Dokument ta' sessjoni
B8-0511/2017 } RC1
13.9.2017
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
Verts/ALE ( B8-0506/2017 )
S&D ( B8-0507/2017 )
ECR ( B8-0509/2017 )
ALDE ( B8-0510/2017 )
PPE ( B8-0511/2017 )
dwar il-Kambodja, b'mod partikolari l-każ ta' Kem Sokha
( 2017/2829(RSP) )
Cristian Dan Preda, Tunne Kelam, Sandra Kalniete, Pavel Svoboda, Ivan Štefanec, Luděk Niedermayer, Bogdan Brunon Wenta, Tomáš Zdechovský, Lefteris Christoforou, Željana Zovko, Marijana Petir, Claude Rolin, Dubravka Šuica, Francis Zammit Dimech, Laima Liucija Andrikienė, Ivana Maletić, László Tőkés, Michaela Šojdrová, Sven Schulze, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Milan Zver, Adam Szejnfeld, Elisabetta Gardini, Ramona Nicole Mănescu, Roberta Metsola, Joachim Zeller, Eduard Kukan, Deirdre Clune, Seán Kelly, Andrey Kovatchev, Krzysztof Hetman, Csaba Sógor, Julia Pitera, Stanislav Polčák, Patricija Šulin, Mairead McGuinness, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Inese Vaidere
f'isem il-Grupp PPE
Elena Valenciano, Victor Boştinaru, Soraya Post, David Martin
f'isem il-Grupp S&D
Branislav Škripek, Ruža Tomašić, Karol Karski, Valdemar Tomaševski, Charles Tannock, Jana Žitňanská, Anna Elżbieta Fotyga, Monica Macovei, Raffaele Fitto, Notis Marias, Urszula Krupa, Angel Dzhambazki
f'isem il-Grupp ECR
Petras Auštrevičius, Nedzhmi Ali, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, Nathalie Griesbeck, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Patricia Lalonde, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Hannu Takkula, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Paavo Väyrynen, Cecilia Wikström, Dita Charanzová, Marietje Schaake, Norica Nicolai, Filiz Hyusmenova, Valentinas Mazuronis
f'isem il-Grupp ALDE
Barbara Lochbihler, Bodil Valero, Maria Heubuch, Heidi Hautala, Jordi Solé, Igor Šoltes, Florent Marcellesi, Ernest Urtasun, Bronis Ropė, Sven Giegold, Davor Škrlec, Michel Reimon, Reinhard Bütikofer
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Isabella Adinolfi, Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Laura Ferrara
f'isem il-Grupp EFDD
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Kambodja, b'mod partikolari l-każ ta' Kem Sokha
( 2017/2829(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kambodja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet lokali tal-UE tal-5 ta' Settembru 2017 dwar l-għeluq tal-Cambodia Daily, tat-30 ta' Ġunju 2017 dwar ir-rilaxx ta' ħames difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u tat-22 ta' Frar 2017 dwar is-sitwazzjoni politika fil-Kambodja, u d-dikjarazzjonijiet tal-Kelliemi tad-Delegazzjoni tal-UE tat-3 ta' Settembru 2017 u tal-25 ta' Awwissu 2017 dwar restrizzjonijiet tal-ispazju politiku fil-Kambodja,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-5 ta' Settembru 2016 u d-dikjarazzjoni tat-18 ta' Awwissu 2017 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja,
– wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet ta' għeluq tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tas-27 ta' April 2015 rigward it-tieni rapport perjodiku dwar il-Kambodja,
– wara li kkunsidra r-rapport ta' Marzu 2017 tal-Parlamentari tal-ASEAN għad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,
– wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE tal-2008 dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni tal-1997 bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Kambodja,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-8 ta' Marzu 1999 dwar id-Dritt u r-Responsabilità ta' Individwi, Gruppi u Organi tas-Soċjetà li Jippromwovu u Jħarsu d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali Universalment Rikonoxxuti,
– wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Paċi ta' Pariġi tal-1991, li fl-Artikolu 15 tagħhom jistabbilixxu impenn dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-Kambodja, inkluż min-naħa tal-firmatarji internazzjonali,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Kambodjana, b'mod partikolari l-Artikolu 41 tagħha, li fih huma minquxa d-drittijiet u l-libertajiet ta' espressjoni u ta' għaqda, l-Artikolu 35tagħha dwar id-dritt għal parteċipazzjoni politika u l-Artikolu 80 tagħha dwar l-immunità parlamentari,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fil-Kambodja qed iseħħu għadd dejjem jikber ta' arresti ta' membri tal-oppożizzjoni politika, ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u ta' rappreżentanti tas-soċjetà ċivili;
B. billi l-mexxej tal-oppożizzjoni Kambodjan Kem Sokha safa arrestat fit-3 ta' Settembru 2017, f'mossa li tidher li saret bla ebda rispett tal-garanziji ta' proċess ġust, inkluż ir-rispett tal-immunità parlamentari tiegħu;
C. billi Sokha qed jiffaċċja akkużi ta' "kollużjoni ma' barranin" skont l-Artikolu 443 tal-kodiċi penali tal-Kambodja, att li jitqies bħala tradiment mill-Qorti Muniċipali ta' Phnom Penh; billi jista' jeħel sa 30 sena ħabs jekk jinstab ħati;
D. billi, skont ma ġie rrappurtat, Kem Sokha safa arrestat mingħajr mandat, u ma ngħatax aċċess għal avukat; billi huwa ġie akkużat fuq il-bażi ta' filmat ta' diskors li ta fl-2013, liema filmat ilu disponibbli għall-pubbliku minn dak iż-żmien 'il hawn; billi organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem esprimew tħassib li d-dikjarazzjonijiet mill-Gvern Kambodjan ipperikolaw id-dritt tiegħu għal proċess ġust u l-preżunzjoni tal-innoċenza;
E. billi Hun Sen, dari kmandant tal-armata tal-Khmer Rouge u llum Prim Ministru, ilu fil-poter għal aktar minn 30 sena; billi Sam Rainsy, l-eks President tal-partit ewlieni tal-oppożizzjoni, il-Partit ta' Salvataġġ Nazzjonali tal-Kambodja (CNRP), għadu jgħix fl-eżilju, b'għażla tiegħu stess, minħabba prosekuzzjonijiet li sarulu fuq akkużi vvintati u mmotivati minn kunsiderazzjonijiet politiċi;
F. billi fl-elezzjonijiet lokali li saru fl-4 ta' Ġunju 2017, is-CNRP mar ħafna 'l quddiem meta mqabbel mal-2012, minkejja nuqqasijiet fundamentali fil-proċess elettorali, b'mod partikolari l-intimidazzjoni tal-midja ħielsa u ta' ċittadini kritiċi, l-assenza ta' aċċess ekwu tal-oppożizzjoni għax-xandir bir-radju u bit-televiżjoni, kontroll tal-partiti fil-gvern fuq l-istituzzjonijiet relatati mal-elezzjoni, theddidiet ta' qtil kontra kandidati tal-oppożizzjoni u n-nuqqas ta' mekkaniżmu indipendenti għar-riżoluzzjoni tat-tilwim; billi l-elezzjonijiet ġenerali huma skedati għal Lulju 2018;
G. billi żewġ leġiżlaturi oħra tal-oppożizzjoni wkoll jinsabu fil-ħabs, u billi tmienja oħra għandhom akkużi kriminali pendenti kontrihom; bill-11-il membru u sostenitur tal-partiti tal-oppożizzjoni bħalissa qed jiskontaw pieni ta' bejn seba' snin u 20 sena ħabs fuq akkużi foloz li mexxew insurrezzjoni, jew li ħadu sehem fiha, bi rbit ma' dimostrazzjoni li saret f'Lulju 2014,
