Dokument ta' sessjoni
B8-0342/2017 } RC1
17.5.2017
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
S&D ( B8-0331/2017 )
ECR ( B8-0333/2017 )
ALDE ( B8-0338/2017 )
Verts/ALE ( B8-0341/2017 )
PPE ( B8-0342/2017 )
dwar l-istrateġija tal-UE rigward is-Sirja
( 2017/2654(RSP) )
Cristian Dan Preda, Arnaud Danjean, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Sandra Kalniete, David McAllister, Michael Gahler, Eduard Kukan, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Tokia Saïfi
f'isem il-Grupp PPE
Victor Boştinaru, Elena Valenciano, Knut Fleckenstein, Neena Gill
f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Raffaele Fitto, Jana Žitňanská, Ruža Tomašić, Geoffrey Van Orden, Branislav Škripek
f'isem il-Grupp ECR
Marietje Schaake, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Marielle de Sarnez, Martina Dlabajová, María Teresa Giménez Barbat, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Jozo Radoš, Jasenko Selimovic, Hannu Takkula, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Hilde Vautmans, Cecilia Wikström
f'isem il-Grupp ALDE
Barbara Lochbihler
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istrateġija tal-UE rigward is-Sirja
( 2017/2654(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2017 bit-titlu "Elementi għal Strateġija tal-UE għas-Sirja"[1] u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sirja tat-3 ta' April 2017, li flimkien jikkostitwixxu l-istrateġija l-ġdida tal-UE rigward is-Sirja,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kopresidenti tal-5 ta' April 2017 dwar il-Konferenza dwar "Appoġġ għall-ġejjieni tas-Sirja u tar-reġjun",
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-30 ta' Diċembru 2016 dwar it-tħabbir ta' waqfien mill-ġlied fis-Sirja u tat-23 ta' Marzu 2017 dwar is-Sirja, u d-Dikjarazzjoni tal-VP/RGħ f'isem l-UE tad-9 ta' Diċembru 2016 dwar is-sitwazzjoni f'Aleppo,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet tal-VP/RGħ tas-6 ta' April 2017 dwar l-allegat attakk kimiku f'Idlib, is-Sirja, u tas-7 ta' April 2017 dwar l-attakk mill-Istati Uniti fis-Sirja,
– wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar miżuri restrittivi tal-UE kontra dawk responsabbli għar-repressjoni vjolenti fis-Sirja, fosthom dawk tal-14 ta' Novembru 2016 u tal-20 ta' Marzu 2017,
– wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta dwar is-Sirja, stabbilita mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC), u r-riżoluzzjonijiet tal-UNHRC dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU) dwar l-ISIL/Da'esh u l-Front Al-Nusra u r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-KSNU dwar il-kunflitt fir-Repubblika Għarbija Sirjana, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet 2218 (2013), 2139 (2014), 2165 (2014), 2191 (2014), 2199 (2015), 2254 (2015), 2258 (2015), 2268 (2016), 2328 (2016), 2332 (2016), u 2336 (2016),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1325 (2000) tal-31 ta' Ottubru 2000 dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (AĠNU) A/71/L.48 li tistabbilixxi Mekkaniżmu Internazzjonali, Imparzjali u Indipendenti biex Jassisti fl-Investigazzjoni u l-Prosekuzzjoni tal-Persuni Responsabbli għad-Delitti l-Aktar Serji skont id-Dritt Internazzjonali li Twettqu fir-Repubblika Għarbija Sirjana sa minn Marzu 2011,
