Dokument ta' sessjoni

 

10.6.2015                                                                                                      B8‑0575/2015 }

                                                                                                                      B8‑0577/2015 }

                                                                                                                      B8‑0578/2015 }

                                                                                                                      B8‑0579/2015 }

                                                                                                                      B8‑0585/2015 } RC1

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

ECR ( B8‑0575/2015 )

PPE ( B8‑0577/2015 )

Verts/ALE ( B8‑0578/2015 )

ALDE ( B8‑0579/2015 )

S&D ( B8‑0585/2015 )

dwar is-Sirja: is-sitwazzjoni f'Palmira u l-każ ta' Mazen Darwish

( 2015/2732(RSP) )

Cristian Dan Preda, Tomáš Zdechovský, Michèle Alliot-Marie, Elmar Brok, Davor Ivo Stier, Dubravka Šuica, David McAllister, György Hölvényi, Giovanni La Via, Michaela Šojdrová, Jiří Pospíšil, Lara Comi, Eduard Kukan, Patricija Šulin, Jarosław Wałęsa, Kinga Gál, Claude Rolin, Bogdan Brunon Wenta, Therese Comodini Cachia, Csaba Sógor, Ivana Maletić, Luděk Niedermayer, Marijana Petir, József Nagy, Jeroen Lenaers, Ivan Štefanec, Pavel Svoboda, Tunne Kelam, Thomas Mann, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Joachim Zeller, Jaromír Štětina, Barbara Kudrycka, Roberta Metsola, Ramón Luis Valcárcel Siso, Ramona Nicole Mănescu, Ildikó Gáll-Pelcz, Seán Kelly, Andrej Plenković, Bogdan Andrzej Zdrojewski

f'isem il-Grupp PPE

Josef Weidenholzer, Arne Lietz, Victor Boştinaru, Richard Howitt, Elena Valenciano, Pier Antonio Panzeri, Silvia Costa, Afzal Khan, Nicola Caputo, Neena Gill, Claudia Tapardel, Janusz Zemke, Jeppe Kofod, Liliana Rodrigues, Michela Giuffrida, Doru-Claudian Frunzulică, Miroslav Poche, Momchil Nekov, Alessia Maria Mosca, Andi Cristea, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Sergio Gutiérrez Prieto, Zigmantas Balčytis, Goffredo Maria Bettini, Vincent Peillon, Elena Gentile, Enrico Gasbarra, Demetris Papadakis, Nikos Androulakis, Tonino Picula, Jonás Fernández, Julie Ward, Brando Benifei, Theresa Griffin, Liisa Jaakonsaari, Eider Gardiazabal Rubial, Eric Andrieu, Marlene Mizzi, Isabella De Monte, Hugues Bayet, Biljana Borzan, Victor Negrescu, Emilian Pavel, Flavio Zanonato, Krystyna Łybacka, Nicola Danti, Marc Tarabella, Renato Soru, Maria Grapini, Siôn Simon, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Tibor Szanyi, Javi López, Csaba Molnár, Viorica Dăncilă, Péter Niedermüller, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Jytte Guteland, Olle Ludvigsson, Marita Ulvskog

f'isem il-Grupp S&D

Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Geoffrey Van Orden, Notis Marias, Hans-Olaf Henkel, Valdemar Tomaševski, Angel Dzhambazki, Ruža Tomašić, Jana Žitňanská, Ryszard Czarnecki, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Antoni Legutko

f'isem il-Grupp ECR

Marietje Schaake, Ilhan Kyuchyuk, Frédérique Ries, Marielle de Sarnez, Filiz Hyusmenova, Hilde Vautmans, Martina Dlabajová, Ivo Vajgl, Beatriz Becerra Basterrechea, Ramon Tremosa i Balcells, Gérard Deprez, Jozo Radoš, Petras Auštrevičius, Johannes Cornelis van Baalen, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Ivan Jakovčić, Fredrick Federley, Robert Rochefort, Louis Michel, Pavel Telička, Petr Ježek, Dita Charanzová, Antanas Guoga, Hannu Takkula, Izaskun Bilbao Barandica, Nedzhmi Ali, Nathalie Griesbeck, Urmas Paet, José Inácio Faria, Philippe De Backer

f'isem il-Grupp ALDE

Barbara Lochbihler, Alyn Smith, Davor Škrlec, Karima Delli, Ernest Urtasun, Eva Joly, Bronis Ropė, Bodil Ceballos, Judith Sargentini, Michèle Rivasi

f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Sirja: is-sitwazzjoni f'Palmira u l-każ ta' Mazen Darwish

