu li jiġu attakkati mill-Boko Haram, u b'hekk qed tkompli tiżdied l-insigurtà tal-ikel;
J. billi l-għadd ta' attakki, inkluż l-użu tat-tfal bħala qattiela suwiċidi bil-bombi, qed jiżdied, u billi l-attakki qed jitwettqu f'territorji kbar, kif ukoll fil-pajjiżi ġirien taċ-Chad u l-Kamerun;
K. billi r-rispons inizjali tal-awtoritajiet Niġerjani kien estremament insuffiċjenti u qajjem sentiment ta' sfiduċja fost il-popolazzjoni lejn l-istituzzjonijiet tal-pajjiż; billi taħt il-gvern preċedenti, l-awtoritajiet Niġerjani wettqu inkarċerazzjonijiet u detenzjonijiet tal-massa, kif ukoll qtil extraġudizzjarju u għadd kbir ta' każijiet ta' ksur tad-dritt internazzjonali;
L. billi t-tifrix tar-ribelljoni tal-Boko Haram fil-pajjiżi ġirien jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni u rispons reġjonali akbar;
M. billi n-Niġerja għandha rwol ewlieni fil-politika reġjonali u Afrikana, u hija forza mexxejja tal-integrazzjoni reġjonali permezz tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS);
N. billi d-dħul miż-żejt qiegħed dejjem jonqos u u qed titfaċċa kriżi ekonomika, u billi skont xi stimi, ta' kull sena qed jinsteraq valur ta' bejn USD 3 biljun u USD 8 biljun f'żejt Niġerjan; billi għexieren ta' snin ta' ġestjoni ekonomika ħażina, instabbiltà u korruzzjoni xekklu l-investiment fis-sistemi edukattivi u tas-servizzi soċjali Niġerjani;
O. billi l-edukazzjoni, il-litteriżmu, id-drittijiet tan-nisa, il-ġustizzja soċjali u t-tqassim ġust tal-introjtu statali fis-soċjetà permezz tas-sistemi fiskali, it-tnaqqis fl-inugwaljanza, u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-evażjoni tat-taxxa huma essenzjali għall-ġlieda kontra l-fundamentaliżmu, il-vjolenza u l-intolleranza;
P. billi t-terroriżmu jikkostitwixxi theddida globali, iżda billi l-isforzi tal-komunità globali biex taħdem aktar kontra l-Boko Haram fin-Niġerja kienu jiddependu sa ċertu punt mill-kredibbiltà, ir-responsabilità, u t-trasparenza sħiħa tal-elezzjoni;
Q. billi n-Niġerja għadha demokrazija żagħżugħa u fraġli, li ħabtet wiċċha ma' vjolenza estrema wara r-riżultati tal-elezzjonijiet tal-2011 u l-akkużi ta' tbagħbis tal-voti;
R. billi l-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti (INEC) ipposponiet l-elezzjonijiet mill-14 u t-28 ta' Frar 2015 għat-28 ta' Marzu u l-11 ta' April sabiex tippermetti lill-Gvern iniedi azzjoni militari kontra l-Boko Haram, u billi f'Marzu 2015 ingħata bidu għal rispons reġjonali;
S. billi l-armata taċ-Ċad, flimkien man-Niġer u l-Kamerun, hija l-forza prinċipali li qed tiġġieled kontra l-Boko Haram, u billi li l-involviment sħiħ tagħha kontra t-terroristi tal-Boko Haram f'Gamboru Ngala, Malam Fatori, u Kangalam fin-Niġerja huwa rikonoxxut; billi l-prezz għoli li ħallset din l-armata fil-gwerra kontra t-terroriżmu huwa rikonoxxut; billi l-Parlament Ewropew jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-midruba u l-familji tal-vittmi;
T. billi l-kampanja elettorali saret f'ambjent ta' tensjoni kbira, u ġew irrappurtati inċidenti ta' vjolenza relatata mal-elezzjonijiet fil-partijiet kollha tal-pajjiż, speċjalment fin-Nofsinhar u fil-Lbiċ, kif ukoll attakki mill-Boko Haram biex jaqtgħu qalb il-votanti, ksur tar-regolamenti tal-kampanja u inċitament fil-konfront tal-votanti;
U. billi l-osservaturi lokali u internazzjonali, inklużi l-osservaturi tal-UE, innotaw nuqqasijiet sistematiċi, b'mod partikolari fil-fażi tal-ġbir, kif ukoll l-użu ħażin tal-kariga u l-użu ta' vjolenza; billi, madankollu, ma ġiet osservata l-ebda manipulazzjoni sistematika;
V. billi l-UE, fuq stedina tal-Gvern, skjerat missjoni ta' osservazzjoni elettorali fit-tul, li inkludiet delegazzjoni mill-Parlament Ewropew; billi l-Unjoni Afrikana, il-Commonwealth tan-Nazzjonijiet u l-ECOWAS skjeraw missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali;
