Dokument ta' sessjoni
B8-0378/2016 } RC1
9.3.2016
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
Verts/ALE ( B8-0338/2016 )
ECR ( B8-0346/2016 )
EFDD ( B8-0347/2016 )
PPE ( B8-0371/2016 )
ALDE ( B8-0376/2016 )
GUE/NGL ( B8-0377/2016 )
S&D ( B8-0378/2016 )
dwar l-Eġittu, b'mod partikolari l-każ ta' Giulio Regeni
( 2016/2608(RSP) )
Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Tomáš Zdechovský, Antonio Tajani, Tunne Kelam, Davor Ivo Stier, Andrej Plenković, Roberta Metsola, Eva Paunova, Bogdan Brunon Wenta, Andrey Kovatchev, Lorenzo Cesa, Claude Rolin, Patricija Šulin, Milan Zver, Mariya Gabriel, Giovanni La Via, Dubravka Šuica, Ivan Štefanec, Jaromír Štětina, Pavel Svoboda, Ramona Nicole Mănescu, Thomas Mann, Elisabetta Gardini, Lara Comi, Stanislav Polčák, Ivana Maletić, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Michaela Šojdrová, Massimiliano Salini, Romana Tomc, Sven Schulze, David McAllister, Csaba Sógor, Luděk Niedermayer, Anna Záborská, Joachim Zeller, Adam Szejnfeld, Jiří Pospíšil, Marijana Petir, Barbara Matera, Salvatore Cicu, Therese Comodini Cachia, László Tőkés, József Nagy, Krzysztof Hetman
f'isem il-Grupp PPE
Pier Antonio Panzeri, Victor Boştinaru, Richard Howitt, Maria Arena, Hugues Bayet, Brando Benifei, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Simona Bonafè, Biljana Borzan, Soledad Cabezón Ruiz, Nicola Caputo, Silvia Costa, Andrea Cozzolino, Andi Cristea, Miriam Dalli, Nicola Danti, Isabella De Monte, Doru-Claudian Frunzulică, Enrico Gasbarra, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Neena Gill, Michela Giuffrida, Ana Gomes, Maria Grapini, Sylvie Guillaume, Cătălin Sorin Ivan, Liisa Jaakonsaari, Afzal Khan, Jeppe Kofod, Kashetu Kyenge, Marju Lauristin, Krystyna Łybacka, Marlene Mizzi, Sorin Moisă, Victor Negrescu, Momchil Nekov, Norbert Neuser, Demetris Papadakis, Emilian Pavel, Vincent Peillon, Pina Picierno, Tonino Picula, Kati Piri, Miroslav Poche, Liliana Rodrigues, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Monika Smolková, Tibor Szanyi, Marc Tarabella, Patrizia Toia, Elena Valenciano, Julie Ward, Josef Weidenholzer, Flavio Zanonato, Damiano Zoffoli
f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Ruža Tomašić, Angel Dzhambazki, Branislav Škripek, Monica Macovei, Jana Žitňanská, Raffaele Fitto
f'isem il-Grupp ECR
Marietje Schaake, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Marielle de Sarnez, Martina Dlabajová, Fredrick Federley, María Teresa Giménez Barbat, Charles Goerens, Nathalie Griesbeck, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Kaja Kallas, Ilhan Kyuchyuk, Valentinas Mazuronis, Louis Michel, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Hannu Takkula, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Paavo Väyrynen, Cecilia Wikström
f'isem il-Grupp ALDE
Barbara Spinelli, Eleonora Forenza, Curzio Maltese, Marie-Christine Vergiat, Lynn Boylan, Josu Juaristi Abaunz, Stelios Kouloglou, Lola Sánchez Caldentey, Miguel Urbán Crespo, Tania González Peñas, Xabier Benito Ziluaga, Estefanía Torres Martínez
f'isem il-Grupp GUE/NGL
Judith Sargentini, Klaus Buchner, Barbara Lochbihler, Bronis Ropė, Ernest Urtasun, Igor Šoltes, Heidi Hautala, Davor Škrlec, Michèle Rivasi
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Piernicola Pedicini, Eleonora Evi, Rolandas Paksas
f'isem il-Grupp EFDD
European Parliament resolution on Egypt, notably the case of Giulio Regeni
