Dokument ta' sessjoni

 

   B8-0175/2016 }

   B8-0176/2016 }

   B8-0185/2016 }

   B8-0187/2016 }

   B8-0189/2016 }

   B8-0193/2016 } RC1

 

3.2.2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

Verts/ALE ( B8-0175/2016 )

EFDD ( B8-0176/2016 )

S&D ( B8-0185/2016 )

PPE ( B8-0187/2016 )

ECR ( B8-0189/2016 )

ALDE ( B8-0193/2016 )

dwar il-każ tal-pubblikaturi tal-kotba neqsin f'Hong Kong

( 2016/2558(RSP) )

Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Tunne Kelam, Davor Ivo Stier, Andrej Plenković, David McAllister, Patricija Šulin, Lorenzo Cesa, Andrey Kovatchev, Jarosław Wałęsa, Milan Zver, Lara Comi, Bogdan Brunon Wenta, Michaela Šojdrová, Eva Paunova, Jaromír Štětina, Giovanni La Via, Ildikó Gáll-Pelcz, Marijana Petir, Ivan Štefanec, József Nagy, Sven Schulze, Pavel Svoboda, Luděk Niedermayer, Tomáš Zdechovský, László Tőkés, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Stanislav Polčák, Ivana Maletić, Csaba Sógor, Adam Szejnfeld, Dubravka Šuica, Romana Tomc, Therese Comodini Cachia, Joachim Zeller

f'isem il-Grupp PPE

Jo Leinen, Pier Antonio Panzeri, Knut Fleckenstein, Nikos Androulakis, Zigmantas Balčytis, Hugues Bayet, Brando Benifei, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Biljana Borzan, Nicola Caputo, Isabella De Monte, Doru-Claudian Frunzulică, Eider Gardiazabal Rubial, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Neena Gill, Ana Gomes, Maria Grapini, Sylvie Guillaume, Richard Howitt, Cătălin Sorin Ivan, Liisa Jaakonsaari, Jeppe Kofod, Arne Lietz, Javi López, Krystyna Łybacka, Costas Mavrides, Sorin Moisă, Victor Negrescu, Momchil Nekov, Demetris Papadakis, Emilian Pavel, Vincent Peillon, Pina Picierno, Miroslav Poche, Liliana Rodrigues, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Daciana Octavia Sârbu, Monika Smolková, Tibor Szanyi, Marc Tarabella, Elena Valenciano, Josef Weidenholzer, Carlos Zorrinho

f'isem il-Grupp S&D

Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Bas Belder, Zdzisław Krasnodębski, Beatrix von Storch, Monica Macovei, Jana Žitňanská, Angel Dzhambazki, Arne Gericke, Roberts Zīle

f'isem il-Grupp ECR

José Inácio Faria, Izaskun Bilbao Barandica, Marielle de Sarnez, Ilhan Kyuchyuk, Ramon Tremosa i Balcells, Beatriz Becerra Basterrechea, Pavel Telička, Nedzhmi Ali, Petras Auštrevičius, Dita Charanzová, Martina Dlabajová, Fredrick Federley, Nathalie Griesbeck, Antanas Guoga, Marian Harkin, Filiz Hyusmenova, Ivan Jakovčić, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Marietje Schaake, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Paavo Väyrynen, Valentinas Mazuronis

f'isem il-Grupp ALDE

Reinhard Bütikofer, Helga Trüpel, Barbara Lochbihler, Ernest Urtasun, Bronis Ropė, Davor Škrlec, Igor Šoltes, Heidi Hautala

f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Eleonora Evi, Marco Valli

f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-każ tal-pubblikaturi tal-kotba neqsin f'Hong Kong

( 2016/2558(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iċ-Ċina, b'mod partikolari dawk tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar ir-relazzjonijiet UE-Ċina[1] u tat-13 ta' Marzu 2014 dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-25 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU[2],