W. billi fil-31 ta' Marzu 2015 il-kandidat presidenzjali tal-oppożizzjoni All Progressives Congress (APC), il-Ġeneral Muhammadu Buhari, ġie ddikjarat ir-rebbieħ tal-elezzjonijiet, u l-president fil-kariga ammetta t-telfa b'mod paċifiku; billi l-oppożizzjoni APC rebħet il-maġġoranza tal-voti tal-presidenza, tas-Senat u tal-Kamra tar-Rappreżentanti f'erba' mis-sitt żoni ġeopolitiċi;
X. billi ġew eletti anqas nisa mill-2011, meta diġà kienet evidenti xejra negattiva;
Y. billi 17 % tal-bniet jiżżewġu qabel ma jagħlqu l-15-il sena, u ċ-ċifri taż-żwieġ tat-tfal jilħqu s-76 % fir-reġjun tal-Majjistral; billi n-Niġerja għandha l-akbar għadd assolut ta' mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF) fid-dinja, li jikkostitwixxi madwar kwart tal-115-130 miljun vittma fid-dinja;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza inkwetanti li għaddejja u dejjem tiżdied, inkluża l-mewġa kontinwa ta' attakki bil-pistoli u l-bombi, attakki suwiċida bil-bombi, tjassir sesswali u vjolenza sesswali oħra, ħtif u atti vjolenti oħra mwettqa mis-setta terroristika Boko Haram kontra l-popolazzjoni ċivili, il-gvern u l-miri militari fin-Niġerja, li wasslu għal eluf ta' mwiet u korrimenti u kkawżaw iċ-ċaqliq sfurzat ta' mijiet ta' eluf ta' persuni, u li jistgħu jikkostitwixxu delitti kontra l-umanità;
2. Jiddeplora l-massakru ta' rġiel, nisa u tfal innoċenti, u jesprimi s-solidarjetà tiegħu man-nies tan-Niġerja fid-determinazzjoni tagħhom li jiġġieldu l-forom kollha ta' terroriżmu f'pajjiżhom; ifaħħar il-ħidma tal-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kollha talli qed jippruvaw jiġbdu l-attenzjoni tad-dinja lejn l-estremiżmu tal-Boko Haram u l-vittmi innoċenti tal-vjolenza tiegħu;
3. Ifakkar li għaddiet sena mindu nħatfu 276 tifla fi skola barra Chibok, u li skont gruppi tad-drittijiet tal-bniedem ittieħdu minn tal-anqas 2 000 tifla u mara oħra; jitlob lill-gvern u lill-komunità internazzjonali jagħmlu dak kollu li hu fis-setgħa tagħhom biex isibu l-persuni maħtufa u jeħilsuhom;
4. Jitlob lill-president li għadu kemm ġie elett biex iżomm il-wegħdiet li għamel waqt il-kampanja elettorali tiegħu li jiddedika r-riżorsi kollha biex tintemm il-vjolenza tal-Boko Haram, tiġi stabbilita mill-ġdid l-istabbiltà u s-sigurtà fil-pajjiż kollu u jiġu indirizzati l-kawżi ta' dan it-terroriżmu, u b'mod partikolari tittieħed azzjoni aktar soda fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni interna, il-ġestjoni ħażina u l-ineffiċjenzi fi ħdan l-istituzzjonijiet pubbliċi u l-armata, li minħabba fihom il-pajjiż mhuwiex kapaċi jaffronta l-problema tal-Boko Haram fit-Tramuntana tal-pajjiż, u barra minn hekk jadotta miżuri li jċaħdu lill-Boko Haram mis-sorsi ta' introjtu illegali tiegħu, permezz ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi ġirien, b'mod partikolari fir-rigward tal-kuntrabandu u t-traffikar;
5. Jitlob lill-awtoritajiet u l-mexxejja reliġjużi tan-Niġerja jikkooperaw b'mod attiv mas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet pubbliċi sabiex jiġġieldu l-estremiżmu u r-radikalizzazzjoni;
6. Jistieden ukoll lill-awtoritajiet Niġerjani ġodda jadottaw pjan direzzjonali dwar l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-istati tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar bil-għan li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta' faqar u inugwaljanza, l-opportunitajiet edukattivi u l-aċċess għall-kura tas-saħħa, biex b'hekk jippromwovu d-distribuzzjoni ġusta tad-dħul miż-żejt, fil-kuntest tad-deċentralizzazzjoni, li huma kawża tal-vjolenza li kulma jmur qiegħda tiżdied; jappella wkoll lill-awtoritajiet Niġerjani jieħdu azzjoni serja bil-għan li jtemmu l-mutilazzjoni ġenitali femminili, iż-żwieġ tat-tfal u t-tħaddim tat-tfal; jistieden lill-UE tuża l-għodod kollha tagħha biex tippromowovi dawn il-miżuri u biex tiġġieled b'mod effiċjenti l-flussi finanzjarji illeċiti, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, u biex tagħti spinta lill-kooperazzjoni internazzjonali demokratika fi kwistjonijiet fiskali;