( 2016/2608(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Eġittu, b'mod partikolari dawk tal-15 ta' Diċembru[1] u tal-15 ta' Jannar 2015[2],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin (KAB) tal-Unjoni Ewropea dwar l-Eġittu tal-21 ta' Awwissu 2013 u tal-10 ta' Frar 2014,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Eġittu,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt, dwar it-Tortura, dwar il-Libertà ta' Espressjoni u dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra t-tweġiba tas-27 ta' Ottubru 2015 mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) għall-Mistoqsija bil-Miktub E-010476/2015 dwar appoġġ militari mill-UE u l-Istati Membri lill-Eġittu,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Eġittu, u b'mod partikolari l-Artikoli 52 (dwar it-tortura) u 93 (dwar in-natura vinkolanti tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem) tagħha,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura, li l-Eġittu hija stat parti tagħhom,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Eġizzjana għad-Drittijiet u l-Libertajiet, li rrapportat l-għajbien ta' 1 700 persuna mwettqa mill-forzi tas-sigurtà tal-istat fl-2015,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, skont l-informazzjoni disponibbli, Giulio Regeni, student Taljan ta' 28 sena li kien qiegħed jistudja għal dottorat fl-Università ta' Cambridge, għeb fil-25 ta' Jannar 2016 wara li ħareġ minn daru fil-Kajr; billi l-katavru tiegħu nstab fit-3 ta' Frar maġenb triq fil-periferija tal-Kajr;
B. billi l-awtoritajiet Eġizzjani ordnaw awtopsja qabel ir-ripatrijazzjoni tal-katavru tiegħu fl-Italja, fejn l-investigaturi Taljani għamlu awtopsja min-naħa tagħhom; billi r-riżultati għad iridu jsiru pubbliċi; billi l-awtoritajiet Eġizzjani affermaw li ma għandhom xejn x'jaħbu rigward dan il-qtil, li huma ugwalment interessati li tiġi stabbilita l-verità u li huma lesti li jikkooperaw bis-sħiħ mal-kontropartijiet Taljani tagħhom fl-investigazzjoni li għaddejja;
C. billi, skont ir-rapporti tal-midja u l-Ambaxxatur Taljan fil-Kajr, instab li l-katavru tas-Sur Regeni kien ġarrab swat gravi u bosta forom ta' tortura; billi l-Ministru għall-Intern Taljan qal li l-katavru wera sinjali ta' "xi ħaġa inumana, annimaleska, vjolenza inaċċettabbli";
D. billi s-Sur Regeni kien qed jagħmel riċerka fil-Kajr dwar l-iżvilupp ta' trade unions indipendenti fl-Eġittu ta' wara Mubarak u ta' wara Morsi, u kien f'kuntatt ma' avversarji tal-gvern;
E. billi l-każ ta' Giulio Regeni jsegwi lista twila ta' każijiet ta' għajbien furzat li seħħew fl-Eġittu minn Lulju 2013 'il hawn; billi dawn il-każijiet ta' għajbien jibqgħu għaddejjin b'impunità;
F. billi l-Gvern attwali tal-Eġittu mexxa kampanja fuq skala kbira ta' detenzjoni arbitrarja ta' kritiċi tal-gvern, inklużi ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u membri ta' movimenti politiċi u soċjali; billi skont l-awtoritajiet Eġizzjani, minn Lulju 2013, ġew detenuti 'l fuq minn 22 000 persuna;
G. billi ċ-Ċentru El Nadeem għall-Ġestjoni u r-Riabilitazzjoni tal-Vittmi ta' Vjolenza qiegħed f'riskju li jingħalaq mill-awtoritajiet bħala riżultat ta' akkużi foloz relatati ma' ksur ta' regoli tas-saħħa; billi r-rwol taċ-ċentru kien essenzjali għat-trattament ta' vittmi ta' vjolenza u tortura, u kien kruċjali għall-għoti ta' informazzjoni dwar tortura, qtil u l-agħar abbużi waqt detenzjoni;
H. billi l-Eġittu ilu sieħeb strateġiku tal-Unjoni Ewropea għal żmien twil; billi l-livell ta' impenn tal-UE fil-konfront tal-Eġittu għandu jkun ibbażat fuq inċentivi, skont il-prinċipju "aktar għal aktar" tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, u għandu jiddependi fuq il-progress fir-riforma tal-istituzzjonijiet demokratiċi u fir-rigward tal-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; billi fil-21 ta' Awwissu 2013 il-Kunsill Affarijiet Barranin (KAB) tal-UE inkariga lill-VP/RGħ biex teżamina mill-ġdid l-assistenza tal-UE lill-Eġittu; billi l-KAB iddeċieda li l-kooperazzjoni tal-UE mal-Eġittu għandha tkun aġġustata mill-ġdid skont l-iżviluppi fil-post;
