Dokument ta' sessjoni
B8-0372/2017 } RC1
17.5.2017
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ECR ( B8-0361/2017 )
Verts/ALE, EFDD ( B8-0363/2017 )
S&D ( B8-0365/2017 )
GUE/NGL ( B8-0366/2017 )
PPE ( B8-0368/2017 )
ALDE ( B8-0372/2017 )
dwar iż-Żambja, b'mod partikolari l-każ ta' Hakainde Hichilema
( 2017/2681(RSP) )
Cristian Dan Preda, Tomáš Zdechovský, Elmar Brok, David McAllister, Deirdre Clune, Mariya Gabriel, Pavel Svoboda, Tunne Kelam, Milan Zver, Krzysztof Hetman, Dubravka Šuica, Maurice Ponga, Sven Schulze, Stanislav Polčák, Lefteris Christoforou, Marijana Petir, Claude Rolin, Ivan Štefanec, Eva Maydell, Bogdan Brunon Wenta, Csaba Sógor, Adam Szejnfeld, Sandra Kalniete, Patricija Šulin, Brian Hayes, Luděk Niedermayer, Elisabetta Gardini, Željana Zovko, Roberta Metsola, Michael Gahler, Laima Liucija Andrikienė, Ivana Maletić, Andrey Kovatchev, Jiří Pospíšil, Julia Pitera, Anna Záborská, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, László Tőkés, Inese Vaidere, Mairead McGuinness, Giovanni La Via
f'isem il-Grupp PPE
Elena Valenciano, Victor Boştinaru, Soraya Post, Cécile Kashetu Kyenge
f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Karol Karski, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki, Tomasz Piotr Poręba, Jadwiga Wiśniewska, Branislav Škripek, Ruža Tomašić, Anna Elżbieta Fotyga, Notis Marias, Monica Macovei, Arne Gericke
f'isem il-Grupp ECR
Catherine Bearder, Izaskun Bilbao Barandica, Nedzhmi Ali, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Dita Charanzová, Marielle de Sarnez, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, Nathalie Griesbeck, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Hannu Takkula, Pavel Telička, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Paavo Väyrynen, Cecilia Wikström, Ivo Vajgl, María Teresa Giménez Barbat
f'isem il-Grupp ALDE
Maria Lidia Senra Rodríguez, Marie-Christine Vergiat, Merja Kyllönen, Kateřina Konečná, Helmut Scholz, Lola Sánchez Caldentey, Xabier Benito Ziluaga, Miguel Urbán Crespo, Tania González Peñas, Estefanía Torres Martínez, Dimitrios Papadimoulis, Kostas Chrysogonos, Stelios Kouloglou
f'isem il-Grupp GUE/NGL
Jordi Solé, Bart Staes, Igor Šoltes, Bodil Valero, Ernest Urtasun, Davor Škrlec
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Isabella Adinolfi, Beatrix von Storch, Rolandas Paksas
f'isem il-Grupp EFDD
Barbara Kappel
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar iż-Żambja, b'mod partikolari l-każ ta' Hakainde Hichilema
( 2017/2681(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iż-Żambja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-16 ta' April 2017 mill-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar it-tensjoni politika fiż-Żambja,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE dwar l-elezzjonijiet tal-2016 fiż-Żambja,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni taż-Żambja,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi ż-Żambja ilu għal żmien twil eżempju tad-demokrazija, b'rekord ta' 25 sena ta' tranżizzjonijiet paċifiċi; billi sfortunatament it-tħejjija għall-elezzjonijiet tal-2016 kienet imtabba' minn ġlied vjolenti bejn il-partitarji taż-żewġ partijiet ewlenin, il-Front Patrijottiku u l-Partit Magħqud għall-Iżvilupp Nazzjonali (UPND, il-partit fl-oppożizzjoni);
B. billi fil-11 ta' Mejju 2017 għalaq xagħar fil-ħabs il-mexxej tal-UPND Hakainde Hichilema, li ġie arrestat flimkien ma' ħamsa mill-impjegati tiegħu minn uffiċjali tal-pulizija armati sew f'rejd fuq id-dar tiegħu fil-11 ta' April;
C. billi Hichilema ġie akkużat li pperikola l-ħajja tal-President billi allegatament ostakola l-vetturi presidenzjali f'Mongu fid-9 ta' April, u immedjatament ġie akkużat bi tradiment, reat li ma jistax jinħafer fiż-Żambja, kif ukoll li ma osservax id-dmir statutorju, ma obdiex l-ordnijiet legali u uża lingwaġġ offensiv; billi huwa ċaħad dawn l-allegazzjonijiet kollha;
D. billi, minkejja l-fatt li ż-Żambja huwa pajjiż li abolixxa de facto l-piena tal-mewt, fejn l-aħħar darba li saret eżekuzzjoni kienet fl-1997, is-sentenza massima għat-tradiment għadha l-piena tal-mewt;
E. billi l-avukati ta' Hichilema sostnew li l-każ huwa bla bażi u talbu li l-Qorti tal-Maġistrati ta' Lusaka twaqqa' l-akkużi; billi l-Qorti tal-Ġustizzja sostniet l-akkużi bir-raġunament li l-Qorti Għolja biss kienet kompetenti f'każijiet ta' tradiment;
F. billi Hichilema attwalment jinsab miżmum fil-Faċilità Korrettiva Ċentrali f'Lusaka, fejn l-aċċess għall-mezzi tax-xandir privati, l-avukati, il-partitarji u l-ħbieb huwa limitat; billi l-atti ta' trattament degradanti f'detenzjoni ġew irrappurtati minn Hichilema u l-avukati tiegħu;
G. billi l-UPND qies li l-akkużi huma politikament motivati u billi l-arrest ta' Hichilema wassal għal mewġa ta' protesti, ġlied vjolenti u żieda fit-tensjoni politika fil-pajjiż;
H. billi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem appellaw lill-awtoritajiet taż-Żambja biex iwaqqgħu l-akkużi, billi sostnew li kienu maħsuba biex jagħtu fastidju u jintimidaw lil Hichilema u biex iżommuh milli jwettaq il-ħidma politika tiegħu; billi l-President Lungu ddikjara, fl-14 ta' April 2017 li ma kienx se jinterferixxi fil-każ ta' Hichilema;
I. billi l-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi taż-Żambja kkritikat l-arrest brutali tal-mexxejja tal-oppożizzjoni ewlenin tal-pajjiż u kkundannaw l-użu tal-pulizija nazzjonali biex apparentement jipprevjenu l-organizzazzjoni u l-funzjonament ġenerali tal-oppożizzjoni politika;
J. billi wara l-elezzjoni presidenzjali f'Awwissu 2016, fejn Hichilema kien tilef b'marġni żgħir kontra l-President Lungu, l-UPND kkontesta l-leġittimità tar-riżultati tal-elezzjoni u l-indipendenza tal-ġudikatura, iżda l-ilment ġie miċħud mingħajr ma nstema' fil-qorti;
K. billi fit-18 ta' April 2017 Hichilema ġie akkużat bi tradiment għal darb'oħra, flimkien ma' ħames membri tal-UPND, talli allegatament ippruvaw iwaqqgħu l-gvern bejn il-5 u t-8 ta' April;
L. billi fit-13 ta' Novembru 2017 il-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE ressqet ir-rapport finali tagħha, fejn ġie ddikjarat li l-elezzjonijiet ġenerali tal-2016 kienu ppreparati b'mod li fil-biċċa l-kbira kien professjonali iżda li dawn iż-żewġ partiti politiċi ewlenin għamlu dikjarazzjonijiet li żiedu t-tensjoni matul il-kampanja, u dan wassal għal bosta inċidenti serji ta' vjolenza;
M. billi kemm l-UE kif ukoll l-Istati Uniti esprimew it-tħassib tagħhom dwar l-inkarċerazzjoni tal-kap tal-oppożizzjoni u talbu li jkun hemm djalogu paċifiku bejn il-gvern u l-UPND biex tittaffa t-tensjoni li żdiedet bejn iż-żewġ partiti;
N. billi fl-20 ta' April 2017 il-President taż-Żambja hedded li jimponi stat ta' emerġenza wara sensiela ta' attakki ta' ħruq fuq ħwienet u għases tal-pulizija attribwiti lill-UNDP; billi dan jista' jaggrava t-tensjoni attwali u jenħtieġ li tingħata preferenza lil soluzzjoni politika;
O. billi l-każ ta' Hichilema qed iseħħ f'kuntest fejn it-tensjoni politika żdiedet wara l-elezzjonijiet kkontestati tas-sena li għaddiet; billi l-osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem irrappurtaw atti ta' ripressjoni kontra attivisti politiċi u l-partiti tal-oppożizzjoni, l-użu eċċessiv tal-forza biex jisfrattaw dimostrazzjonijiet paċifiċi, u t-trażżin tal-mezzi tax-xandir u l-ġurnalisti indipendenti;
P. billi l-gvern esprima r-rieda tiegħu li jipparteċipa fi djalogu soġġett għall-aċċettazzjoni tal-partiti kollha mill-oppożizzjoni tar-riżultat elettorali 2016;
Q. billi ż-Żambja hija firmatarju tal-Ftehim ta' Cotonou, li l-Artikolu 9 tiegħu jistipula li l-Partiti jimpenjaw ruħhom li jippromwovu u jipproteġu l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem kollha, inklużi d-drittijiet politiċi;
R. billi fis-27 ta' Marzu 2017 il-Gvern taż-Żambja beda konsultazzjonijiet pubbliċi dwar is-sħubija tal-pajjiż fil-Qorti Kriminali Internazzjonali;
1. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-arrest u l-inkarċerazzjoni ta' Hakainde Hichilema u jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-ġustizzja, id-diliġenza u t-trasparenza fil-ħinijiet kollha fl-applikazzjoni tal-liġi u matul il-proċess tal-ġustizzja; jinnota bi tħassib rapporti ta' motivazzjoni politika fir-rigward tal-akkużi, u għalhekk ifakkar lill-Gvern taż-Żambja dwar l-obbligu tiegħu li jiggarantixxi d-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt, inkluż l-aċċess għall-ġustizzja u d-dritt għal proċess ġust, kif previst fil-Karta Afrikana u fi strumenti internazzjonali u reġjonali oħrajn tad-drittijiet tal-bniedem;
2. Jinsab imħasseb ħafna dwar ir-rapporti li dejjem qed jiżdiedu dwar ir-restrizzjonijiet fuq il-libertajiet tal-espressjoni u l-assoċjazzjoni; jistieden lill-gvern biex ikompli bl-isforzi tiegħu biex tiġi restawrata l-libertà sħiħa tal-mezzi tax-xandir; jinsisti fuq ir-responsabbiltà tal-gvern li jevita li t-tensjoni politika attwali tkompli taggrava u li jirrispetta, jipproteġi u jippromwovi d-drittijiet ċivili u politiċi taċ-ċittadini tiegħu;
3. Jistieden lill-awtoritajiet taż-Żambja biex iwettqu investigazzjoni fil-pront, imparzjali u bir-reqqa dwar l-allegat trattament ħażin ta' Hichilema matul id-detenzjoni tiegħu u biex dawk responsabbli jwieġbu għal għemilhom;
4. Iħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati politiċi rilevanti kollha biex jagħmlu użu minn rimedji kostituzzjonali u legali, f'konformità ma' normi u standards internazzjonali, għas-soluzzjoni ta' kwalunkwe tilwima jew differenza relatati mar-riżultati tal-elezzjoni, u biex jagħmlu l-almu tagħhom ħalli jissalvagwardjaw il-paċi u s-sigurtà tas-soċjetà ċivili;
5. Jistieden lill-UE tkompli tissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni ġenerali fiż-Żambja u biex tuża l-mezzi politiċi disponibbli, fosthom permezz ta' djalogu fl-ogħla livell, sabiex tiżgura li l-kundizzjonijiet tal-istat tad-dritt u d-demokrazija, ta' spazju politiku miftuħ, ta' istituzzjonijiet ħielsa u tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem jiġu miżmuma;
6. Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Gvern taż-Żambja biex jikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE dwar l-elezzjonijiet tal-2016, b'referenza partikolari għall-bżonn li jitneħħew il-limitazzjonijiet restrittivi fuq il-libertà ta' għaqda fl-Att tal-Ordni Pubbliku, biex jiġu ggarantiti l-libertà u l-indipendenza tal-mezzi tax-xandir, u biex jieħu l-miżuri xierqa kollha biex jipprevjeni l-vjolenza politika;
7. Jinsisti fuq il-ħtieġa urġenti għal djalogu paċifiku u kostruttiv bejn il-Front Patrijottiku u l-UPND sabiex jerġa' jkun hemm fiduċja u stabbiltà politika; jiġbed l-attenzjoni għar-responsabbiltà taż-żewġ partiti biex itemmu l-inċitament u l-provokazzjoni tal-vjolenza u biex joħolqu ambjent li jwassal għal dibattitu demokratiku miftuħ; jilqa' l-involviment u r-rwol ta' medjazzjoni tas-sħab internazzjonali u reġjonali f'dan ir-rigward, kif ukoll l-appell tal-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU għal djalogu biex tiġi indirizzata l-vjolenza politika;
8. Jappoġġja l-inizjattiva tal-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi taż-Żambja u ta' gruppi oħra tas-soċjetà ċivili fis-sejħa għal djalogu paċifiku bejn il-partiti opposti;
9. Itenni l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għall-użu tal-piena tal-mewt fi kwalunkwe każ u f'kull ċirkostanza; jilqa' l-fatt li ma saret l-ebda eżekuzzjoni fil-pajjiż mill-1997 'il quddiem; jistieden liż-Żambja jirratifika t-tieni Protokoll Fakultattiv għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi bil-għan li tiġi abolita l-piena tal-mewt;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, lill-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana u l-Parlament Pan-Afrikan, lill-Gvern taż-Żambja u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.