7. Jilqa' d-determinazzjoni espressa fis-Summit Reġjonali ta' Niamey fl-20 u l-21 ta' Jannar 2015 mit-13-il pajjiż parteċipanti, b'mod partikolari l-impenn militari taċ-Ċad, flimkien mal-Kamerun, in-Niġer u n-Niġerja, fil-ġlieda kontra t-theddid terroristiku tal-Boko Haram; iħeġġeġ it-tisħiħ ta’ dan ir-rispons reġjonali, bl-użu tal-għodod eżistenti kollha u f'konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali; jistieden lill-ECOWAS, b'mod partikolari, ikompli jiżgura l-operabilità tal-Istrateġija l-ġdida tagħha Kontra t-Terroriżmu, billi tagħti attenzjoni partikolari lil-limitazzjoni tal-flussi transfruntiera illeċiti ta' armamenti, armi, ġellieda u kontrabandu; jinsisti ulterjorment li mingħajr tali kooperazzjoni, il-vjolenza x'aktarx se tkompli, u twassal biex il-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun kollu jiġu mminati; jinnota, f'dan ir-rigward, il-wegħda ta' alleanza magħmula mill-Boko Haram lill-Istat Iżlamiku, u l-ħtieġa li tiġi impedita kwalunkwe koordinazzjoni jew kooperazzjoni ulterjuri bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet terroristiċi u li titwaqqaf l-espansjoni ta' din it-theddida;
8. Jilqa' l-inizjattivi tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana, u jitlob lill-Unjoni Afrikana timpenja ruħha b'urġenza f'azzjoni konkreta, flimkien mal-pajjiżi kollha involuti, biex tikkoordina l-ġlieda kontra l-gruppi terroristiċi fir-reġjun tas-Saħel; iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea tagħti sostenn lill-iżvilupp ta' mekkaniżmi reġjonali għall-ġestjoni tal-kunflitt, bħall-Forza Afrikana ta' Intervent fil-Pront, kif ukoll il-possibilità li jintużaw l-għodod tal-UE għall-ġestjoni tal-kriżi u l-Fond għall-Paċi fl-Afrika;
9. Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tagħmel aktar biex tgħin lill-Gvern Niġerjan fil-ġlieda kontra l-Boko Haram, u tindirizza l-kawżi tat-terroriżmu, peress li l-vjolenza u l-fundamentaliżmu jistgħu jintemmu b'mod permanenti biss permezz ta' rispons globali;
10. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jissodisfaw l-impenn tagħhom li jipprovdu firxa komprensiva ta' appoġġ politiku, ta' żvilupp u umanitarju lin-Niġerja u l-poplu tagħha fil-ġlieda kontra t-theddida tal-Boko Haram u jiġi żgurat l-iżvilupp tal-pajjiż; iħeġġeġ lill-UE tkompli d-djalogu politiku tagħha man-Niġerja skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou rivedut, u biex f'dak il-kuntest tindirizza kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem universali, inklużi l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon jew tat-twemmin, u n-nondiskriminazzjoni fuq kwalunkwe bażi, kif minquxa fi strumenti universali, reġjonali u nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;
11. Jistieden lill-komunità internazzjonali tgħin ukoll lir-refuġjati Niġerjani fil-pajjiżi ġirien; iħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri tal-UE jwaqqfu minnufih sistema Ewropea kredibbli u olistika għall-ġestjoni tar-rotot migratorji mill-Afrika sub-Saħarjana għall-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq, joffru soluzzjonijiet ta' żvilupp sostenibbli lill-pajjiżi ta' oriġini, bħan-Niġerja, u jtemmu t-traġedji umani li qed jiżvolġu f'dawn ir-rotot;
12. Iħeġġeġ lill-UE tinvestiga l-finanzjament tal-Boko Haram u tindirizza t-trasparenza tal-kummerċ tar-riżorsi naturali kollha, inkluż iż-żejt, sabiex jiġi evitat kwalunkwe fattur li jista' jqanqal il-kunflitti min-naħa ta' xi kumpanija; jistieden lill-awtoritajiet Niġerjani u lill-kumpaniji barranin jgħinu fit-tisħiħ tal-governanza fl-industrija estrattiva billi jżommu mal-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi u jippubblikaw il-ħlasijiet li l-kumpaniji jgħaddu lill-Gvern Niġerjan;
13. Jemmen li l-Gvern Niġerjan għandu d-dritt u r-responsabilità li jiddefendi l-poplu tiegħu mit-terroriżmu, iżda jinsisti li dawn l-azzjonijiet għandhom jitmexxew b'rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;