H. billi emendi li l-parlament Kambodjan adotta fl-2017 għal-Liġi dwar il-Partiti Politiċi jippermettu li partiti jiġu xolti jekk il-mexxejja tagħhom jinstabu ħatja ta' atti kriminali; billi l-Ministeru tal-Intern tal-Kambodja għandu setgħat wiesgħa biex jissospendi partiti politiċi abbażi ta' kriterji li huma definiti biss b'mod vag; billi fil-11 ta' Settembru 2017 il-Prim Ministru Hun Sen hedded li jxolji s-CNRP, jekk dan il-partiti jibqa' jsostni l-mexxej Kem Sokha li jinsab detenut;
I. billi l-kap tal-grupp taż-żgħażagħ tas-CNRP nħariġlu mandat ta' arrest;
J. billi l-arrest ta' Kem Sokha sar f'kuntest ta' tkattir tar-restrizzjonijiet fuq NGOs, fuq organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u fuq is-soċjetà ċivili, inklużi investigazzjonijiet tat-taxxa u oħrajn regolatorji, intimidazzjoni u theddidiet ta' vjolenza; billi l-Liġi tal-2015 dwar l-Assoċjazzjonijiet u l-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi (LANGO) ġiet ikkritikata bil-kbir mill-komunità internazzjonali minħabba s-setgħat wiesgħa u arbitarji tagħha li tirreprimi l-NGOs;
K. billi f'dawn l-aħħar ġimgħat ingħalqu għadd sinifikanti ta' stazzjonijiet tar-radju li jirritrażmettu programmi minn stazzjonijiet tar-radju oħra ta' fama tajba; billi dawn l-istazzjonijiet ingħalqu mill-gvern minħabba vjolazzjonijiet bħax-"xandir ta' programmi barranin mingħajr talba għal awtorizzazzjoni"; billi l-għeluq tagħhom jillimita bil-kbir l-aċċess għal xandiriet tal-midja indipendenti, b'mod partikolari barra Phnom Penh; billi dawn l-istazzjonijiet tal-media indipendenti kienu qed jittrattaw suġġetti politikament sensittivi bħall-korruzzjoni, il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;
L. billi f'April 2016 ħames difensuri tad-drittijiet tal-bniedem mill-Assoċjazzjoni Kambodjana għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Iżvilupp (ADHOC) inżammu għal aktar minn 400 jum minħabba akkużi ta' tixħim bi rbit ma' kawża kontra Kem Sokha, u bħalissa qed jistennew li jsirilhom proċess; billi l-attivist tad-drittijiet tal-art Tep Vanny ripetutement safa fil-mira tal-awtoritajiet u ġie ffastidjat minnhom, u bħalissa qed jiskonta piena ta' ħabs fuq akkużi motivati politikament;
M. billi fl-4 ta' Settembru 2017, il-Cambodia Daily, gazzetta indipendenti mwaqqfa fl-1993, ġiet imġiegħla tagħlaq wara li rċeviet kont tat-taxxa li ammonta għal USD 6,3 miljun;
N. billi fit-23 ta' Awwissu 2017, il-Gvern Kambodjan ħabbar it-tkeċċija taħt il-LANGO tal-Istitut Demokratiku Nazzjonali (NDI), organizzazzjoni mhux governattiva bbażata fl-Istati Uniti, u ordna li l-persunal internazzjonali tagħha jitlaq mill-pajjiż fi żmien sebat ijiem;
O. billi l-Gvern Kambodjan dan l-aħħar qiegħed taħt investigazzjoni lill-konsorzju Situation Room, grupp ta' NGOs li ħadmu flimkien bħala għassiesa tal-elezzjonijiet, talli allegatament kisru l-liġi l-ġdida dwar gruppi mhux governattivi u talli servew ta' bażi għall-possibbiltà ta' "rivoluzzjoni tal-lewn" li twaqqa' l-gvern;
1. Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar is-sitwazzjoni dejjem teħżien tal-politiċi tal-oppożizzjoni u tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja, u jikkundanna l-atti ta' vjolenza, l-akkużi motivati politikament, id-detenzjoni arbitrarja, l-interrogatorji, is-sentenzi u d-dikjarazzjonijiet ta' ħtija kollha fir-rigward ta' dawn il-persuni;
2. Jikkundanna bil-qawwa l-arrest tal-President tas-CNRP, Kem Sokha, fuq għadd ta' akkużi li jidhru li huma motivati politikament; jitlob li Kem Sokha jinħeles minnufih u bla kundizzjonijiet, li l-akkużi kollha kontrih jitwaqqgħu, kif ukoll li jintemmu t-theddidiet ta' arrest kontra leġiżlaturi oħra tal-oppożizzjoni;
3. Jiddeplora d-dikjarazzjonijiet pubbliċi magħmula mill-Prim Ministru u minn uffiċjali ta' livell għoli dwar il-ħtija allegata ta' Kem Sokha, li jikkostitwixxu ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt għal proċess ġust, li għalihom huwa intitolat skont id-dritt tal-Kambodja u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jappella lill-Prim Ministru biex jipproteġi l-immunità parlamentari tal-Membri tal-Parlament;
4. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kambodjani jirrevokaw il-mandat ta' arrest, u jwaqqgħu l-akkużi kollha miġjuba kontra l-mexxej tal-oppożizzjoni u leġiżlatur Sam Rainsy, u jeħilsu u jwaqqgħu l-akkużi kontra l-uffiċjali oħra tal-oppożizzjoni u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li ġew ikkundannati, akkużati, u mibgħuta l-ħabs, b'mod partikolari l-Membru tal-Assemblea Nazzjonali Um Sam An, is-Senatur Hong Sok Hour u l-attivist tad-drittijiet tal-art Tep Vanny;
5. Iħeġġeġ lill-Gvern Kambodjan jiggarantixxi l-libertà ta' espressjoni u tal-midja fil-pajjiż, filwaqt li jsostni li kwalunkwe kwistjoni tat-taxxa jew ta' tip ieħor għandha tiġi riżolta permezz ta' proċess ġust rilevanti; iħeġġeġ lill-gvern jerġa' jiftaħ l-istazzjonijiet tar-radju li ngħalqu; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-għeluq tal-Istitut Demokratiku Nazzjonali (NDI) mingħajr proċess ġust;
6. Iħeġġeġ lill-Gvern Kambodjan jiżgura li fil-miżuri kollha meħuda jseħħ proċess ġust, inkluż id-dritt ta' appell, u jħeġġu jirrispetta d-drittijiet għal-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni;
7. Iħeġġeġ lill-Gvern Kambodjan jaħdem biex isaħħaħ id-demokrazija u l-istat tad-dritt u jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inkluż li jikkonforma bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali dwar il-pluraliżmu u l-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni;
8. Ifakkar lill-Gvern Kambodjan li jeħtieġlu jissodisfa l-obbligi u l-impenji tiegħu rigward il-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, li huma element essenzjali tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni;
9. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-ħtif tal-art li għaddej, u dwar it-tnedija reċenti ta' skema ta' kumpens parzjali u limitat min-naħa tal-Gvern Kambodjan; jistieden lill-Gvern Kambodjan biex jissokta d-djalogu mas-sħab, inklużi l-Unjoni Ewropea u s-soċjetà ċivili, bil-ħsieb li jiġi stabbilit kumpens komprensiv u inklussiv;
10. Jenfasizza li proċess demokratiku kredibbli li jwassal għall-elezzjoni tal-Assemblea Nazzjonali f'Lulju 2018 jirrikjedi ambjent li fih il-partiti politiċi, is-soċjetà ċivili u l-midja jkunu jistgħu jwettqu r-rwoli leġittimi tagħhom mingħajr biża' u mingħajr ma jkunu soġġetti għal theddidiet jew restrizzjonijiet arbitrarji;
11. Iħeġġeġ lill-Gvern Kambodjan jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, u jħeġġu jinvolvi ruħu b'mod sinifikanti fir-Rapport li ġej tar-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja;
12. Jenfasizza l-importanza tal-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali tal-UE u ta' entitajiet internazzjonali u l-kontribut tagħhom għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti; jistieden lill-Kumitat tal-Elezzjonijiet Nazzjonali tal-Kambodja (NEC) u lill-awtoritajiet governattivi rilevanti jiżguraw li l-votanti eliġibbli kollha, inklużi l-ħaddiema migranti u d-detenuti, ikollhom aċċess għal opportunitajiet ta' reġistrazzjoni, u ħin biżżejjed biex jieħdu vantaġġ minnhom;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tal-Kambodja.