Dokument ta' sessjoni

 

   B8-1344/2016 }

   B8-1347/2016 }

   B8-1349/2016 }

   B8-1351/2016 }

   B8-1355/2016 }

   B8-1358/2016 }

   B8-1362/2016 } RC1

 

14.12.2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

ECR ( B8-1344/2016 )

EFDD ( B8-1347/2016 )

Verts/ALE ( B8-1349/2016 )

GUE/NGL ( B8-1351/2016 )

PPE ( B8-1355/2016 )

ALDE ( B8-1358/2016 )

S&D ( B8-1362/2016 )

dwar l-oqbra tal-massa fl-Iraq

( 2016/3028(RSP) )

Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Tunne Kelam, Eva Paunova, Thomas Mann, Stanislav Polčák, Luděk Niedermayer, Tomáš Zdechovský, Lefteris Christoforou, Jarosław Wałęsa, Bogdan Brunon Wenta, Csaba Sógor, Ivan Štefanec, Pavel Svoboda, Marijana Petir, Romana Tomc, Milan Zver, Eduard Kukan, Jaromír Štětina, Giovanni La Via, Dubravka Šuica, Jeroen Lenaers, Ildikó Gáll-Pelcz, David McAllister, Sven Schulze, Laima Liucija Andrikienė, Michaela Šojdrová, Deirdre Clune, József Nagy, Adam Szejnfeld, Brian Hayes, László Tőkés, Ivana Maletić, Ivo Belet, Mariya Gabriel, Therese Comodini Cachia, Patricija Šulin, Lars Adaktusson, Krzysztof Hetman, Seán Kelly, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Andrey Kovatchev, Jiří Pospíšil, György Hölvényi, Inese Vaidere

f'isem il-Grupp PPE

Pier Antonio Panzeri, Victor Boştinaru, Knut Fleckenstein, Josef Weidenholzer, Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, Zigmantas Balčytis, Hugues Bayet, Brando Benifei, Vilija Blinkevičiūtė, Soledad Cabezón Ruiz, Andrea Cozzolino, Andi Cristea, Miriam Dalli, Nicola Danti, Isabella De Monte, Doru-Claudian Frunzulică, Elena Gentile, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Neena Gill, Ana Gomes, Theresa Griffin, Sylvie Guillaume, Cătălin Sorin Ivan, Liisa Jaakonsaari, Afzal Khan, Jeppe Kofod, Cécile Kashetu Kyenge, Arne Lietz, Krystyna Łybacka, David Martin, Costas Mavrides, Alex Mayer, Sorin Moisă, Alessia Maria Mosca, Victor Negrescu, Momchil Nekov, Demetris Papadakis, Pavel Poc, Miroslav Poche, Liliana Rodrigues, Daciana Octavia Sârbu, Monika Smolková, Tibor Szanyi, Claudia Țapardel, Marc Tarabella, Elena Valenciano, Julie Ward, Boris Zala, Damiano Zoffoli, Carlos Zorrinho

f'isem il-Grupp S&D

Charles Tannock, David Campbell Bannerman, Anna Elżbieta Fotyga, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Czarnecki, Karol Karski, Raffaele Fitto, Zdzisław Krasnodębski, Branislav Škripek, Angel Dzhambazki, Ruža Tomašić, Monica Macovei, Arne Gericke

f'isem il-Grupp ECR

Gérard Deprez, Nedzhmi Ali, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Marielle de Sarnez, Martina Dlabajová, María Teresa Giménez Barbat, Nathalie Griesbeck, Marian Harkin, Filiz Hyusmenova, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Louis Michel, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Carolina Punset, Frédérique Ries, Marietje Schaake, Hannu Takkula, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Paavo Väyrynen, Cecilia Wikström, Valentinas Mazuronis

f'isem il-Grupp ALDE

Javier Couso Permuy, Merja Kyllönen, Marie-Christine Vergiat, Stelios Kouloglou

f'isem il-Grupp GUE/NGL

Barbara Lochbihler, Judith Sargentini, Heidi Hautala

f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Isabella Adinolfi, Rolandas Paksas, Beatrix von Storch

f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-oqbra tal-massa fl-Iraq

( 2016/3028(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sitwazzjoni fit-Tramuntana tal-Iraq/Mosul[1], tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq[2], tat-18 ta' Settembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq u fis-Sirja, u l-offensiva tal-IS, inkluża l-persekuzzjoni tal-minoranzi[3], tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS[4], tat-12 ta' Marzu 2015 dwar l-attakki u ħtif reċenti minn ISIS/Da'esh fil-Lvant Nofsani, b'mod partikolari tal-Assirjani[5], u tal-4 ta' Frar 2016 dwar il-qtil tal-massa sistematiku ta' minoranzi reliġjużi mill-hekk imsejħa 'ISIS/Da'esh'[6],

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Mejju 2016 dwar l-Istrateġija Reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll għat-theddida tad-Da'esh, tal-14 ta' Diċembru 2015 dwar l-Iraq, tas-16 ta' Marzu 2015 dwar l-Istrateġija Reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll għat-theddida tal-ISIS/Da'esh, tal-20 ta' Ottubru 2014 dwar il-kriżi tal-ISIS/Da'esh fis-Sirja u fl-Iraq, tal-14 ta' April 2014 u tat-12 ta' Ottubru 2015 dwar is-Sirja, u tal-15 ta' Awwissu 2014 dwar l-Iraq, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta' Awwissu 2014 dwar l-Iraq u s-Sirja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar l-Iraq u s-Sirja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Uffiċċju tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Missjoni ta' Assistenza tan-NU għall-Iraq (UNAMI) bit-titolu "A Call for Accountability and Protection: Yezidi Survivors of Atrocities Committed by ISIL" (Talba għal Responsabbiltà u Protezzjoni: Superstiti Yazidi ta' Atroċitajiet Imwettqa mill-ISIL) ta' Awwissu 2016,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali tal-1998 u d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar il-ġurisdizzjoni fir-rigward tad-delitt ta' ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità, id-delitti tal-gwerra u d-delitt ta' aggressjoni,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Iraq,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2253 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu li jagħti l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb 2016 lill-attivisti Yazidi Iraqin u li kienu miżmuma priġunieri mill-ISIS/Da'esh, Nadia Murad u Lamiya Aji Bashar,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi f'Awwissu 2014 l-ISIS/Da'esh attakka lil komunitajiet Yazidi madwar il-belt ta' Sinjar fil-provinċja ta' Nineveh fl-Iraq, fejn kien irrappurtat li nqatlu eluf ta' nies; billi nstabu diversi oqbra tal-massa wara li forzi Kurdi ħadu lura żoni fit-Tramuntana tal-Muntanja Sinjar f'Diċembru 2014; billi, meta l-forzi Kurdi ħadu lura l-belt ta' Sinjar f'nofs Novembru 2015, instabu aktar siti ta' qtil u oqbra tal-massa evidenti;

B.  billi l-atroċitajiet imwettqa mill-ISIS/Da'esh b'mod sistematiku u mifrux kellhom fil-mira, u ppruvaw jeqirdu, lill-poplu Yazidi; billi, skont id-dritt internazzjonali, b'mod partikolari b'konformità mal-Artikolu II tal-Konvenzjoni tan-NU tal-1948 dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju, tali atroċitajiet jikkostitwixxu ġenoċidju;

C.  billi mal-Parlament, li fl-4 ta' Frar 2016 irrikonoxxa li l-ISIS/Da'esh qed iwettaq ġenoċidju kontra l-Insara u l-Yazidi u persuni oħra li jappartjenu għal minoranzi reliġjużi u etniċi, issieħbu l-Kunsill tal-Ewropa, id-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti, il-Kungress tal-Istati Uniti, il-Parlament tar-Renju Unit, il-Parlament Awstraljan u istituzzjonijiet nazzjonali u internazzjonali oħra fir-rikonoxximent li l-atroċitajiet imwettqa mill-ISIS/Da'esh kontra minoranzi reliġjużi u etniċi fl-Iraq jinkludu delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju;

D.  billi l-Pjanura ta' Nineveh, Tal Afar u Sinjar, kif ukoll ir-reġjun usa', ilhom art twelid l-antenati ta' gruppi Nsara (Kaldej/Sirjaki/Assirjani), Yazidi, Għarab Sunniti u Xiiti, Kurdi, Shabak, Turkmeni, Kaka'i, Sabejani-Mandjani u oħrajn, fejn huma għexu għal sekli sħaħ fi spirtu ta' pluraliżmu ġenerali, stabilità u kooperazzjoni komunali, minkejja perjodi ta' vjolenza u persekuzzjoni esterni, sal-bidu ta' dan is-seklu u l-okkupazzjoni ta' parti kbira tar-reġjun mill-ISIS/Da'esh fl-2014;