( 2015/2732(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja, inkluża dik tat-30 ta' April 2015[1],

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Frar 2015 bit-titolu "Elementi għal strateġija reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll it-theddida tad-Da'esh",

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet u r-rapporti mis-Segretarju Ġenerali tan-NU u mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-kunflitt fis-Sirja,

–       wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta dwar is-Sirja, stabbilita mill-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–       wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali adottat fis-17 ta' Lulju 1998, b'mod partikolari l-Artikolu 8(2)(b)(ix) tiegħu, li jiddikjara li l-attakki diretti b'mod intenzjonali kontra monumenti storiċi jikkostitwixxu delitt tal-gwerra,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' April 2015 dwar il-qerda ta' siti kulturali mwettqa mill-ISIS/Da'esh,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jiddikjara li "l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkultivaw il-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-qasam tal-kultura",

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 116/2009 tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar l-esportazzjoni tal-oġġetti kulturali,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni dwar il-ħolqien ta' netwerk informali ta' awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-kompetenza esperta fil-qasam ta' oġġetti kulturali (EU CULTNET) adottata mill-Kunsill fil-laqgħa tiegħu tal-25 u tas-26 ta' Ottubru 2012,

–       wara li kkunsidra t-Tieni Protokoll (1999) tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1954 għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Kulturali fil-Każ ta' Kunflitt Armat,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, tal-21 ta' Lulju 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Palmira; u wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kelliem tar-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton tas-17 ta' Frar 2012 li tikkundanna l-arrest ta' Mazen Darwish, u tal-Istqarrija Lokali tal-UE tat-3 ta' April 2012 dwar id-detenzjoni kontinwa mingħajr kapi ta' akkuża tas-Sur Mazen Darwish u ta' seba' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem oħrajn,

–       wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem adottati f'Ġunju 2004 u aġġornati fl-2008,

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni Nru 2222 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (2015),

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi aktar minn 220 000 persuna, fil-parti l-kbira tagħhom nies ċivili, tilfu ħajjithom sa mill-bidu tal-kunflitt fis-Sirja fl-2011; billi r-reġim ta' Assad, l-IS/Da’esh, al-Nusra u l-partijiet l-oħra involuti fil-kunflitt wettqu ksur massiv u rikorrenti tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali; billi l-parti l-kbira ta' dawn ir-reati s'issa għadhom ma ġewx ikkastigati;

B.     billi r-rikors għat-tortura, l-arresti tal-massa u l-qerda mifruxa ta' żoni popolati eskalaw drammatikament fix-xhur li għaddew; u billi numru kbir ta' Sirjani ġew spustati, fejn uħud minnhom ġew mġiegħla jitbiegħdu aktar mill-assistenza umanitarja li jenħtieġu;

C.     billi l-IS/Da'esh qatlu minn tal-inqas 400 persuna, inkluż nisa u tfal, f'Palmira, sa mill-qbid ta' din il-belt Sirjana antika u, skont l-Osservatorju Sirjan għad-Drittijiet tal-Bniedem, iġġustizzjaw mill-anqas 217-il persuna u żammew taħt arrest 600 persuna oħra, inkluż nisa u tfal fuq akkuża li kellhom kuntatt mal-forzi tar-reġim u li kienu qegħdin jaħbu membri tar-reġim fi djarhom;

D.     billi l-qbid tal-belt ta' Palmira kien segwit b'attakki mill-arju feroċi mill-forzi favur Assad li qatlu għexieren ta' ċittadini u wassal lil ħafna mill-abitanti tal-belt li kien għad fadal biex jaħarbu;

E.     billi wara offensiva ġdida f'April-Mejju 2015 l-IS/Da'esh ħatfu Ramadi fis-17 ta' Mejju u Palmira fil-21 ta' Mejju, li wasslet biex 50 % tat-territorju Sirjan spiċċa taħt il-kontroll tagħhom; billi l-karattru transnazzjonali tal-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku, li għandu riżorsi finanzjarji sinifikanti u madwar 200 000 ġellied skont uħud mis-sorsi, joħloq theddida għar-reġjun usa'; billi eluf ta' persuni barranin, inklużi ċittadini tal-UE, huma stmati li qed jiġġieldu fi ħdan dawn il-gruppi armati; billi l-qawmien tal-IS/Da'esh aggrava l-kriżi umanitarja, partikolarment permezz ta' spostament massivta' nies ċivili;

F.     billi fil-5 ta' Ġunju 2015 il-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU esprimew indinjazzjoni għal-livell għoli ta' vjolenza u għall-attakki kollha kontra n-nies ċivili fis-Sirja u kkundannaw l-attakki terroristiċi mwettqa mill-IS/Da'esh, al-Nusra u minn gruppi terroristiċi oħrajn li joperaw fil-pajjiż,

G.     billi Palmira tinsab bejn Damasku u l-belt tal-Lvant ta' Deir al-Zour u għandha bjar tal-gass u minjieri tal-fosfat importanti fil-viċinanza tagħha; billi l-qbid ta' Palmira kkoinċida mal-ħtif ta' Ramadi, fil-provinċja ta' Anbar tal-Iraq, mill-IS/Da’esh, iżda wkoll, ftit wara t-telfiet territorjali mill-Is/Da'esh madwar Tikrit;

H.     billi Palmira, li hi eqdem minn 2 000 sena, hi sit kulturali importanti u hi nkluża fil-Lista ta' Patrimonju Dinji tal-UNESCO; billi fil-21 ta' Mejju 2015, id-Direttur Ġenerali tal-UNESCO appella għat-tmiem immedjat tal-ostilitajiet fil-belt;

I.      billi Palmira hi simbolu tal-patrimonju kulturali għani tas-Sirja, u għandha fdalijiet monumentali ta' belt kbira, li kienet waħda miċ-ċentri kulturali fost l-iktar importanti tad-dinja antika; billi l-qtil tal-massa mill-IS/Da'esh u l-atti ta' qerda ta' patrimonju arkeoloġiku u kulturali, taħt ċerti ċirkostanzi huma meqjusa bħala reati kontra l-umanità u bħala forma ta' "tindif kulturali", u jikkostitwixxu għal delitt tal-gwerra skont l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali; billi dawn l-attakki sistematiċi fuq il-patrimonju kulturali ġew deskritti bħala "tindif kulturali" mid-Direttur Ġenerali tal-UNESCO, Irina Bokova;

J.      billi l-IS/Da'esh qiegħed jattakka u jeqred il-patrimonju kulturali kemm tal-Iraq u kemm tas-Sirja bħala tattika tal-gwerra għall-firxa tat-terrur u tal-mibegħda; billi, kaġun tal-qbid ta' Palmira mill-IS/Da'esh, il-patrimonju storiku ta' din il-belt jinsab taħt theddida ta' qerda;

K.     billi fl-istrateġija reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq u t-theddida tal-IS/Da'esh, li ġiet adottata mill-Kunsill Affarijiet Barranin fis-16 ta' Marzu 2015, l-UE tikkundanna bil-qawwa kontra l-qerda intenzjonata tal-patrimonju arkeoloġiku u kulturali, u jinnota li tali azzjonijiet jistgħu jikkostitwixxu delitt tal-gwerra skont it-tifsira tal-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI);

L.     billi l-UNESCO u s-sħab l-oħrajn nedew il-Proġett għall-Protezzjoni b'Urġenza tal-Patrimonju Sirjan għal perjodu ta' tliet snin, bil-għan li jiżguraw il-ħarsien b'urġenza tal-patrimonju kulturali;

M.    billi l-kummerċ illeċitu ta' oġġetti kulturali issa huwa t-tielet l-aktar kummerċ illegali sinifikanti, wara d-drogi u l-armi, billi dan il-kummerċ illeċitu huwa ddominat minn netwerks kriminali organizzati, u billi l-mekkaniżmi nazzjonali u internazzjonali attwali la huma mgħammra u lanqas mhuma sostnuti b'mod adegwat biex jittrattaw din il-kwistjoni; billi l-UE ħadet il-passi kollha xierqa skont ir-Riżoluzzjoni Nru 2199 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (2015) biex tipprevjeni l-kummerċ illegali tal-proprjetà kulturali;