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-7 ta' Jannar 2016 tal-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar l-għajbien ta' individwi assoċjati mad-dar ta' pubblikazzjoni Mighty Current f'Hong Kong,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-SEAE tad-29 ta' Jannar 2016 dwar it-tħassib tal-UE rigward is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-2014 tal-Kummissjoni dwar ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong, ippubblikat f'April 2015,

–  wara li kkunsidra l-fatt li r-relazzjonijiet diplomatiċi bejn l-UE u ċ-Ċina ilhom stabbiliti mis-6 ta' Mejju 1975,

–  wara li kkunsidra s-Sħubija Strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina mnedija fl-2003,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda Strateġika għall-Kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina għall-2020 li ntlaħaq qbil dwarha fil-21 ta' Novembru 2013,

–  wara li kkunsidra n-negozjati għal Ftehim ġdid ta' Sħubija u Kooperazzjoni li ġew sospiżi,

–  wara li kkunsidra l-adozzjoni tal-liġi l-ġdida dwar is-sigurtà nazzjonali mill-Kumitat Permanenti tal-Kungress Popolari Nazzjonali Ċiniż fl-1 ta' Lulju 2015, kif ukoll il-pubblikazzjoni tat-tieni abbozz ta' liġi ġdida dwar il-Ġestjoni tal-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi Barranin fil-5 ta' Mejju 2015,

–  wara li kkunsidra d-djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina rigward id-drittijiet tal-bniedem, imniedi fl-1995, u l-34 sessjoni li ġiet organizzata f'Beijing fit-30 ta' Novembru u l-1 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet konklużivi tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tielet rapport perjodiku ta' Hong Kong, iċ-Ċina, adottat mill-Kumitat fil-107 sessjoni tiegħu (11-28 ta' Marzu 2013),

–  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet konklużivi tal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura dwar il-ħames rapport perjodiku taċ-Ċina, adottati fl-1391 u l-1392 laqgħa tiegħu, li saru fit-2 u t-3 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Liġi Bażika tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (minn hawn 'il quddiem "il-Liġi Bażika"), b'mod partikolari l-artikoli dwar il-libertajiet personali u l-libertà tal-istampa, kif ukoll l-Ordinanza dwar id-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet ta' Hong Kong,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, f'dawn l-aħħar erba' xhur, ħames bejjiegħa tal-kotba (Lui Bo, Gui Minhai, Zhang Zhiping, Lin Rongji u Lee Po), erbgħa minnhom residenti f'Hong Kong u l-ieħor mhuwiex, assoċjati mad-dar ta' pubblikazzjoni Mighty Current u l-ħanut tal-kotba tagħha, minn fejn jinbiegħu xogħlijiet letterarji li jikkritikaw lil Beijing, għebu taħt ċirkostanzi misterjużi; billi tnejn minnhom huma ċittadini tal-UE – Gui Minhai, ċittadin Żvediż, u Lee Po, ċittadin Brittaniku; billi f'Jannar 2016 waslet konferma li ż-żewġ ċittadini tal-UE kienu fiċ-Ċina kontinentali, u billi hemm suspetti li anke t-tlieta l-oħra qegħdin hemmhekk; billi Lee Po temporanjament ingħaqad mill-ġdid ma' martu fit-23 ta' Jannar 2016 f'post mhux żvelat fiċ-Ċina kontinentali; billi n-nuqqas kontinwu ta' informazzjoni dwar il-benessri tagħhom u dwar fejn jinsabu huwa estremament inkwetanti;

B.  billi saru allegazzjonijiet konvinċenti mill-midja, u ntwera tħassib min-naħa tal-leġiżlaturi, l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u għadd ta' ċivili, li l-ħames bejjiegħa tal-kotba nħatfu mill-awtoritajiet taċ-Ċina kontinentali; billi, b'mod partikolari, Lee Po nħataf minn Hong Kong u Gui Minhai għeb minn daru fit-Tajlandja;

