Dokument ta' sessjoni
B8-0526/2017 } RC1
13.9.2017
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
EFDD ( B8-0512/2017 )
S&D ( B8-0514/2017 )
GUE/NGL ( B8-0515/2017 )
Verts/ALE ( B8-0520/2017 )
ECR ( B8-0522/2017 )
ALDE ( B8-0524/2017 )
PPE ( B8-0526/2017 )
dwar il-Gabon: trażżin tal-oppożizzjoni
( 2017/2830(RSP) )
Cristian Dan Preda, Joachim Zeller, Sandra Kalniete, Jarosław Wałęsa, Pavel Svoboda, Ivan Štefanec, Luděk Niedermayer, Tunne Kelam, Bogdan Brunon Wenta, Tomáš Zdechovský, Lefteris Christoforou, Željana Zovko, Marijana Petir, Claude Rolin, Dubravka Šuica, Francis Zammit Dimech, Maurice Ponga, Laima Liucija Andrikienė, Ivana Maletić, László Tőkés, Sven Schulze, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Milan Zver, Adam Szejnfeld, Elisabetta Gardini, Ramona Nicole Mănescu, Roberta Metsola, Eduard Kukan, Seán Kelly, Deirdre Clune, Andrey Kovatchev, Krzysztof Hetman, Stanislav Polčák, Csaba Sógor, Julia Pitera, Patricija Šulin, Mairead McGuinness, Inese Vaidere
f'isem il-Grupp PPE
Elena Valenciano, Victor Boştinaru, Soraya Post, Jo Leinen
f'isem il-Grupp S&D
Anna Elżbieta Fotyga, Monica Macovei, Raffaele Fitto, Notis Marias, Angel Dzhambazki, Valdemar Tomaševski, Branislav Škripek, Ruža Tomašić, Karol Karski, Charles Tannock
f'isem il-Grupp ECR
Hilde Vautmans, Urmas Paet, Nedzhmi Ali, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, Nathalie Griesbeck, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Javier Nart, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Robert Rochefort, Hannu Takkula, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Paavo Väyrynen, Cecilia Wikström, Dita Charanzová, Marietje Schaake, Norica Nicolai, Filiz Hyusmenova, Valentinas Mazuronis
f'isem il-Grupp ALDE
Marie-Christine Vergiat, Lola Sánchez Caldentey, Barbara Spinelli, Miguel Urbán Crespo, Estefanía Torres Martínez, Tania González Peñas, Xabier Benito Ziluaga
f'isem il-Grupp GUE/NGL
Yannick Jadot, