Dokument ta' sessjoni

 

29.4.2015                                                                                                      B8‑0418/2015 }

                                                                                                                      B8‑0419/2015 }

                                                                                                                      B8‑0420/2015 }

                                                                                                                      B8‑0423/2015 }

                                                                                                                      B8‑0424/2015 } RC1

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

GUE/NGL ( B8‑0418/2015 )

EFDD ( B8‑0419/2015 )

Verts/ALE ( B8‑0420/2015 )

ALDE ( B8‑0423/2015 )

S&D ( B8‑0424/2015 )

dwar il-priġunerija ta' ħaddiema u attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fl-Alġerija

( 2015/2665(RSP) )

Ana Gomes, Victor Boștinaru, Josef Weidenholzer, Richard Howitt, Nicola Caputo, Alessia Maria Mosca, Enrico Gasbarra, Demetris Papadakis, Liisa Jaakonsaari, Norbert Neuser, Andi Cristea, Miroslav Poche, Krystyna Łybacka, Neena Gill, Viorica Dăncilă, Victor Negrescu, Biljana Borzan, Michela Giuffrida, Jutta Steinruck, Julie Ward, Sorin Moisă, Tibor Szanyi, Nicola Danti, Vilija Blinkevičiūtė, Goffredo Maria Bettini, Siôn Simon, Hugues Bayet, Zigmantas Balčytis, Marc Tarabella, Claudia Tapardel, Doru-Claudian Frunzulică, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Eric Andrieu, Kashetu Kyenge, Maria Grapini, Luigi Morgano, Brando Benifei

on behalf of the S&D Group

Alexander Graf Lambsdorff, Fredrick Federley, Hilde Vautmans, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Izaskun Bilbao Barandica, Pavel Telička, Beatriz Becerra Basterrechea, Marietje Schaake, Louis Michel, Urmas Paet, José Inácio Faria, Marielle de Sarnez, Nathalie Griesbeck, Frédérique Ries, Antanas Guoga, Johannes Cornelis van Baalen, Petras Auštrevičius, Gérard Deprez, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ramon Tremosa i Balcells, Juan Carlos Girauta Vidal, Jozo Radoš

on behalf of the ALDE Group

Marie-Christine Vergiat, Sofia Sakorafa, Stelios Kouloglou

on behalf of the GUE/NGL Group

Barbara Lochbihler, Davor Škrlec, Ernest Urtasun, Alyn Smith, Heidi Hautala, Judith Sargentini

on behalf of the Verts/ALE Group

Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Rolandas Paksas, Valentinas Mazuronis

on behalf of the EFDD Group

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-priġunerija ta' ħaddiema u attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fl-Alġerija

( 2015/2665(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Alġerija, partikolarment dawk tad-9 ta' Ġunju 2005 dwar il-libertà tal-istampa fl-Alġerija[1] u tal-10 ta' Ottubru 2002 dwar il-konklużjoni ta' ftehim ta' assoċjazzjoni mal-Alġerija[2],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-12 ta' Marzu 2015[3] dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja tal-2013 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni, u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013[4] dwar 'Il-Politika Ewropea tal-Viċinat, ħidma favur sħubija aktar b'saħħitha: Il-pożizzjoni tal-PE dwar ir-rapporti ta’ progress 2012',

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-20 ta' April 2015 dwar ir-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta' Mejju 2014 wara t-tmien laqgħa tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Alġerija,

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-15 ta' Mejju 2012 mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titlu "Inwettqu politika ġdida Ewropea tal-Viċinat " (JOIN(2012)0014),

–       wara li kkunsidra l-memorandum tal-Kummissjoni dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) 2013 ta' Marzu 2014 dwar l-Alġerija,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Ġunju 2011 tal-Kunsill Ewropew dwar il-Viċinat tan-Nofsinhar,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, matul iż-żjara tagħha fl-Alġerija f’Settembru 2012,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Alġerija, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2005,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-istess Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li jistipula li r-rispett għall-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem huwa biex jispira l-politiki domestiċi u internazzjonali tal-Partijiet, u għandu jikkostitwixxi element essenzjali ta’ dak il-Ftehim,

–       wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Alġerija adottata permezz ta' referendum fit-28 ta' Novembru 1996, speċjalment l-Artikoli 34-36, 39, 41 u 43 tagħha,

–       wara li kkunsidra r-rapport finali tal-5 ta' Awwissu 2012 maħruġ mill-Missjoni tal-UE għall-Osservazzjoni tal-Elezzjonijiet dwar l-elezzjonijiet parlamentari fl-Alġerija,

–       wara li kkunsidra l-Linji ta' Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–       wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali, Kulturali, li tagħhom l-Alġerija hija firmatarja,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) Nru 87 dwar il-Libertà ta’ Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt li Torganizza tal-1948 u l-Konvenzjoni Nru 98 tal-ILO dwar id-Dritt għall-Organizzazzjoni u n-Negozjar Kollettiv tal-1949,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi reċentement seħħew protesti kontra l-qgħad fl-Alġerija; billi l-awtoritajiet Alġerini jirrikonoxxu li t-talbiet tad-dimostranti huma leġittimi; billi, madankollu, f’dawn l-aħħar erba’ snin, u b’aktar intensità mill-bidu tal-2015, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi attivisti tad-drittijiet tal-ħaddiema, speċjalment fir-reġjuni tan-Nofsinhar tal-Alġerija, ġew mhedda, abbużati verbalment u soġġetti għal trattament ħażin u fastidju ġudizzjarju f’kuntest ta’ żieda fil-protesti ekonomiċi, soċjali u ambjentali;

B.     billi Mohamed Rag, attivist tad-drittijiet tax-xogħol mill-Kumitat Nazzjonali għad-Difiża tad-Drittijiet tal-Persuni Qiegħda (Comité National pour la Défense des droits des chômeurs, CNDDC) fil-belt ta’ Laghouat, ġie arrestat fit-22 ta' Jannar 2015 u ngħata sentenza ta’ 18-il xahar ħabs u multa ta’ 20 000 DZD għaliex "attakka aġent tal-forza tas-sigurtà waqt il-qadi ta’ dmirijietu", u billi s-sentenza tiegħu ġiet ikkonfermata wara appell fil-15 ta' April 2015;

C.     billi fit-28 ta' Jannar 2015 fil-belt ta’ Laghouat, tmien attivisti tad-drittijiet tal-ħaddiema, membri tas-CNDDC — Khencha Belkacem, Brahimi Belelmi, Mazouzi Benallal, Azzouzi Boubakeur, Korini Belkacem, Bekouider Faouzi, Bensarkha Tahar u Djaballah Abdelkader — ġew arrestati meta nġabru quddiem il-qorti tal-belt biex jitolbu li Mohamed Rag jiġi meħlus; billi dawn it-tmien attivisti ġew sussegwentement ikkundannati f’Marzu li għadda għal sena ħabs b’sentenza sospiża għal 6 xhur u multa ta’ 5 000 DZD għaliex ‘kienu parti minn grupp illegali/mhux awtorizzat” u għaliex “eżerċitaw pressjoni fuq id-deċiżjonijiet tal-qrati tal-maġistrati';

D.     billi, f’Laghouat, matul is-seduta msemmija hawn fuq tal-attivisti CNDDC, li saret fil-11 ta' Marzu 2015, kienu skjerati għadd akbar mis-soltu ta’ uffiċjali tal-pulizija, u minħabba hekk il-pubbliku u xhieda tad-difiża ma setgħux jidħlu fl-awla tal-qorti, u billi barra l-awla tal-qorti l-pulizija arrestat u sussegwentement ħelset kważi 50 dimostrant paċifiku li kienu qegħdin jesprimu s-solidarjetà tagħhom mad-disa’ priġunieri;