– wara li kkunsidra l-Communiqué ta' Ġinevra ta' Ġunju 2012,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-konvenzjonijiet kollha tan-NU li s-Sirja hija Stat Parti fihom,
– wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma u d-dokumenti fundaturi tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ),
– wara li kkunsidra tribunali ad hoc, inklużi t-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja, it-Tribunal Kriminali Internazzjonali għar-Rwanda u t-Tribunal Speċjali għal-Libanu,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-Protokolli addizzjonali tagħhom,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-gwerra fis-Sirja saret waħda mill-agħar kriżijiet umanitarji li d-dinja kellha tħabbat wiċċha magħhom mit-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn, u billi għadha tħalli effetti qerrieda u konsegwenzi traġiċi għall-poplu ta' dak il-pajjiż; billi għexieren ta' persuni ċivili, inklużi tfal, sfaw fil-mira, u għadhom iġarrbu t-tbatija f'din il-gwerra ċivili brutali, u billi aktar minn 400 000 ruħ tilfu ħajjithom minn meta dan il-kunflitt faqqa' fis-Sirja fl-2011; billi aktar minn 13,5 miljun ruħ fis-Sirja, kważi tliet kwarti tal-popolazzjoni li baqgħet fil-pajjiż, huma fil-bżonn urġenti ta' għajnuna ta' emerġenza bħal assistenza medika u ta' ikel, ilma u kenn; billi 6,3 miljun ruħ huma spostati internament, 4,7 miljun ruħ jgħixu f'żoni li diffiċli jintlaħqu u li jinsabu assedjati, u 5 miljun ruħ jgħixu bħala rifuġjati f'pajjiżi ġirien u fir-reġjun usa'; billi l-kriżi fis-Sirja qed ikollha impatt dejjem aktar destabbilizzanti fuq ir-reġjun usa';
B. billi, mindu faqqgħet il-gwerra fl-2011, l-UE, flimkien mal-Istati Membri tagħha, sa Jannar 2017 immobilizzat aktar minn EUR 9,4 biljun b'rispons għall-kriżi Sirjana, kemm fis-Sirja u kemm fir-reġjun, u b'dan il-mod saret l-akbar donatur; billi l-UE appoġġjat ukoll b'mod sostanzjali l-pajjiżi ġirien li jospitaw lir-rifuġjati;
C. billi l-vjolazzjonijiet li twettqu tul il-kunflitt Sirjan jinkludu attakki mmirati u indiskriminati fuq persuni ċivili, qtil extraġudizzjarju, tortura u maltrattament, għajbien furzat, arresti tal-massa u arbitrarji, kastigi kollettivi, attakki fuq persunal mediku u t-tiċħid mill-ikel u mill-ilma; billi ġie rrappurtat li r-reġim ta' Assad huwa responsabbli għall-qtil b'tgħalliq, atti ta' tortura u qtil extraġudizzjarju fuq skala massiva fil-faċilitajiet ta' detenzjoni tiegħu; billi l-Gvern Sirjan deliberatament ċaħħad lil persuni ċivili minn prodotti u servizzi essenzjali, inkluż mill-provvista tal-ikel u tal-ilma kif ukoll mill-assistenza medika; billi l-attakki, u t-tiġwiħ ta' persuni ċivili bħala tattika tal-gwerra, permezz ta' assedji ta' żoni popolati, jikkostiwixxu ksur ċar tal-liġi umanitarja internazzjonali; billi dawn id-delitti s'issa għadhom ma ġewx ikkastigati;