E.  billi mis-27 ta' Ottubru 2016 l-ISIS/Da'esh beda jieħu lin-nisa maħtufa, inklużi in-nisa Yazidi, lejn il-bliet ta' Mosul u Tel Afar; billi ġie rrappurtat li wħud minn dawn in-nisa kienu "mqassma" lil ġellieda tal-ISIS/Da'esh, filwaqt li oħrajn ġew infurmati li se jintużaw biex jakkumpanjaw il-konvojs tal-ISIS/Da'esh;

F.  billi l-protezzjoni, il-preservazzjoni u l-analiżi tal-oqbra kollha tal-massa fl-Iraq, kif ukoll fis-Sirja, huma essenzjali għall-preservazzjoni u l-ġbir ta' evidenza ta' delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju mwettqa mill-ISIS/Da'esh u sabiex l-awturi tad-delitti jwieġbu għal għemilhom; billi jenħtieġ li l-qraba tal-vittmi jingħataw appoġġ psikoloġiku u loġistiku;

G.  billi diversi organizzazzjonijiet lokali qed jiddokumentaw id-delitti tal-ISIS/Da'esh kontra l-komunità Yazidi, iżda għandhom biss kapaċità limitata; billi, skont organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem bħal Human Rights Watch, l-ebda espert forensiku internazzjonali ma wettaq ħidma fiż-żona, minkejja l-appoġġ politiku għal tali missjoni minn għadd ta' pajjiżi, inklużi l-Istati Uniti u l-Ġermanja;

H.  billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem iddikjara, fil-11 ta' Novembru 2016 li, "Billi s-sitwazzjoni fl-Iraq tinġieb quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali; billi l-qrati Iraqin jingħataw ġurisdizzjoni fuq id-delitti internazzjonali; billi tiġi riformata s-sistema tal-ġustizzja kriminali u billi tissaħħaħ il-kapaċità tal-uffiċjali ġudizzjarji li jiddokumentaw, jinvestigaw u jipproċedu kontra ksur, il-Gvern tal-Iraq jista' jiżgura l-ġustizzja u jassigura l-pedamenti għal paċi dejjiema għall-pajjiż. In-nuqqas li dan isir jista' jipperikola serjament il-paċi u s-sigurtà fit-tul li ħaqqu l-poplu tal-Iraq";

I.  billi l-armata Iraqija, bl-appoġġ tal-koalizzjoni dinjija kontra l-ISIS/Da'esh u l-forzi Peshmerga tal-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan (KRG), tat bidu għal operazzjoni biex tillibera lil Mosul, it-tieni l-akbar belt tal-Iraq, u lill-bqija tat-territorju Iraqi li għadu taħt l-okkupazzjoni tal-ISIS/Da'esh;

1.  Jikkundanna mingħajr riżerva l-atroċitajiet u l-ksur flagranti kontinwi tad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-ISIS/Da'esh; jinnota b'dispjaċir kbir ħafna l-iskoperti kontinwi ta' oqbra tal-massa ġodda fl-Iraq u s-Sirja, li huma evidenza tal-atti ta' terrur imwettqa mill-ISIS/Da'esh; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lil dawk kollha fl-Iraq li tilfu lil qrabathom b'riżultat tad-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra mwettqa mill-ISIS/Da'esh u l-affiljati tiegħu;

2.  Jappella b'mod qawwi lill-komunità internazzjonali, b'mod partikolari lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, biex tikkunsidra l-oqbra tal-massa rrappurtati fl-Iraq bħala evidenza ulterjuri ta' ġenoċidju u biex tibda proċedimenti kontra l-ISIS/Da'esh quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI);

3.  Jistieden lill-awtoritajiet Iraqin, inkluż il-KRG, jieħdu passi urġenti biex jipproteġu l-oqbra madwar il-Muntanja Sinjar li saru aċċessibbli wara li ż-żona reġgħet ittieħdet mill-ISIS/Da'esh, u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jippreservaw l-evidenza ta' delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità mwettqa mill-ISIS/Da'esh, sabiex tiġi żgurata r-responsabbiltà;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet Iraqin jistiednu lil esperti forensiċi internazzjonali, fosthom dawk b'esperjenza ta' ħidma quddiem tribunali kriminali, jimmappjaw l-oqbra tal-massa kollha u jgħinu fil-preservazzjoni u l-analiżi tal-evidenza misjuba f'oqbra tal-massa li saru aċċessibbli, peress li l-eżumazzjonijiet mingħajr esperti forensi jistgħu jeqirdu evidenza kritika u jikkomplikaw bil-kbir l-identifikazzjoni tal-iġsma;