N.     billi mill-bidu tal-kunflitt Sirjan f'Marzu 2011, kien hemm ksur mifrux u serju tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-attakki mmirati intenzjonati, id-detenzjoni arbitrarja u l-għajbien ta' ġurnalisti indipendenti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ħaddiema umanitarji u persunal mediku, soġġetti għal theddid, vjolenza, arrest arbitrarju u għajbien fis-Sirja;

O.     billi Mazen Darwish, ġurnalist u attivist Sirjan u President taċ-Ċentru Sirjan għall-Midja u l-Libertà ta' Espressjoni spiċċa miżmum f'ħabs mill-2012, bħal kif ġralhom Hani Al-Zaitani u Hussain Ghrer, għall-ħidma tagħhom fil-ħarsien tal-libertà ta' espressjoni; billi ġie rrapportat li Mazen Darwish kien soġġett għal tortura ħarxa u trattament ħażin u li fis-6 ta' Mejju 2015 ittieħed f'post mhux magħruf; billi Mazen Darwish ingħata l-Premju UNESCO għal-Libertà tal-Istampa 2015, kif ukoll għotja oħra internazzjonali importanti, bħall-Preis der Lutherstädte – "Das unerschrockene Wort" 2015, il-Bruno-Kreisky-Preis für Verdienste um die Menschenrechte 2013, u l-Premju PEN-Pinter 2014; billi l-priġunerija kontinwa ta' Mazen Darwish, Hani Al-Zaitani u Hussain Ghrer hija evidenza ulterjuri tan-natura repressiva tar-reġim ta' Bashar al-Assad fis-Sirja;

P.     billi r-Riżoluzzjoni Nru 67/262 tal-15 ta' Mejju 2013 tal-Assemblea Ġeneral tan-NU talbet li l-awtoritajiet Sirjani jeħilsu b'mod immedjat il-persuni kollha miżmuma arbitrarjament, inklużi l-membri taċ-Ċentru Sirjan għall-Midja u l-Libertà ta' Espressjoni;

Q.     billi fid-19 ta' Frar 2015, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, ħeġġeġ lill-awtoritajiet Sirjani jeħilsu lil dawk kollha miżmuma l-ħabs talli esprimew b'mod paċifiku l-fehmiet tagħhom, inkluż Mazen Darwish;

R.     billi mijiet ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ġew soġġetti għal theddid, vjolenza, arrest arbitrarju u għajbien fis-Sirja; billi dan jinkludi l-avukata tad-drittijiet tal-bniedem u rebbieħa tal-Premju Sakharov tal-2011 Razan Zeitouneh, li nħatfet f'Duma fid-9 ta' Diċembru 2013;

1.      Jikkundanna bil-qawwa l-abbużi sistematiċi u mifruxa orribbli tad-drittijiet tal-bniedem, il-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettaq mir-reġim ta' al-Assad, minn terroristi li jappartjenu għall-IS/Da'esh u gruppi ġiħadisti oħra fis-Sirja, u s-sentenzi u l-akkużi kontra l-attivisti, il-bloggers u l-ġurnalisti politiċi, ċivili u tad-drittijiet tal-bniedem; itenni mill-ġdid il-kundanna assoluta tiegħu tat-tortura, il-bumbardamenti intensifikati u l-użu ta' bumbardamenti mill-ajru, inklużi l-bombi f'forma ta' bittija (barrel bombs), mill-Gvern Sirjan; jesprimi s-solidarjetà qawwija tiegħu mal-vittmi; jibqa' iddispjaċut profondament għal-livell ta' tbatija umana u t-telf ta' ħajja fil-kunflitt tas-Sirja, u huwa mħasseb ħafna dwar id-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni umanitarja u tas-sigurtà fis-Sirja;

2.      Jikkundanna l-qbid ta' Palmira mill-IS/Da'esh fil-21 ta' Mejju 2015 wara attakk li dam għaddej disat ijiem li sewa ħafna ħajjiet u l-fatt li sa issa qatel mill-inqas 217-il persuna fi u madwar il-belt u kompla jwettaq abbużi u atroċitajiet mifruxa fil-"kalifat" li pproklama fiż-żoni li jikkontrolla fis-Sirja u l-Iraq;

3.      Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni fis-sit ta' Palmira u l-eluf ta' residenti minn Palmira ġewwa l-belt, kif ukoll dwar dawk spostati minħabba l-avvanz tal-IS/Da'esh u għan-nisa u t-tfal f'Palmira, fejn innota t-tendenza tal-IS/Da'esh li jaħtfu, jisfruttaw u jabbużaw in-nisa u t-tfal band'oħra, inkluż bl-istupru, l-abbuż sesswali, iż-żwieġ sfurzat u r-reklutaġġ sfurzat tat-tfal;

4.      Iħeġġeġ lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli jagħmlu disponibbli r-riżorsi finanzjarji u umani kollha meħtieġa sabiex jgħinu lir-rifuġjati;

5.      Jilqa' l-impenn li jiġu rduppjati l-isforzi kollettivi biex jingħeleb l-IS/Da'esh meħuda fil-laqgħa ministerjali tal-koalizzjoni internazzjonali kontra l-IS/Da'esh f'Pariġi fit-3 ta' Ġunju; jistieden lill-koalizzjoni żżid l-isforzi biex timplimenta strateġija komuni, multidimensjonali u fit-tul biex iddgħajjef u eventwalment teqred l-IS/Da'esh; jisħaq il-ħtieġa li din l-istrateġija tkun akkumpanjata b'kooperazzjoni msaħħa mal-istati reġjonali kollha u l-atturi mhux statali kommessi għall-ġlieda kontra l-IS/Da'esh;

6.      Jibqa' konvint li la jista' jkun hemm riżoluzzjoni tal-kunflitti effikaċi u lanqas paċi sostenibbli fis-Sirja mingħajr ma tittieħed responsabilità għar-reati mwettqa min-naħat kollha waqt il-kunflitt;

7.      Jirrimarka li soluzzjoni sostenibbli għall-kriżi tas-Sirja tista' tinkiseb biss permezz ta' riżoluzzjoni politika inklużiva bbażata fuq il-Komunikat ta' Ġinevra tat-30 ta' Ġunju 2012 u appoġġjata mill-komunità internazzjonali; jistieden lill-Mibgħut Speċjali tan-NU Staffan de Mistura jaħdem mal-partijiet kollha lejn tranżizzjoni politika ġenwina li tissodisfa l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Sirjan u b'mod indipendenti u demokratiku tippermettilhom jiddeterminaw il-futur tagħhom stess;

8.      Jistieden lill-komunità internazzjonali żżid l-isforzi biex issib soluzzjoni ħalli ttaffi l-kriżi u ttemm il-gwerra fis-Sirja u tleħħen l-appoġġ tagħha għal dawk impenjati jiġġieldu lill-IS/Da'esh fis-Sirja u l-Iraq; jistieden lill-gvernijiet tar-reġjun jaħdmu flimkien, peress li kooperazzjoni mill-qrib dwar kwistjonijiet ta' sigurtà hija l-uniku mezz biex ikun hemm paċi u sigurtà fir-reġjun;

9.      Jistieden lill-komunità internazzjonali tagħmel dak kollu li huwa fis-setgħa tagħha biex tipproteġi l-popolazzjoni ċivili u tħares il-patrimonju kulturali uniku ta' Palmira, u jistieden lill-partijiet kollha għal twaqqif immedjat tal-ostilitajiet f'Palmira u biex jingħata passaġġ sikur liċ-ċivili kollha li qegħdin jaħarbu l-vjolenza;

10.    Jeżiġi l-waqfien immedjat tal-qerda tal-patrimonju kulturali tas-Sirja u l-Iraq, inklużi s-siti u l-oġġetti reliġjużi; jenfasizza li ma jistgħux jiġu tollerati tali atti mwettqa mill-IS/Da'esh jew individwi, gruppi, impriżi u entitajiet oħrajn, u jistieden ukoll għall-preservazzjoni tal-patrimonju kulturali tal-Iraq billi jiġu protetti l-proprjetà u s-siti kulturali u reliġjużi skont id-dritt umanitarju internazzjonali;

11.    Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jagħtu bidu għall-kampanji ta' sensibilizzazzjoni sabiex jiskoraġġixxu x-xiri u l-bejgħ illeċitu ta' oġġetti kulturali miż-żoni ta' kunflitt;

12.    Itenni mill-ġdid il-valur għoli tal-patrimonju kulturali għall-umanità kollha u għaldaqstant jikkunsidra li l-qerda tiegħu ma għandhiex tiġi meqjusa bħala delitt tal-gwerra li ma tistax tiddefendih;

13.    Jissottolinja l-ħtieġa għal sforzi konġunti mill-komunità internazzjonali biex tipprevjeni l-kummerċ illegali fil-proprjetà kulturali u t-traffikar illeċitu tal-artifatti kulturali, li jikkontribwixxu għall-iffinanzjar tal-IS/Da'esh;

14.    Japprova d-dikjarazzjonijiet magħmula mid-Direttur Ġenerali tal-UNESCO u l-miżuri speċjali kollha meħuda min-NU u l-UNESCO bil-ħsieb li tiġi mħarsa Palmira u kwalunkwe sit kulturali u storiku ieħor li jispiċċaw taħt theddida;

15.    Jistieden lis-Segretarju Ġenerali tan-NU jirreferi l-kwistjoni tal-ħarsien tas-siti kulturali kollha taħt theddida minn gruppi terroristiċi, inkluż l-IS/Da'esh, lill-Kunsill tas-Sigurtà, bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' riżoluzzjoni dwar is-suġġett;

16.    Jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jieħdu passi prattiċi, f'kooperazzjoni man-Nazzjonijiet Uniti, biex iħarsu s-siti kulturali, storiċi, reliġjużi u arkeoloġiċi li huma taħt theddida f'Palmira u l-Lvant Nofsani kollu kemm hu;

17.    Jilqa' u jissottolinja l-importanza kritika tax-xogħol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u internazzjonali fid-dokumentazzjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, tal-evidenza ta' delitti tal-gwerra, tad-delitti kontra l-umanità u vjolazzjonijiet oħra; jesprimi l-ammirazzjoni u s-solidarjetà profonda tiegħu għall-attivisti kollha Sirjani li, mingħajr waqfien, ikomplu jimmonitorjaw, jiddokumentaw u jirrapportaw dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż tagħhom mifni bil-gwerra, b'riskju għall-ħajjithom stess;

18.    Huwa mħasseb serjament dwar id-degradazzjoni dejjem sejra għall-agħar tas-sitwazzjoni umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja u jenfasizza l-ħtieġa li tiġi rispettata l-libertà ta' espresssjoni u l-libertà tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem biex iwettqu xogħolhom, f'konformità mal-obbligi internazzjonali tas-Sirja; jirrimarka li kull individwu għandu dritt għal-libertà ta' opinjoni u ta' espressjoni, u li dan huwa dritt tal-bniedem fundamentali; jikkundanna l-vjolazzjonijiet kollha tal-libertajiet tal-istampa u l-atti kollha ta' vjolenza kontra ġurnalisti fis-Sirja;

19.    Jistieden lill-awtoritajiet Sirjani biex b'mod immedjat u inkondizzjonalment jeħilsu u jwaqqgħu l-akkużi kollha kontra Marzan Darwish u dawk kollha arrestati, ikkundannati u/jew li ngħataw sentenza biex b'mod paċifiku jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-liberta ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni, kif ukoll id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti tad-drittijiet politiċi kollha arbitrarjament imċaħħda mil-libertà tagħhom abbażi tal-attivitajiet tagħhom relatati mad-drittijiet tal-bniedem;

20.    Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sirjani jiddivulgaw/jiżvelaw b'mod immedjat x'sar minnhom u fejn qegħdin it-tliet irġiel u jiżguraw li huma mħarsa minn tortura u trattament ħażin, jiġi permess lilhom kuntatt immedjat mal-familji u l-avukati tagħhom, u provduti b'kull attenzjoni medika li jeħtieġu;

21.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jirratifikaw il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat bħala kwistjoni ta' prijorità; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Istati Membri jippromwovu ratifikazzjoni universali u l-implimentazzjoni ta' dan l-istrument ewlieni tad-drittijiet tal-bniedem u biex jappoġġjaw il-ħidma tal-Kumitat tan-NU dwar l-Għajbien Sfurzat, stabbilit taħt din il-Konvenzjoni;

22.    Jagħti istruzzjonijiet lil-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Mibgħut Speċjali tan-NU u tal-Lega Għarbija għas-Sirja, u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fis-Sirja.

 

[1] Testi Adottati, P8_TA(2015)0187