I. billi l-konklużjonijiet tal-KAB tal-21 ta' Awwissu 2013 iddikjaraw li l-Istati Membri qablu wkoll li jissospendu l-liċenzji tal-esportazzjoni lejn l-Eġittu ta' kwalunkwe tagħmir li jista' jintuża għar-ripressjoni interna u li jerġgħu jivvalutaw il-liċenzji tal-esportazzjoni ta' tagħmir koperti mill-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK u jeżaminaw mill-ġdid l-assistenza ta' sigurtà tagħhom mal-Eġittu; billi l-KAB tenna dawn il-konklużjonijiet fi Frar 2014; billi l-VP/RGħ fit-tweġiba tagħha tas-27 ta' Ottubru 2015 għall-Mistoqsija bil-Miktub E-010476/2015 ikkonfermat li dawn il-konklużjonijiet kienu jikkostitwixxu "impenn politiku kontra kwalunkwe appoġġ militari lill-Eġittu";
J. billi l-Kostituzzjoni tal-Eġittu adottata fl-2014 tħaddan id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali;
K. billi l-Eġittu jiffaċċja terroriżmu minn bosta organizzazzjonijiet ġiħadisti li huma attivi fl-Eġittu, b'mod partikolari fis-Sinaj, u li għandhom rabtiet mal-Istat Iżlamiku u organizzazzjonijiet terroristiċi oħra attivi fil-kriżi Libjana; billi l-kunflitt li għaddej fil-Libja għandu impatt dirett fuq is-sigurtà tal-Eġittu; billi l-kriżi li għaddejja bħalissa hija ta' tħassib serju għall-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari għall-Italja;
1. Jikkundanna bil-qawwa t-tortura u l-qtil f'ċirkostanzi suspettużi taċ-ċittadin tal-UE Giulio Regeni, u jesprimi s-solidarjetà profonda u l-kondoljanzi tiegħu lill-familja;
2. Jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jipprovdu lill-awtoritajiet Taljani d-dokumenti u l-informazzjoni meħtieġa kollha biex issir possibbli investigazzjoni konġunta rapida, trasparenti u imparzjali tal-każ tas-Sur Regeni f'konformità mal-obbligi internazzjonali, u biex isir kull sforz ħalli l-awturi tad-delitt jitressqu quddiem il-ġustizzja malajr kemm jista' jkun;
3. Jissottolinja bi tħassib serju li l-każ ta' Giulio Regeni mhuwiex inċident iżolat, iżda li seħħ f'kuntest ta' tortura, mewt taħt arrest u każijiet ta' għajbien furzat madwar l-Eġittu f'dawn l-aħħar snin, bi ksur ċar tal-Artikolu 2 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Eġittu, li jiddikjara li r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Eġittu huma msejsa fuq ir-rispett tal-prinċipji demokratiċi u tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem kif stabbiliti fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, li huwa element essenzjali tal-ftehim; jistieden, għaldaqstant, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri biex iqajmu mal-awtoritajiet Eġizzjani, il-kwistjoni tal-prattiki ta' għajbien furzat u ta' tortura li jseħħu b'mod regolari u biex jagħmlu pressjoni għal riforma effettiva fuq l-amministrazzjoni tas-sigurtà u fuq il-ġudikatura tal-Eġittu;
4. Jinsab imħasseb ħafna dwar it-theddida imminenti tal-għeluq furzat taċ-Ċentru El Nadeem għall-Ġestjoni u r-Riabilitazzjoni tal-Vittmi ta' Vjolenza u Tortura; jitlob l-irtirar rapidu tal-ordni għall-għeluq amministrattiv tiegħu;
5. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-intimidazzjoni kontinwa tal-Kummissjoni Eġizzjana għad-Drittijiet u l-Libertajiet minħabba r-rwol apparenti tagħha fil-kampanja "Waqqfu l-Għajbien Furzat" fl-Eġittu;
6. Ifakkar lill-awtoritajiet Eġizzjani fl-obbligi nazzjonali u internazzjonali tagħhom, u jistedinhom jagħtu prijorità lill-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u jiżguraw responsabilità għall-ksur ta' dawn id-drittijiet; jitlob mill-ġdid ir-rilaxx immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-persuni kollha li jinsabu detenuti u sentenzjati biss minħabba li eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda paċifika, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, professjonisti tal-midja u bloggers; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jiżguraw id-dritt għal proċess ġust skont l-istandards internazzjonali;
