Dokument ta' sessjoni
8.7.2015 B8‑0716/2015 }
B8‑0722/2015 } RC1
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
Verts/ALDE ( B8‑0716/2015 )
ECR ( B8‑0717/2015 )
ALDE ( B8‑0718/2015 )
S&D ( B8‑0719/2015 )
PPE ( B8‑0722/2015 )
dwar il-Kommemorazzjoni ta’ Srebrenica
( 2015/2747(RSP) )
Cristian Dan Preda, Andrej Plenković, Eduard Kukan, Davor Ivo Stier, Dubravka Šuica, Ivana Maletić, Marijana Petir
f'isem il-Grupp PPE
Gianni Pittella, Tanja Fajon, Knut Fleckenstein, Victor Boştinaru, Josef Weidenholzer, Richard Howitt, Afzal Khan, Neena Gill, Daniele Viotti, Enrico Gasbarra, Hugues Bayet, Marlene Mizzi, Brando Benifei, Jeppe Kofod, Flavio Zanonato, Tibor Szanyi, Theresa Griffin, Liisa Jaakonsaari, Maria Grapini, Tonino Picula, Ana Gomes, Pier Antonio Panzeri, Elena Valenciano, Julie Ward, José Blanco López, Miriam Dalli, Doru-Claudian Frunzulică, Vilija Blinkevičiūtė, Krystyna Łybacka, Marc Tarabella, Nicola Caputo, Miroslav Poche, Eric Andrieu, Goffredo Maria Bettini, Zigmantas Balčytis, Elena Gentile, Damiano Zoffoli, Simona Bonafè, Alessia Maria Mosca, Momchil Nekov, Vincent Peillon, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Claudia Tapardel, Patrizia Toia, Victor Negrescu, Carlos Zorrinho, Biljana Borzan, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Kashetu Kyenge, Andi Cristea, Demetris Papadakis
f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki, Anna Elżbieta Fotyga, Tomasz Piotr Poręba, Zdzisław Krasnodębski
f'isem il-Grupp ECR
Ivan Jakovčić, Jozo Radoš, Nedzhmi Ali, Petras Auštrevičius, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Marielle de Sarnez, Juan Carlos Girauta Vidal, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Fernando Maura Barandiarán, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Marietje Schaake, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl
f'isem il-Grupp ALDE
Igor Šoltes
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Daniela Aiuto, Eleonora Evi
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Kommemorazzjoni ta' Srebrenica
( 2015/2747(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-7 ta’ Lulju 2005[1] u tal-15 ta’ Jannar 2009[2] dwar Srebrenica,
– wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li jirrikonoxxi d-dritt ta’ kulħadd għall-ħajja, il-libertà u s-sigurtà tal-persuna u għal-libertà tal-ħsieb, il-kuxjenza u r-reliġjon,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, iffirmat fil-Lussemburgu fis-16 ta’ Ġunju 2008 u li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2015;
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 827 tal-25 ta' Mejju 1993, 1551 tal-9 ta' Lulju 2004, u 1575 tat-22 ta' Novembru 2004 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-11 ta’ Lulju 2015 jimmarka l-20 anniversarju mill-att ta’ ġenoċidju u tindif etniku li seħħ f’Srebrenica u madwarha tul il-Gwerra tal-Bożnija, li għandu jservi bħala tfakkira mġedda tal-perikoli ta’ forom estremi ta’ nazzjonaliżmu u intolleranza fis-soċjetà, li jkomplu jiġu aggravati fil-qafas ta’ gwerra;
B. billi, fil-11 ta’ Lulju 1995, il-belt ta’ Srebrenica fil-Bożnija, li kienet ġiet iddikjarata żona sikura mir-Riżoluzzjoni 819 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tas-16 ta’ April 1993, waqgħet f'idejn il-forzi Bożnijaċi-Serbi mmexxija mill-Ġeneral Ratko Mladić, li aġixxa taħt l-awtorità tal-ex President tar-Repubblika Srpska, Radovan Karadžić;
C. billi, matul bosta ġranet ta' massakru wara l-waqgħa ta' Srebrenica, aktar minn 8 000 raġel u tifel Musulman, li kienu fittxew rifuġju f'din iż-żona taħt il-protezzjoni tal-Forza ta' Protezzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (UNPROFOR), inqatlu sommarjament minn forzi Bożnijaċi-Serbi mmexxija mill-Ġeneral Mladić u minn unitajiet paramilitari, inklużi unitajiet tal-pulizija irregolari; billi kważi 30 000 mara, tifel u tifla u anzjan tkeċċew bil-forza f'kampanja ta' tindif etniku fuq skala enormi, u għalhekk din il-ġrajja tirrappreżenta l-akbar delitt tal-gwerra li seħħ fl-Ewropa minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija;
D. billi l-avvenimenti traġiċi ta’ Srebrenica ħallew feriti emozzjonali profondi fuq dawk li baqgħu ħajjin u ħolqu ostakli permanenti għar-rikonċiljazzjoni politika fost il-gruppi etniċi fil-Bożnija-Ħerzegovina (BiH);