D. billi l-ISIS/Da'esh u gruppi ġiħadisti oħra wettqu atroċitajiet krudili, fosthom l-użu ta' eżekuzzjonijiet brutali, kif ukoll atti tal-waħx ta' vjolenza sesswali, ħtif, tortura, konverżjonijiet furzati u tjassir tan-nisa u l-bniet; billi tfal ġew irreklutati u użati f'attakki terroristiċi; billi hemm tħassib serju dwar il-benessri tal-popolazzjoni li bħalissa tinsab taħt il-kontroll tal-ISIS/Da'esh u dwar l-użu possibbli tagħhom bħala tarki umani matul il-kampanja ta' liberazzjoni; billi dawn ir-reati jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju;
E. billi l-waqfien mill-ġlied li beda jseħħ fit-30 ta' Diċembru 2016 mhuwiex qed jiġi rispettat, hekk li ġew rappurtati diversi vjolazzjonijiet madwar is-Sirja kollha, u seħħew inċidenti serji, bħall-attakk kimiku f'Khan Sheyhoun – preżumibbilment imwettaq mir-reġim – u l-bumbardament fuq xarabanks li kienu qed iġorru lil nies evakwati mill-bliet assedjati ta' Foah u Kefraya lejn żoni kkontrollati mill-gvern; billi nqatlu għexieren ta' persuni, fosthom tfal, filwaqt li ħafna oħrajn sfaw feruti;
F. billi diversi investigazzjonijiet ikkonkludew li l-forzi ta' Assad użaw aġenti kimiċi maħsuba biex jagħmlu l-ħsara u joqtlu lil persuni ċivili, bi ksur tal-arranġament li kien intlaħaq fl-2013 għall-eliminazzjoni tagħhom; billi l-aħħar każ ta' użu ta' armi ta' qerda massiva kontra persuni ċivili seħħ fl-4 ta' April 2017 f'Khan Sheyhoun fil-provinċja ta' Idlib, fejn inqatlu tal-anqas 70 persuna ċivili, ħafna minnhom tfal, u mijiet oħra sfaw midruba; billi, fit-12 ta' April 2017, ir-Russja użat il-veto kontra riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li kienet tikkundanna l-użu rrappurtat ta' armi kimiċi projbiti fis-Sirja, u li kienet tappella lill-Gvern tas-Sirja biex jikkoopera ma' investigazzjoni dwar l-inċident; billi l-Istati Uniti infurmat lill-UE li, abbażi tal-valutazzjoni tagħha li r-reġim Sirjan kien uża armi kimiċi, nediet attakk fuq il-bażi tal-ajru militari ta' Al-Shayrat fil-Governorat ta' Homs, is-Sirja, bl-intenzjoni li timpedixxi u tiskoraġġixxi t-tixrid u l-użu ta' armi kimiċi;
G. billi, f'Marzu 2017, l-UE żiedet fil-lista ta' sanzjonijiet l-ismijiet ta' erba' uffiċjali għolja militari Sirjani minħabba r-rwol tagħhom fl-użu ta' armi kimiċi kontra l-popolazzjoni ċivili, fi qbil mal-politika tal-UE li tiġġieled il-proliferazzjoni u l-użu tal-armi kimiċi;
H. billi l-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker semma l-ħtieġa ta' strateġija tal-UE għas-Sirja fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni f'Settembru 2016; billi, f'Ottubru, il-Parlament stieden lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli Federica Mogherini tiżgura li l-istrateġija l-ġdida jkollha l-għan li tiffaċilita soluzzjoni politika għas-sitwazzjoni fis-Sirja, inkluż permezz ta' għodod ta' monitoraġġ u infurzar li jsaħħu l-konformità mal-impenji meħuda fil-qafas tal-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għas-Sirja (ISSG);
I. billi l-għan tal-istrateġija tal-UE rigward is-Sirja huwa li tiddeskrivi kif l-UE jista' jkollha rwol aktar viżibbli u effikaċi hija u tikkontribwixxi għal soluzzjoni politika dejjiema fis-Sirja fil-kuntest tal-qafas eżistenti approvat min-NU, u kif tista' tappoġġja r-rikostruzzjoni ta' wara l-ftehim ladarba tkun inbdiet tranżizzjoni kredibbli; billi din l-istrateġija tiddeskrivi sitt oqsma ewlenin ta' attenzjoni, jiġifieri: it-tmiem tal-gwerra permezz ta' tranżizzjoni politika ġenwina; il-promozzjoni ta' tranżizzjoni sinifikanti u inklussiva; l-indirizzar tal-ħtiġijiet umanitarji tas-Sirjani l-aktar vulnerabbli; il-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem; il-promozzjoni tal-obbligu ta' rendikont għad-delitti tal-gwerra u l-appoġġ għar-reżiljenza tal-popolazzjoni u tas-soċjetà Sirjana;
J. billi, fil-5 ta' April 2017, l-UE kopresidiet konferenza dwar appoġġ għall-ġejjieni tas-Sirja u tar-reġjun, li laqqgħet flimkien rappreżentanti minn aktar minn 70 pajjiż, minn organizzazzjonijiet internazzjonali u mis-soċjetà ċivili internazzjonali u Sirjana; billi l-Konferenza ta' Brussell laħqet qbil dwar approċċ olistiku għat-trattament tal-kriżi Sirjana, b'assistenza finanzjarja addizzjonali ta' EUR 3,47 biljun biex jintlaqa' għas-sitwazzjoni umanitarja fil-perjodu 2018-2020, inkluża s-somma ta' EUR 1,3 biljun mill-UE, l-akbar donatur fil-kriżi; billi, barra minn hekk, ċerti istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u donaturi ħabbru madwar EUR 27,9 biljun f'self; billi l-ispiża tar-rikostruzzjoni fis-Sirja hija stmata għal madwar USD 200 biljun;
K. billi l-UE tirrikonoxxi u tappoġġja l-isforzi magħmula mit-Turkija, mil-Libanu u mill-Ġordan, il-pajjiżi ġirien tas-Sirja li jospitaw l-akbar għadd ta' rifuġjati;
L. billi, fl-4 ta' Mejju 2017, ir-Russja, l-Iran u t-Turkija laħqu ftehim f'Astana (il-Każakistan) li jistabbilixxi erba' żoni ta' tnaqqis tal-intensità tal-kunflitt; billi t-tliet pajjiżi firmatarji għandhom jaġixxu bħala garanti tat-tregwa rinnovabbli ta' sitt xhur, inkluż permezz ta' osservaturi armati fil-post; billi dan il-ftehim jitlob li jintemmu t-titjiriet kollha mir-reġim ta' Assad fuq dawn iż-żoni u li jkun hemm aċċess umanitarju bla xkiel fiż-żoni okkupati mir-ribelli; billi sessjoni ġdida ta' taħditiet immexxija min-NU se tissokta f'Ġinevra din il-ġimgħa u rawnd ieħor ta' taħditiet immexxija mir-Russja huwa ppjanat għal nofs Lulju fil-Każakistan;
M. billi l-UE ddikjarat ripetutament li ma jista' jkun hemm l-ebda soluzzjoni militari għall-kunflitt Sirjan u li biss tranżizzjoni inklussiva u mmexxija mis-Sirja tista' ttemm it-tbatija inaċċettabbli tal-poplu Sirjan; billi, filwaqt li huwa ċar li r-rikostruzzjoni tista' tibda biss wara li jkun intlaħaq ftehim politiku, jeħtieġ li l-isforzi ta' rikonċiljazzjoni jibdew malajr kemm jista' jkun u li jkollhom l-appoġġ tal-UE, bil-għan li tinkiseb stabbiltà fit-tul; billi d-determinazzjoni tal-verità, il-promozzjoni tal-obbligu ta' rendikont u ta' ġustizzja tranżizzjonali, kif ukoll amnistija, ilkoll huma essenzjali f'dan il-kuntest;
1. Jilqa' l-Istrateġija tal-UE għas-Sirja, inklużi l-għanijiet strateġiċi tal-UE dwar is-Sirja u l-objettivi tal-UE għas-Sirja kif ukoll l-eżitu tal-Konferenza ta' Brussell li żgurat impenji pluriennali; iħeġġeġ lill-parteċipanti kollha jonoraw l-impenji tagħhom bis-sħiħ u jkomplu bl-appoġġ tagħhom fil-ġejjieni;
2. Jikkundanna, għal darb' oħra u bl-akbar qawwa, l-atroċitajiet u l-vjolazzjonijiet mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja internazzjonali mwettqa mill-partijiet kollha fil-kunflitt, u b'mod partikolari mill-forzi tar-reġim ta' Assad bl-appoġġ tal-alleati tiegħu, ir-Russja u l-Iran, kif ukoll minn gruppi armati mhux statali, b'mod partikolari l-ISIS/Da'esh u Jabhat Fateh al-Sham; jisħaq fuq il-pożizzjoni tiegħu li dawk kollha responsabbli għal vjolazzjonijiet tal-liġi umanitarja internazzjonali u tal-liġi dwar id-drittijiet tal-bniedem jridu jagħtu kont ta' għemilhom; iħeġġeġ lill-istati kollha japplikaw il-prinċipju ta' ġurisdizzjoni universali huma u jindirizzaw l-impunità, u jilqa' b'sodisfazzjon il-passi li għadd ta' Stati membri ħadu għal dan il-għan, fosthom id-deċiżjoni reċenti mill-Qorti Nazzjonali ta' Spanja li tisma' kawża kriminali kontra disa' uffiċjali tal-intelligence tas-Sirja fuq akkużi ta' tortura u ta' vjolazzjonijiet oħra tad-drittijiet tal-bniedem; itenni t-talba tiegħu li l-UE u l-Istati Membri tagħha jesploraw, f'koordinament mill-qrib ma' pajjiżi tal-istess fehma, il-ħolqien ta' tribunal għad-delitti tal-gwerra fis-Sirja, sakemm isir b'suċċess riferiment lill-Qorti Kriminali Internazzjonali; jenfasizza li dawk li jwettqu delitti kontra gruppi u minoranzi reliġjużi, etniċi u ta' tip ieħor għandhom jitressqu wkoll quddiem il-ġustizzja; jibqa' konvint li la jista' jkun hemm riżoluzzjoni effikaċi tal-kunflitti u lanqas paċi sostenibbli fis-Sirja mingħajr ma jingħata kont tad-delitti li jkunu twettqu;
3. Jikkundanna bl-akbar qawwa l-attakk kimiku ta' tkexkix fuq il-belt ta' Khan Sheyhoun fil-provinċja ta' Idlib fl-4 ta' April 2017 li kkawża l-mewt ta' tal-anqas 70 persuna ċivili, fosthom tfal u ħaddiema umanitarji, u li ħalla ħafna vittmi juru sintomi ta' avvelenament bil-gass; jieħu nota li allegazzjoni tal-użu ta' armi kimiċi hija kredibbli skont il-valutazzjoni preliminari mwettqa mill-missjoni ta' verifika tal-fatti tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW); jenfasizza l-obbligu tas-Sirja li tirrispetta r-rakkomandazzjonijiet tal-missjoni ta' inkjesta tal-OPCW u tal-Mekkaniżmu ta' Investigazzjoni Konġunt bejn l-OPCW u n-Nazzjonijiet Uniti, billi tagħti aċċess immedjat u bla xkiel u tirrikonoxxi d-dritt li jsiru spezzjonijiet f'kull sit; jenfasizza li dawk responsabbli għal attakki bħal dawn se jkollhom jagħtu kont ta' għemilhom quddiem qorti tal-ġustizzja; jiddeplora l-użu ripetut tal-veto mir-Russja fil-Kunsill tas-Sigurtà, inkluż għal riżoluzzjoni tal-KSNU li kienet tikkundanna l-aktar attakk kimiku reċenti u titlob li ssir investigazzjoni internazzjonali;
4. Jilqa' l-ħolqien ta' Mekkaniżmu Internazzjonali, Imparzjali u Indipendenti biex Jassisti fl-Investigazzjoni u l-Prosekuzzjoni tal-Persuni Responsabbli għad-Delitti l-Aktar Serji skont id-Dritt Internazzjonali li Twettqu fir-Repubblika Għarbija Sirjana sa minn Marzu 2011, jiddeplora l-fatt li dan il-mekkaniżmu għadu mhux iffinanzjat kompletament; jistieden lill-Istati Membri jwettqu l-impenji tagħhom f'dan ir-rigward;
5. Jibqa' kommess favur l-għaqda, is-sovranità, l-integrità territorjali u l-indipendenza tas-Sirja u jappoġġja approċċ qawwi ta' "Sirja Sħiħa" u ġejjieni demokratiku għall-poplu Sirjan; jinsisti li l-pajjiż jista' jinġieb għall-paċi biss permezz ta' proċess politiku mmexxi mis-Sirja li jwassal għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti, iffaċilitati u ssorveljati min-Nazzjonijiet Uniti u organizzati abbażi ta' kostituzzjoni ġdida; itenni lill-partijiet kollha li waqfien mill-ġlied inklussiv madwar il-pajjiż kollu u soluzzjoni aċċettabbli għal kulħadd jistgħu jintlaħqu taħt l-awspiċi tan-NU u, kif previst fil-Communiqué ta' Ġinevra tal-2012 u fir-riżoluzzjoni 2254 (2015) tal-KSNU, bl-appoġġ tal-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għas-Sirja, Staffan de Mistura, u ta' atturi internazzjonali u reġjonali ewlenin;
6. Jieħu nota tal-memorandum reċenti dwar it-twaqqif ta' żoni ta' tnaqqis tal-intensità tal-kunflitt fis-Sirja u jappoġġja l-intenzjoni li jissaħħaħ il-waqfien mill-ġlied, li jintemmu t-titjiriet tal-forza tal-ajru tar-reġim fuq iż-żoni ta' tnaqqis tal-intensità tal-kunflitt, u li jinħolqu kundizzjonijiet għall-aċċess umanitarju, l-assistenza medika, ir-ritorn ta' persuni ċivili spostati lejn djarhom u r-restawr tal-infrastruttura li ġarrbet ħsara; jenfasizza, madankollu, it-tħassib li esprimiet l-oppożizzjoni dwar il-biża' li l-ftehim jista' jwassal għall-ħolqien ta' żoni ta' influwenza u għall-qsim tas-Sirja; jappella biex il-partijiet kollha jimplimentaw il-ftehimiet ta' Astana, u biex it-tliet garanti jiżguraw li l-waqfien mill-ġlied jiġi rrispettat; jenfasizza l-importanza li tiġi eliminata kwalunkwe ambigwità fir-rigward ta' gruppi mhux koperti mill-waqfien mill-ġlied u jistieden lill-partijiet kollha, inkluża t-Turkija, jiżguraw li l-memorandum ma jiffaċilitax attakki kontra l-forzi alleati mal-oppożizzjoni moderata jew kontra dawk li qed jiġġieldu fuq in-naħa tal-koalizzjoni internazzjonali kontra l-ISIS/Da'esh; jissottolinja li jrid jiġi żgurat li jkun hemm monitoraġġ internazzjonali tal-implimentazzjoni, u jappoġġja involviment robust tan-NU;
7. Iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa u lir-Repubblika Iżlamika tal-Iran jużaw l-influwenza tagħhom fuq ir-reġim Sirjan biex dan jaċċetta u jimpenja ruħu attivament favur kompromess raġonevoli li jġib fi tmiemha l-gwerra ċivili u jwitti t-triq għal tranżizzjoni inklussiva u ġenwina; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-oppożizzjoni moderata, jidentifikaw u jiżolaw l-elementi radikalizzati u jippromwovu r-rikonċiljazzjoni; iħeġġeġ lill-membri tal-Kumitat Għoli tan-Negozjati (HNC) jkomplu jinvolvu ruħhom fit-taħditiet medjati min-NU f'Ġinevra;
8. Jemmen fermament li l-UE jeħtiġilha timpenja ruħha b'mod aktar attiv u tutilizza l-kontribut finanzjarju importanti tagħha għal wara l-kunflitt sabiex tiżvolġi rwol sinifikanti fl-isforzi tan-negozjar fil-qafas eżistenti maqbul min-NU u tiżgura t-tranżizzjoni politika, filwaqt li tiżviluppa politika speċifika li jkollha l-għan li tqarreb il-partijiet aktar lejn xulxin u tintensifika l-isforzi tagħha fl-oqsma fejn l-Unjoni jista' jkollha valur miżjud; jappoġġja l-isforzi kontinwi tal-VP/RGħ biex tikkomunika mal-atturi ewlenin fir-reġjun bil-ħsieb li tiżgura t-tranżizzjoni politika kif ukoll ir-rikonċiljazzjoni u r-rikostruzzjoni wara l-kunflitt; iħeġġeġ lill-VP/RGħ tibda tiżviluppa pjan konkret għall-involviment tagħha fir-rikostruzzjoni tas-Sirja u timmira lejn sforzi inklussivi u konġunti ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u ma' istituzzjonijiet finanzjarji ewlenin, kif ukoll ma' atturi reġjonali u lokali; jenfasizza, madankollu, l-importanza li s-Sirjani nfushom ikollhom sjieda tal-proċess ta' rikostruzzjoni wara l-kunflitt;