C.  billi, fl-10 ta' Jannar 2016, eluf ta' dimostranti nġabru fit-toroq f'Hong Kong biex jitolbu li l-gvern tal-belt jieħu azzjoni biex jispjega l-għajbien tal-ħames bejjiegħa tal-kotba; billi l-għajbien ta' dawn il-persuni jsegwi sensiela ta' attakki vjolenti fl-2013 u fl-2014 kontra l-ġurnalisti ta' Hong Kong li jikkritikaw lil Beijing;

D.  billi Hong Kong jiddefendi u jipproteġi l-libertajiet tal-kelma, ta' espressjoni u tal-pubblikazzjoni; billi l-pubblikazzjoni ta' kwalunkwe materjal li jikkritika lill-mexxejja Ċiniżi hija legali f'Hong Kong, għalkemm hija pprojbita fiċ-Ċina kontinentali; billi l-prinċipju ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi" jiggarantixxi l-awtonomija ta' Hong Kong minn Beijing fir-rigward tal-libertajiet li huma minquxa fl-Artikolu 27 tal-Liġi Bażika;

E.  billi ġew ippubblikati rivelazzjonijiet li 14-il pubblikatur u 21 pubblikazzjoni f'Hong Kong ġew identifikati bħala objettivi f'dokument intern tal-Partit Komunista ta' April 2015, fejn ġiet żvelata strateġija għall-"esterminazzjoni" tal-kotba pprojbiti f'Hong Kong u l-Macao minn fejn oriġinaw; billi l-biża' ta' ritaljazzjonijiet wassal biex xi bejjiegħa tal-kotba f'Hong Kong neħħew il-kotba li jikkritikaw liċ-Ċina mill-ixkafef tagħhom;

F.  billi l-gvern taċ-Ċina kontinentali jirrestrinġi u jikkriminalizza b'mod strett il-libertà tal-espressjoni, partikolarment permezz taċ-ċensura; billi s-sistema ta' sorveljanza tal-internet ("il-Great Firewall") taċ-Ċina tippermetti lill-gvern jiċċensura kwalunkwe informazzjoni li hija politikament inaċċettabbli; billi ċ-Ċina għandha restrizzjonijiet rigorużi fuq il-libertà tal-espressjoni, u l-popolarità ta' kotba li jikkritikaw liċ-Ċina mal-qarrejja fiċ-Ċina kontinentali hija meqjusa ta' theddida għall-istabbiltà soċjali;

G.  billi fis-17 ta' Jannar 2016 Gui Minhai ħareġ stqarrija għall-istampa fiċ-Ċina kontinentali, fejn stqarr li huwa vvjaġġa fuq bażi volontarja lejn iċ-Ċina kontinentali u ammetta, f'dak li jidher li hija konfessjoni furzata, akkuża preċedenti ta' sewqan taħt l-effett tal-alkoħol;

H.  billi kemm l-awtoritajiet Żvediżi u kemm dawk Brittaniċi talbu l-appoġġ sħiħ tal-awtoritajiet Ċiniżi biex jitħarsu d-drittijiet taż-żewġ ċittadini tagħhom kif ukoll tal-individwi l-oħra li "għebu";

I.  billi l-Kumitat tan-NU kontra t-Tortura rrapporta t-tħassib serju tiegħu dwar ir-rapporti konsistenti minn diversi sorsi dwar il-kontinwazzjoni ta' prattika ta' detenzjoni illegali f'postijiet ta' detenzjoni li la huma rikonoxxuti u lanqas huma uffiċjali, l-hekk imsejħa "ħabsijiet suwed"; billi huwa esprima wkoll it-tħassib serju tiegħu dwar ir-rapporti konsistenti li jindikaw li l-prattika tat-tortura u t-trattament ħażin għadhom integrati sew fis-sistema tal-ġustizzja kriminali, li hija dipendenti ħafna fuq il-konfessjonijiet bħala bażi għall-kundanni;

J.  billi ċ-Ċina uffiċjalment u nominalment aċċettat l-universalità tad-drittijiet tal-bniedem u, f'dawn l-aħħar tletin sena, għażlet li tieħu sehem fil-qafas internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem billi ffirmat firxa wiesgħa ta' trattati f'dan il-qasam, u b'hekk saret parti mill-qafas ġuridiku u istituzzjonali tad-drittijiet tal-bniedem fuq livell internazzjonali;

K.  billi l-Artikolu 27 tal-Liġi Bażika, il-kostituzzjoni de facto ta' Hong Kong, jiggarantixxi "l-libertà tal-kelma, tal-istampa u tal-pubblikazzjoni, il-libertà ta' assoċjazzjoni, tal-għaqda, li wieħed jipparteċipa f'purċissjoni u f'dimostrazzjoni"; billi l-Liġi Bażika, li kienet ġiet innegozjata bejn iċ-Ċina u r-Renju Unit, tiggarantixxi dawn id-drittijiet għal perjodu ta' 50 sena li jintemm fl-2047;

L.  billi s-17-il Summit bejn l-UE u ċ-Ċina, tad-29 ta' Ġunju 2015, għolla r-relazzjonijiet bilaterali fuq livell ġdid, billi fil-qafas strateġiku dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija tagħha l-UE wiegħdet li se tqiegħed id-drittijiet tal-bniedem fiċ-ċentru tar-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi terzi kollha, inklużi s-sħab strateġiċi;

M.  billi l-UE u ċ-Ċina impenjaw ruħhom fi djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem sa mill-1995, u billi ż-żewġ naħat iqisu lid-drittijiet tal-bniedem bħala parti importanti tar-relazzjonijiet bilaterali tagħhom;

N.  billi skont il-21 rapport annwali (Lulju 2014) tal-Hong Kong Journalists Association, l-2014 kienet l-agħar sena għal-libertà tal-istampa f'Hong Kong f'għexieren ta' snin; billi xi ġurnalisti ġew attakkati fiżikament jew sfaw imkeċċija filwaqt li oħrajn li esprimew opinjonijiet kritiċi ġew trasferiti lejn żoni inqas sensittivi;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar in-nuqqas ta' għarfien dwar fejn jinsabu u l-benessri tal-ħames bejjiegħa tal-kotba li jinsabu nieqsa; jappella għall-pubblikazzjoni immedjata ta' informazzjoni dettaljata dwar fejn jinsabu u dwar il-benessri ta' Lee Po u Gui Minhai, u jappella għall-ħelsien immedjat b'mod sikur tagħhom u li huma jingħataw id-dritt li jikkomunikaw; jappella għall-ħelsien immedjat tal-persuni l-oħra kollha li ġew arrestati b'mod arbitrarju talli eżerċitaw id-dritt tagħhom tal-libertà tal-espressjoni u pubblikazzjoni f'Hong Kong, inkluż it-tliet bejjiegħa tal-kotba l-oħra;

2.  Jappella lill-Gvern Ċiniż jirraporta mingħajr dewmien kwalunkwe informazzjoni dwar il-bejjiegħa tal-kotba li jinsabu nieqsa, u jimpenja ruħu fi djalogu u komunikazzjoni immedjati li jkunu inklużivi u trasparenti dwar il-kwistjoni bejn l-awtoritajiet kontinentali u dawk ta' Hong Kong; jinnota bħala żvilupp pożittiv il-komunikazzjoni minn Lee Po u li huwa ngħaqad mill-ġdid ma' martu;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet rilevanti taċ-Ċina, ta' Hong Kong u tat-Tajlandja jinvestigaw u jikkjarifikaw iċ-ċirkostanzi tal-għajbien, skont l-istat tad-dritt, u, sa fejn huwa possibbli, jgħinu biex il-pubblikaturi jirritornaw lejn djarhom mingħajr periklu;

4.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-allegazzjonijiet li l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi taċ-Ċina kontinentali qegħdin joperaw f'Hong Kong; ifakkar li jkun hemm ksur tal-Liġi Bażika jekk l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi taċ-Ċina kontinentali qegħdin joperaw f'Hong Kong; jemmen li dan huwa inkonsistenti mal-prinċipju "pajjiż wieħed, żewġ sistemi"; jistieden liċ-Ċina tirrispetta l-garanziji ta' awtonomija mogħtija lil Hong Kong skont il-Liġi Bażika;

5.  Jikkundanna bil-qawwa l-każijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-arresti arbitrarji, il-konfessjonijiet furzati, id-detenzjoni sigrieta, id-detenzjoni f'iżolament u l-ksur tal-libertà ta' pubblikazzjoni u tal-espressjoni; ifakkar li l-indipendenza tal-edituri, tal-ġurnalisti u tal-bloggers għandha tiġi salvagwardjata; jappella għat-tmiem immedjat tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-intimidazzjoni politika;

6.  Jikkundanna r-restrizzjonijiet u l-kriminalizzazzjoni tal-libertà tal-espressjoni, u jiddeplora l-limitazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-espressjoni; jistieden lill-Gvern Ċiniż itemm is-soppressjoni tal-fluss liberu ta' informazzjoni, inklużi r-restrizzjonijiet fuq l-użu tal-internet;

7.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar l-adozzjoni imminenti tal-abbozz ta' Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi Barranin, peress li fl-istat attwali tagħha se tfixkel drastikament l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili Ċiniża u se trażżan serjament il-libertajiet ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni fil-pajjiż, anke billi l-organizzazzjonijiet mhux governattivi barranin li ma jkunux irreġistrati mal-Ministeru Ċiniż għas-Sigurtà Pubblika u d-dipartimenti tas-sigurtà pubblika provinċjali jiġu pprojbiti milli jiffinanzjaw lil kwalunkwe individwu Ċiniż jew organizzazzjoni Ċiniża, u billi l-gruppi Ċiniżi se jiġu pprojbiti milli jwettqu "attivitajiet" f'isem jew bl-awtorizzazzjoni tal-organizazzjonijiet mhux governattivi barranin li ma jkunux irreġistrati, inklużi dawk ibbażati f'Hong Kong u l-Macao; jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi jirrevedu b'mod sostanzjali dan l-abbozz ta' liġi sabiex iġibuh konformi mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-impenji internazzjonali li ħadet ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina;

8.  Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward l-abbozz ta' liġi ġdida dwar iċ-ċibersigurtà, li għandha tirfed u tistituzzjonalizza l-prattiki ta' ċensura u monitoraġġ fiċ-ċiberspazju, rigward il-liġi dwar is-sigurtà nazzjonali li ġiet adottata u l-abbozz ta' liġi kontra t-terroriżmu; jinnota l-biżgħat tal-avukati riformisti u d-difensuri tad-drittijiet ċivili Ċiniżi li din il-liġi se tkompli trażżan il-libertà tal-espressjoni u li l-awtoċensura se tikber;

9.  Jemmen li relazzjonijiet b'saħħithom u kontinwi bejn l-UE u ċ-Ċina għandhom jipprovdu pjattaforma effikaċi għal djalogu matur, sinifikanti u miftuħ dwar id-drittijiet tal-bniedem ibbażat fuq ir-rispett reċiproku;

10.  Jissottolinja l-impenn tal-Unjoni Ewropea għat-tisħiħ tad-demokrazija, inkluż l-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, it-trasparenza, u l-libertà ta' informazzjoni u tal-espressjoni f'Hong Kong;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u lill-Kap Eżekuttiv u l-Assemblea tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong.

 

 

[1] Testi adottati, P8_TA(2015)0458 .
[2] Testi adottati, P7_TA(2014)0252 .