E. billi l-massakru ta’ Srebrenica ġie rikonoxxut bħala ġenoċidju kemm mit-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li qabel kienet il-Jugoslavja (ICTY) f’Sentenza tal-Appell, Prosekutur vs Radislav Krstić, Kawża Nru.: IT-99-33 tad-19 ta’ April 2004, u l-qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja fil-Kawża li tikkonċerna l-Applikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Pieni tad-Delitt tal-Ġenoċidju (Bożnija-Ħerzegovina vs Serbja u Montenegro) tas-27 ta’ Frar 2007, p. 127, §297 (ICJ);
F. billi l-vjolazzjonijiet multipli tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra twettqu mill-forzi Bożnijaċi-Serbi kontra l-popolazzjoni ċivili ta’ Srebrenica, inklużi d-deportazzjonijiet ta’ eluf ta’ nisa, tfal u anzjani u l-istupru ta’ għadd kbir ta’ nisa,
G. billi, minkejja l-isforzi li saru biex jinstabu u jiġu eżumati oqbra individwali u tal-massa, l-iġsma ta' kważi 1 200 raġel u tifel minn Srebrenica għadhom ma nstabux u ma ġewx identifikati;
H. billi fl-1999 is-Segretarju Ġenerali tan-NU fir-rapport tiegħu dwar il-waqgħa ta' Srebrenica ddikjara li n-NU fallew fl-implimentazzjoni tal-mandat tagħhom fir-rigward tal-protezzjoni tal-hekk imsejħa “żoni sikuri” u għaldaqstant jaqsmu wkoll ir-responsabilità;
I. billi l-UE hija mibnija fuq koeżistenza paċifika u kooperazzjoni b’impenn bejn il-membri tagħha; billi waħda mill-motivazzjonijiet ewlenin tagħha għall-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea hija r-rieda li tipprevjeni r-rikorrenza ta’ gwerer u delitti kontra l-liġi umanitarja internazzjonali fl-Ewropa;
J. billi, fit-30 ta' Jannar 2015 l-ICTY ikkonferma s-sentenzi ta' ħames uffiċjali għoljin tal-armata Bożnijaka-Serba li nstabu ħatja tal-involviment tagħhom fil-ġenoċidju ta' Srebrenica tal-1995; billi wħud mill-uffiċjali li nstabu ħatja rrappurtaw direttament lill-ex mexxej tal-armata Bożnijaka-Serba Ratko Mladić, li attwalment għaddej proċess kontrih fl-ICTY għal delitti li jinkludu l-ġenoċidju;
1. Ifakkar u jonora l-vittmi kollha tal-ġenoċidju ta' Srebrenica u tal-atroċitajiet imwettqa matul il-gwerer fl-ex Jugoslavja; jesprimi l-kondoljanzi u s-solidarjetà tiegħu mal-familji tal-vittmi, li ħafna minnhom qed jgħixu mingħajr konferma finali tad-destin li kellhom qrabathom;
2. Jikkundanna bil-mod l-aktar qawwi possibbli l-ġenoċidju f’Srebrenica; jiddikjara solennement li tali delitti orrendi ma għandhom qatt jerġgħu jseħħu u jiddikjara li jagħmel kull ma huwa fil-poter tiegħu biex jipprevjeni li tali atti jerġgħu jseħħu; jirrifjuta bil-qawwa kull ċaħda, relativizzazzjoni jew miżinterpretazzjoni tal-ġenoċidju;
3. Jenfasizza l-ħtieġa li r-rappreżentanti politiċi fil-Bożnija u l-Ħerzegovina jirrikonoxxu l-passat sabiex jaħdmu flimkien b’suċċess lejn futur aħjar għaċ-ċittadini kollha tal-pajjiż; jenfasizza r-rwol importanti li l-pajjiżi ġirien, l-awtoritajiet reliġjużi, is-soċjetà ċivili, l-arti, il-kultura, il-midja u s-sistemi edukattivi jistgħu jaqdu f’dan il-proċess diffiċli;
4. Jissottolinja l-importanza tal-ħidma magħmula mill-ICTY u l-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex il-proċessi u l-appelli jiġu aċċelerati u jintemmu mingħajr dewmien żejjed; itenni li għandha tingħata attenzjoni akbar lill-proċessi dwar delitti tal-gwerra fil-livell domestiku;
5. Itenni l-impenn tal-UE lejn il-perspettiva Ewropea u t-tkomplija tal-proċedura ta’ adeżjoni tal-BiH u tal-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent; jemmen li l-kooperazzjoni reġjonali u l-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea huma l-aħjar mod biex tiġi promossa r-rikonċiljazzjoni u biex jingħelbu l-mibegħda u d-diviżjonijiet;
6. Iħeġġeġ l-iżvilupp ta’ programmi edukattivi u kulturali li jippromwovu komprensjoni tal-kawżi ta’ tali atroċitajiet u jqajmu kuxjenza dwar il-ħtieġa li titrawwem il-paċi u jiġu promossi d-drittijiet tal-bniedem u t-tolleranza fost ir-reliġjonijiet; jesprimi l-appoġġ tiegħu għal organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħall-Assoċjazzjoni tal-Ommijiet ta' Srebrenica u l-enklavi ta' Žepa minħabba fir-rwol ċentrali tagħhom biex iżidu s-sensibilizzazzjoni u jibnu bażi usa' għar-rikonċiljazzjoni fost iċ-ċittadini kollha tal-pajjiż;
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bożnija-Ħerzegovina u lill-entitajiet tiegħu, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.