9. Jissottolinja l-importanza kritika tal-ħidma ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u internazzjonali biex jiddokumentaw l-evidenza ta' delitti tal-gwerra, ta' delitti kontra l-umanità u ta' vjolazzjonijiet oħra, inkluża l-qerda tal-wirt kulturali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipprovdu aktar għajnuna, u għajnuna kompluta, lil dawn l-atturi; jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jiffinanzjaw b'mod adegwat organizzazzjonijiet li jaħdmu fuq l-investigazzjoni "open source" u l-ġbir diġitali tal-evidenza ta' delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità, biex jiżguraw li jingħata kont ta' dawn l-atti u jressqu lil min wettaqhom quddiem il-ġustizzja;
10. Jilqa' l-enfasi li saret fuq l-appoġġ għar-reżiljenza tal-popolazzjoni u tas-soċjetà Sirjana fl-Istrateġija tal-UE għas-Sirja; Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom bil-għan li jibnu l-kapaċitajiet taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili fis-Sirja, inkluż flimkien ma' atturi, u permezz tagħhom, li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza (inklużi l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tal-minoranzi), id-demokrazija u l-abilitazzjoni, fejn ikun possibbli fis-Sirja, kif ukoll għal rifuġjati Sirjani li qed jgħixu fl-eżilju fir-reġjun jew fl-Ewropa; jenfasizza li dan il-bini tal-kapaċità għandu jappoġġja lis-Sirjani huma u jindirizzaw it-tranżizzjoni (f'oqsma bħar-regolazzjoni tal-midja, id-deċentralizzazzjoni, l-amministrazzjoni tal-muniċipalitajiet u t-tfassil tal-kostituzzjoni), filwaqt li jqis b'mod xieraq il-ħtiġijiet u r-rwol tan-nisa;
11. Jesprimi sodisfazzjon dwar il-fatt li r-rwol tas-soċjetà ċivili, inklużi l-organizzazzjonijiet tan-nisa, ġie rikonoxxut bħala element fundamentali ta' soluzzjoni dejjiema; ifakkar il-fatt li l-UE jeħtiġilha tippromwovi u tiffaċilita l-involviment adegwat jew il-konsultazzjoni adegwata tas-soċjetà ċivili u tan-nisa fil-proċess ta' paċi, f'konformità mal-Approċċ Komprensiv għall-Implimentazzjoni min-naħa tal-UE tar-riżoluzzjonijiet tal-KSNU 1325 u 1820 dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà; jinsisti li jeħtieġ li d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa jkunu riflessi fil-kostituzzjoni l-ġdida tas-Sirja;
12. Filwaqt li jtenni l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tal-Koalizzjoni Globali kontra Da'esh, jemmen li l-istrateġija tal-UE kellha wkoll teżamina mill-ġdid l-aspetti li jikkonċernaw il-ġlieda kontra l-ISIS/Da'esh u organizzazzjonijiet terroristiċi oħra elenkati min-NU, b'enfasi u konċentrazzjoni fuq il-kawżi politiċi u soċjoekonomiċi fundamentali li ffaċilitaw it-tifrix tat-terroriżmu, u bl-identifikazzjoni ta' azzjonijiet konkreti biex jindirizzaw dawn il-gruppi; iqis, barra minn hekk, li kellhom jiġu elaborati modi li jgħinu biex jippreservaw in-natura multietnika, multireliġjuża u multikonfessjonali tas-soċjetà Sirjana;
13. Jenfasizza li huwa importanti li l-minoranzi etniċi u reliġjużi fis-Sirja jkunu protetti, u jemmen bis-sħiħ li kwalunkwe proċess politiku għandu jkun inklussiv u għandu jimmira li s-Sirja jerġa' jagħmilha stat multikonfessjonali u tolleranti;
14. Ifakkar fl-importanza kruċjali tal-implimentazzjoni bikrija ta' miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja (CBMs), li jinkludu l-aċċess umanitarju bla xkiel fis-Sirja kollha, il-forniment ta' servizzi pubbliċi bażiċi (l-elettriku, l-ilma, il-kura tas-saħħa), it-tmiem tal-assedji kollha tal-bliet, kif ukoll ir-rilaxx tal-priġunieri u tal-ostaġġi; jilqa' l-ftehim bejn il-Gvern Sirjan u l-gruppi ribelli li jippermetti l-evakwazzjoni ta' erba' bliet assedjati; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jappoġġjaw u jiffaċilitaw l-adozzjoni ta' ftehim komprensiv dwar is-CBMs;
15. Jinnota b'dispjaċir li l-kunflitt ċivili devastanti reġġa' lill-pajjiż għexieren ta' snin lura f'termini ta' żvilupp soċjali u ekonomiku, tefa' miljuni ta' nies f'sitwazzjoni ta' qgħad u faqar u wassal għal tħarbit konsiderevoli fis-servizzi tas-saħħa u edukattivi, għall-ispostament ta' Sirjani fuq skala kbira u għal eżodu tal-imħuħ; jirrimarka, għalhekk, dwar l-importanza li titkattar l-assistenza mhux umanitarja bil-għan li ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-persuni fis-Sirja u li l-ekonomija terġa' tibda taħdem; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri tal-UE juru impenn ferm aktar qawwi favur il-kondiviżjoni tar-responsabbiltà, b'tali mod li jippermettu lir-rifuġjati li qed jaħarbu miż-żoni tal-gwerra fis-Sirja jsibu protezzjoni lil hinn mir-reġjun tal-viċinat dirett, inkluż permezz tar-risistemazzjoni u ta' skemi ta' ammissjoni umanitarja; iqis, madankollu, li malli jintemm il-kunflitt, ir-rifuġjati Sirjani kwalifikati għandhom jingħataw inċentivi biex jirritornaw u jikkontribwixxu fl-isforzi ta' rikostruzzjoni;
16. Jilqa' l-prijoritajiet il-ġodda ta' sħubija konklużi mill-UE mal-Ġordan u l-Libanu, kif ukoll l-illaxkar tar-regoli tal-oriġini tal-UE għall-esportazzjonijiet mill-Ġordan; jiddispjaċih li għadd kbir ta' rifuġjati fil-Ġordan, fil-Libanu u fit-Turkija għadhom jgħixu f'kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali prekarji u li spiss ma jkunux jistgħu jsibu impjieg (legali); jitlob li l-VP/RGħ tinsisti li l-awtoritajiet fil-Ġordan u fil-Libanu jaħdmu favur it-tneħħija tal-barrieri (informali) li għad fadal, jappoġġjaw opportunitajiet imwessgħa għal dawk li jaħdmu għal rashom, u jwettqu l-impenji tagħhom dwar il-ħolqien ta' impjiegi għan-nisa u ż-żgħażagħ;
17. Jappoġġja bis-sħiħ il-mira li tiġi żgurata inizjattiva ta' "Ebda ġenerazzjoni mitlufa ta' tfal" fis-Sirja u fir-reġjun, u jitlob li jsiru sforzi addizzjonali biex tintlaħaq il-mira li t-tfal rifuġjati u vulnerabbli kollha fil-komunitajiet ospitanti jieħdu edukazzjoni ta' kwalità, b'aċċess ugwali għall-bniet u s-subien; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi rikonoxxuta l-edukazzjoni – ħafna drabi informali – fil-kampijiet tar-rifuġjati u li jingħata appoġġ għar-riabilitazzjoni psikoloġika ta' dawn it-tfal trawmatizzati;
18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-membri tal-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għas-Sirja u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt, u biex jiżgura li dan it-test jinqaleb għall-Għarbi.