E.     billi, minkejja li tneħħa l-istat ta’ emerġenza fi Frar 2011 b’reazzjoni għal mewġa ta’ protesti tal-massa favur id-demokrazija, baqgħu fis-seħħ restrizzjonijiet, fil-liġi u fil-prattika, dwar il-libertà ta' assemblea paċifika, b’mod partikolari, digriet tat-18 ta' Ġunju 2001 li kompla jipprojbixxi dimostrazzjonijiet pubbliċi fil-belt ta’ Alġeri, kif ukoll il-Liġi 91-19 tat-2 ta' Diċembru 1991 dwar laqgħat pubbliċi u dimostrazzjonijiet, li tagħmel kwalunkwe avveniment pubbliku suġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel; billi l-Ministeru tal-Intern rari jawtorizza laqgħat pubbliċi;

F.     billi kull min jieħu sehem fi protesti mhux awtorizzati jista' jitressaq il-qorti u jista' jeħel sentenza ta’ ħabs li tvarja minn xahrejn sa ħames snin, skont l-Artikoli 99 u 100 tal-Kodiċi Penali Alġerin; billi f’Jannar 2014 — id-data tal-għeluq għar-reġistrazzjoni ta’ assoċjazzjonijiet ġodda — l-assoċjazzjonijiet kollha li ma ġewx aċċettati (inklużi l-Amnesty International) saru illegali; billi seħħew ħafna protesti paċifiċi fil-pajjiż kollu, għalkemm xi drabi l-forza tal-pulizija kienet tferrex il-massa, kultant b’mod vjolenti, u billi dimostranti paċifiċi jistgħu jiġu arrestati qabel id-dimostrazzjonijiet biex jimpedixxu li dawn iseħħu;

G.     billi fl-2014 il-Gvern Alġerin introduċa reviżjonijiet kostituzzjonali favur id-demokrazija u wiegħed aktar riformi li jħarsu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; billi l-implimentazzjoni ta’ dawk ir-riformi s’issa ma kinitx sodisfaċenti;

H.     billi f’Marzu 2015 erba’ attivisti oħra tad-drittijiet tal-ħaddiema, Rachid Aouine, Youssef Sultani, Abdelhamid Brahimi u Ferhat Missa, membri CNDDC fil-belt ta’ El Oued, ġew arrestati u akkużati li instigaw tlaqqigħ ta' grupp ta' persuni; billi tnejn minnhom ġew meħlusa, iżda Rachid Aouine ġie kkundannat u Youssef Sultani jinsab ħieles u qed jistenna l-proċess;

I.      billi f’Jannar 2012 daħlet fis-seħħ liġi ġdida dwar l-assoċjazzjonijiet (12-06) li timponi restrizzjonijiet fuq organizzazzjonijiet mhux governattivi u gruppi tas-soċjetà ċivili fir-rigward tal-ħolqien tagħhom, il-funzjonament, ir-reġistrazzjoni u l-aċċess għal finanzjament barrani; billi din tikkriminalizza l-membri ta' assoċjazzjonijiet li mhumiex irreġistrati, sospiżi jew xolti, u dawn jistgħu jkunu soġġetti għal sitt xhur priġunerija u multa għolja, u b’hekk qed tiġi mfixkla l-libertà ta’ assoċjazzjoni;

J.      billi, għalkemm il-Liġi 90-14 tat-2 ta' Ġunju 1990 dwar il-kundizzjonijiet għall-eżerċitar tad-drittijiet tat-trade unions tippermetti lill-ħaddiema jiffurmaw unions mingħajr ma jfittxu permess iżda billi jinnotifikaw l-awtoritajiet bil-miktub, l-awtoritajiet irrifjutaw f'diversi każijiet li joħorġu rċevuta li mingħajrha l-union ma tistax legalment tirrappreżenta l-ħaddiema;

K.     billi l-Alġerija, li qed tiġi eżaminata minħabba l-applikazzjoni tagħha tal-Konvenzjoni 87 tal-ILO f’Ġunju 2014, f’bosta rapporti ġiet analizzata bir-reqqa minn esperti tal-ILO għall-ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema li jagħmlu strajk u li jiffurmaw unions tal-għażla tagħhom;

L.     billi n-negozjati dwar il-Pjan ta' Azzjoni bejn l-UE u l-Alġerija fil-qafas tal-PEV bdew fl-2012; billi, filwaqt li tirrikonoxxi l-interess li għandhom iż-żewġ naħat li jsaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni rigward kwistjonijiet ta’ sigurtà u kwistjonijiet reġjonali, f’Marzu 2014 il-Kummissjoni madankollu esprimiet tħassib dwar in-nuqqas ta’ indipendenza ġudizzjarja u d-deterjorament tas-sitwazzjoni fir-rigward tal-libertà ta’ assoċjazzjoni, ta' assemblea u ta’ espressjoni fl-Alġerija;

M.    billi l-Alġerija ilha membru tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti sa minn Jannar 2014;

1.      Jikkundanna l-arrest u d-detenzjoni ta’ attivisti paċifiċi Rachid Aouine, Mohamed RAG, Khencha Belkacem, Brahimi Belelmi, Mazouzi Benallal, Azzouzi Boubakeur, Korini Belkacem, Bekouider Faouzi, Bensarkha Tahar, Djaballah Abdelkader, Youssef Sultani, Abdelhamid Brahimi u Ferhat Missa, peress li dawn qed jinżammu minkejja l-fatt li l-attivitajiet tagħhom huma kompletament permissibbli taħt il-liġi Alġerina u huma konformi mal-istrumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem li l-Alġerija rratifikat; jappella għall-ħelsien tagħhom kif ukoll biex jiġu rtirati l-akkużi kollha miġjuba kontrihom;

2.      Ifakkar li l-Alġerija hi marbuta bl-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li jistipula li element essenzjali tiegħu huwa r-rispett għall-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, u li l-Alġerija għalhekk hija obbligata tirrispetta d-drittijiet universali tal-bniedem, inkluż il-libertà ta’ assemblea u ta’ assoċjazzjoni;

3.      Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Alġerini biex itemmu l-forom kollha ta’ fastidju u intimidazzjoni ta’ attivisti tad-drittijiet tal-ħaddiema u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż fil-livell ġudizzjarju, b’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem;

4.      Jistieden lill-awtoritajiet Alġerini biex jiggarantixxu d-dritt għal proċess ġust u jiżguraw garanzija minima għad-drittijiet tad-difiża għad-detenuti kollha, inklużi difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u attivisti tad-drittijiet tal-ħaddiema, f’konformità mal-Artikolu 14(3) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), irratifikat mill-Alġerija;

5.      Jistieden ukoll lill-awtoritajiet Alġerini biex jimplimentaw l-obbligi tagħhom li jipproteġu d-dritt għal-libertà ta’ espressjoni, assoċjazzjoni u assemblea paċifika, u biex jieħdu passi xierqa ħalli jiżguraw is-sigurtà u s-sikurezza tal-attivisti tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tagħhom li jwettqu attivitajiet paċifiċi u leġittimi;

6.      Ifakkar fir-rakkomandazzjoni lill-Gvern Alġerin mir-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta’ opinjoni u espressjoni biex jirrevoka d-Digriet tat-18 ta' Ġunju 2001 li jipprojbixxi dimostrazzjonijiet paċifiċi u l-forom kollha ta’ dimostrazzjoni pubblika f’Alġeri u jistabbilixxi sistema ta’ notifika sempliċi minflok awtorizzazzjoni minn qabel għal dimostrazzjonijiet pubbliċi;

7.      Jistieden lill-awtoritajiet Alġerini jirrevokaw il-Liġi 12-06 dwar l-assoċjazzjonijiet u biex jidħlu fi djalogu ġenwin mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex titfassal liġi ġdida li tkun f’konformità mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-Kostituzzjoni Alġerina;

8.      Jilqa’ l-fatt li mill-2012, 12-il organizzazzjonijiet tat-trade unions irċevew il-liċenzji tagħhom; ifakkar li l-manuvri amministrattivi m’għandhomx ikunu ddisinjati biex ma jagħtux l-istatus legali lil unions indipendenti li jippruvaw joperaw barra l-organizzazzjoni tat-trade unions eżistenti; jistieden lill-awtoritajiet Alġerini jippermettu lit-trade unions ġodda jirreġistraw b’mod legali u jikkonformaw mal-konvenzjonijiet implimentati mill-ILO li ġew ratifikati mill-Alġerija, partikolarment il-Konvenzjoni Nru 87 dwar il-Libertà ta’ Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni u l-Konvenzjoni Nru 98 dwar id-Dritt għall-Organizzazzjoni u n-Negozjar Kollettiv;

9.      Japprezza li l-Alġerija rratifikat il-biċċa l-kbira tat-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jinkoraġġixxi aktar impenn u kooperazzjoni mtejba mill-awtoritajiet Alġerini man-Nazzjonijiet Uniti, b’mod partikolari l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lill-awtoritajiet Alġerini biex jikkooperaw mal-Proċeduri Speċjali tan-NU, inkluż billi jistiednu Rapporteurs Speċjali biex iżuru l-Alġerija, u biex iqisu r-rakkomandazzjonijiet tagħhom; jistieden ukoll lill-Alġerija biex tikkoopera b’mod attiv mal-mekkaniżmi tad-drittijiet tal-bniedem tal-Unjoni Afrikana, b’mod partikolari tar-Rapporteur Speċjali għad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem;

10.    Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP / RGħ) u lill-Istati Membri tal-UE biex jiżguraw li jkun hemm politika tal-UE ċara u bbażata fuq il-prinċipji vis-à-vis l-Alġerija li tindirizza l-ksur serju u kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mal-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ djalogu sostanzjali u formalizzat bejn l-UE u l-Alġerija dwar id-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-VP / RGħ u lill-Istati Membri biex jiżguraw li d-djalogu politiku, ta’ sigurtà u dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-Alġerija jkun ta' sustanza fit-tliet dimensjonijiet kollha u jitlob, għalhekk, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex jistabbilixxi punti ta’ riferiment u indikaturi ċari biex jimmonitorja l-għanijiet tal-UE u jivvaluta l-progress fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, l-impunità, il-libertà ta’ assoċjazzjoni, ta' assemblea u ta’ espressjoni, l-istat tad-dritt u s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-Alġerija;

11.    Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Alġerini, lill-VP / RGħ u s-SEAE sabiex jinkludu kapitolu b’saħħtu dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-Pjan ta’ Azzjoni futur bejn l-UE u l-Alġerija, li jesprimi rieda politika soda biex javvanzaw konġuntament de jure u de facto l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f’konformità mal-Kostituzzjoni Alġerina u t-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u strumenti reġjonali Afrikani dwar id-drittijiet tal-bniedem li għalihom l-Alġerija hija parti; huwa tal-fehma li l-objettivi speċifiċi tad-drittijiet tal-bniedem għandhom jiġu adottati fil-pjan ta’ azzjoni UE-Alġerija, flimkien ma’ skeda għal riformi li għandhom jitwettqu mill-Alġerija, b’involviment sinifikanti tas-soċjetà ċivili indipendenti; jappella biex ikun definiti indikaturi għal valutazzjoni objettiva u regolari tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Alġerija;

12.    Jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri biex jissorveljaw mill-qrib il-proċessi u l-proċeduri ġudizzjarji kollha kontra difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u attivisti tad-drittijiet tal-ħaddiema permezz tal-preżenza ta’ rappreżentanti tad-delegazzjonijiet tal-UE u l-ambaxxati tal-Istati Membri f’Alġeri u biex jgħaddu rapport lill-Parlament dwar il-kwistjoni;

13.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lid-Delegazzjoni tal-UE f'Alġeri, lill-Gvern tal-Alġerija, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.

 

[1] GU C 124 E, 25.5.2006, p. 567.
[2] ĠU C 279 E, 20.11.2003, p. 115.
[3] Testi Adottati, P8_TA(2015)0076
[4] Testi Adottati, P8_TA(2013)0446