14. Jitlob li jsiru investigazzjonijiet bir-reqqa dwar l-allegazzjonijiet tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-qtil extraġudizzjarju, it-tortura, l-arresti arbitrarji u l-abbużi relatati mal-estorsjoni, u jemmen li tali azzjonijiet ma jistgħux jiġu ġustifikati bħala mezz għall-ġlieda kontra t-theddida li jirrappreżenta l-Boko Haram jew organizzazzjonijiet terroristiċi oħrajn; jemmen li r-riformi tas-sistema ġudizjarja tan-Niġerja huma meħtieġa b'mod urġenti sabiex jipprovdu ġustizzja kriminali effikaċi bil-għan li jiġġieldu t-terroriżmu, bħalma huma meħtieġa r-riformi b'rabta mal-forzi tas-sigurtà statali Niġerjani;
15. Jeżorta biex is-suldati midruba jirċievu t-trattament xieraq, u li l-bniet u n-nisa li huma vittmi ta' stupru fl-isfond tal-kunflitt armat jiġu offruti il-firxa sħiħa ta' servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva f'faċilitajiet umanitarji ffinanzjati mill-UE, f'konformità mal-Artikolu 3 komuni għall-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra, li jiggarantixxi l-kura medika kollha neċessarja għall-midruba u l-morda, mingħajr ma jsiru distinzjonijiet sfavorevoli;
16. Jifraħ lill-Ġeneral Muhammadu Buhari bħala l-kandidat presidenzjali rebbieħ għall-All Progressives Congress (APC), u lil dawk kollha li kisbu siġġijiet fis-Senat jew fil-Kamra tar-Rappreżentanti, jew ġew ivvotati bħala Gvernaturi jew membri tal-assemblej statali, mill-partiti kollha; ifaħħar lill-kandidati li aċċettaw it-telfa b'mod paċifiku, ibda mill-kandidat presidenzjali fil-kariga Goodluck Jonathan, u jilqa' l-impenn kontinwu tal-partiti politiċi kollha u l-kandidati għal elezzjonijiet paċifiċi u jħeġġiġhom ikomplu jaċċettaw ir-riżultati mingħajr ebda vjolenza;
17. Jifraħ lill-poplu Niġerjan tal-entużjażmu demokratiku tiegħu u l-mobilizzazzjoni tul il-proċess elettorali kollu, u jitlob lill-awtoritajiet Niġerjani jsaħħu l-governanza tajba u jippromwovuistituzzjonijiet demokratiċi aktar responsabbli; jemmen li t-tranżizzjoni tal-poter permezz tal-kaxxa tal-voti turi approfondiment tad-demokrazija fin-Niġerja, li tista' sservi bħala mudell għal nazzjonijiet Afrikani oħra;
18. Jilqa' d-determinazzjoni tal-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti fl-impenn tagħha biex (kemm jista' jkun possibbli) toħloq proċess elettorali raġonevolment kredibbli, trasparenti u ġust, minkejja l-limitazzjonijiet interni u esterni u l-pressjoni li tħabbat wiċċha magħhom, b'mod partikolari l-inklużjoni min-naħa tagħha ta' persuni b'diżabilità;
19. Iħeġġeġ lill-vittmi biex jindirizzaw l-ilmenti tagħhom permezz ta' mekkaniżmi uffiċjali għar-riżoluzzjoni tat-tilwim, u jitlob lill-awtoritajiet Niġerjani jwieġbu għal kull waħda minnhom permezz ta' investigazzjoni u rimedju sħaħ u kredibbli skont il-liġi; jitlob lill-UE tappoġġa l-iżvilupp ta' mekkaniżmi bħal dawn;
20. Jistieden lill-Gvern Niġerjan jippromwovi l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja pubblika u politika;
21. Itenni l-appell tiegħu għat-tneħħija tal-liġi kontra l-omosesswalità u tal-piena tal-mewt;
22. Jitlob lill-awtoritajiet Niġerjani jieħdu miżuri ta' emerġenza fid-Delta tan-Niġer, inklużi azzjonijiet biex itemmu l-attivitajiet illegali b'rabta maż-żejt u biex jgħinu lil dawk esposti għat-tniġġis; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jipprovdu għarfien espert tekniku u riżorsi biex jgħinu fir-restawr taż-żona; jitlob lill-kumpaniji kollha li joperaw fir-reġjun biex jikkonformaw mal-ogħla standards internazzjonali u jżommu lura minn kwalunkwe azzjoni li jaf ikollha impatt fuq l-ambjent u l-komunitajiet lokali;
23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, il-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, il-Gvern u l-Parlament tan-Niġerja, ir-rappreżentanti tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent u l-Unjoni Afrikana.