5.  Jitlob lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lil donaturi internazzjonali potenzjali oħra jiffaċilitaw u jagħtu l-appoġġ sħiħ tagħhom lill-Gvern tal-Iraq biex jistabbilixxi r-riżorsi umani u l-infrastruttura meħtieġa għall-preservazzjoni u l-analiżi ta' evidenza li tista' tkun vitali għal proċessi ta' responsabbiltà nazzjonali u internazzjonali fil-futur bl-għan li jindirizzaw delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju;

6.  Huwa partikolarment allarmat dwar is-sitwazzjoni tan-nisa u tat-tfal fil-kunflitt, b'mod partikolari tan-nisa u t-tfal Yazidi li huma vittmi ta' persekuzzjoni, eżekuzzjonijiet, tortura, sfruttament sesswali u atroċitajiet oħra; jinsisti li għandha ssir disponibbli firxa sħiħa ta' servizzi mediċi, b'mod partikolari għall-vittmi ta' stupru; jitlob, bħala kwistjoni ta' urġenza, li l-UE u l-Istati Membri tagħha jaħdmu mill-qrib mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u jappoġġjawha għal dan l-għan; jitlob li jinħelsu minnufih in-nisa u t-tfal kollha li għadhom qed jinżammu priġunieri mill-ISIS/Da'esh;

7.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-armata Iraqija, lill-armati tal-koalizzjoni dinjija kontra l-ISIS/Da'esh, lill-forzi Peshmerga tal-KRG u lill-alleati tagħhom fl-isforzi tagħhom biex jilliberaw lil Mosul u lil partijiet oħra tal-pajjiż mill-preżenza tal-ISIS/Da'esh, u jtenni wkoll l-appoġġ tiegħu għall-indipendenza, l-integrità territorjali u s-sovranità tal-Iraq;

8.  Ifakkar li l-awtoritajiet Iraqin iridu jieħdu passi konkreti sabiex jipproteġu l-popolazzjoni ċivili matul il-kampanja, anke billi jieħdu l-prekawzjonijiet fattibbli kollha biex jiġi evitat li jkun hemm vittmi ċivili u ksur tad-drittijiet tal-bniedem matul l-attakk; jenfasizza li l-forzi fil-post iridu josservaw id-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem matul l-operazzjonijiet tagħhom;

9.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu lir-Repubblika tal-Iraq u lill-poplu ta' dan il-pajjiż fir-rikonoxximent ta' provinċja politikament, soċjalment u ekonomikament vijabbli u sostenibbli fir-reġjuni tal-Pjanura ta' Nineveh, Tal Afar u Sinjar, bi qbil mal-espressjonijiet legali ta' awtonomija reġjonali, kif iggarantita mill-kostituzzjoni tal-Iraq;

10.  Jenfasizza li d-dritt tal-popli indiġeni spostati tal-Pjanura ta' Nineveh, Tal Afar u Sinjar – li ħafna minnhom huma spostati fl-Iraq – li jmorru lura lejn art l-antenati tagħhom għandu jkun prijorità politika tal-Gvern tal-Iraq, appoġġat mill-UE, inklużi l-Istati Membri tagħha, u l-komunità internazzjonali; jenfasizza li, bl-appoġġ tal-Gvern tal-Iraq u tal-KRG, dawn il-popli għandu jkollhom id-drittijiet tal-bniedem tagħhom, inkluża l-ugwaljanza politika, iggarantiti bis-sħiħ, kif ukoll id-drittijiet ta' proprjetà tagħhom, li għandhom jieħdu prijorità fuq kwalunkwe pretensjoni ta' drittijiet għall-proprjetà minn oħrajn;

11.  Iħeġġeġ lill-Iraq isir membru tal-QKI sabiex ikun possibbli li jinbdew proċedimenti kontra l-ISIS/Da'esh għal delitti tal-gwerra, ġenoċidju u delitti kontra l-umanità;

12.  Jistieden lill-komunità internazzjonali, inklużi l-Istati Membri tal-UE, biex jibdew proċedimenti kontra membri tal-ISIS/Da'esh fil-ġurisdizzjoni tagħhom, anke billi japplikaw il-prinċipju ta' ġurisdizzjoni universali;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq u lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan.

 

[1] Testi adottati, P8_TA(2016)0422
[2] Testi adottati, P7_TA(2014)0171
[3] ĠU C 234, 28.6.2016, p. 25.
[4] ĠU C 310, 25.8.2016, p. 35.
[5] ĠU C 316, 30.8.2016, p. 113.
[6] Testi adottati, P8_TA(2016)0051