7. Jistieden lill-Gvern tal-Eġittu jiggarantixxi li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u internazzjonali u t-trade unions indipendenti jkunu jistgħu joperaw liberament, mingħajr indħil jew intimidazzjoni mill-gvern fil-pajjiż; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jirtiraw il-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar imposti fuq għadd ta' difensuri ewlenin tad-drittijiet tal-bniedem tal-Eġittu;
8. Jistenna li l-Kostituzzjoni l-ġdida, adottata fl-14 u l-15 ta' Jannar 2014, u b'mod partikolari l-Artikoli 52, 73 u 93 tagħha, tikkostitwixxi pass importanti l-quddiem fit-transizzjoni tal-pajjiż lejn id-demokrazija;
9. Jieħu nota tal-formazzjoni tal-Assemblea tal-Poplu l-ġdida, u jitlobha teżamina mill-ġdid b'urġenza l-Liġi ripressiva dwar il-Protesti ta' Novembru 2013, li ntużat biex teqred il-forom kollha ta' dissens paċifiku, kif ukoll il-Liġi dwar l-Assemblea tal-1914; jitlob ukoll ir-rieżami tal-leġislazzjoni ripressiva l-oħra kollha adottata li tikser il-Kostituzzjoni tal-Eġittu, inkluża l-Liġi dwar l-Atti Terroristiċi u l-Liġi dwar l-Entitajiet Terroristiċi, li jistgħu jintużaw ħażin bl-iskop ta' ripressjoni interna minflok biex itejbu s-sigurtà kollettiva; jenfasizza r-rieda tiegħu, fi sħubija mal-awtoritajiet tal-pajjiż, li jistudja l-possibilità li jiżviluppa programm għall-bini tal-kapaċità fil-parlament Eġizzjan;
10. Jinsisti li huwa biss permezz tal-bini ta' soċjetà realment pluralista, li tkun tirrispetta d-diversità tal-fehmiet u l-istili ta' għajxien, li jkunu jistgħu jiġu żgurati l-istabilità u s-sigurtà fit-tul fl-Eġittu, u jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jimpenjaw ruħhom għal djalogu ta' rikonċiljazzjoni li jressaq flimkien il-forzi mhux vjolenti, fosthom Iżlamisti mhux vjolenti, sabiex terġa' tinbena l-fiduċja fil-politika u fl-ekonomija fi proċess politiku inklużiv;
11. Jissottolinja l-importanza li l-Unjoni Ewropea tagħti lill-kooperazzjoni mal-Eġittu bħala ġar u sieħeb importanti, u r-rwol tal-Eġittu li jiżgura l-istabilità fir-reġjun; jikkondividi t-tħassib tal-poplu Eġizzjan dwar l-isfidi ekonomiċi, politiċi u ta' sigurtà li qed jiffaċċja l-pajjiż u r-reġjun tagħhom; jikkundanna l-attakki terroristiċi fuq iċ-ċivili u l-militar Eġizzjani;
12. Jitlob lill-UE, b'mod partikolari l-VP/RGħ u d-Delegazzjoni tal-UE fil-Kajr, biex tiżgura skambju regolari mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ilħna oħra ta' dissens, tappoġġja lill-persuni li jinsabu f'riskju jew li huma miżmuma f'detenzjoni u tissorvelja l-proċessi tagħhom b'mod komprensiv;
13. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaderixxu b'mod sħiħ mal-konklużjonijiet tal-KAB ta' Awwissu 2013 rigward l-esportazzjoni ta' teknoloġija u tagħmir militari u ta' sigurtà; jitlob li l-esportazzjonijiet ta' tagħmir ta' sorveljanza jiġu sospiżi meta jkun hemm provi li tali tagħmir ikun jista' jintuża f'każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-VP/RGħ tirrapporta dwar l-istat attwali tal-kooperazzjoni militari u ta' sigurtà mill-Istati Membri tal-UE mal-Eġittu, u biex jiġi żviluppat pjan direzzjonali f'konsultazzjoni mill-qrib mal-Parlament Ewropew li jiddeskrivi passi konkreti li għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet Eġizzjani biex itejbu b'mod sinifikanti s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u jwettqu riforma ġudizzjarja komprensiva qabel ma tkun tista' tiġi kkunsidrata valutazzjoni mill-ġdid tal-konklużjonijiet tal-KAB ta' Awwissu 2013;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-President u lill-Gvern tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu u lill-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli.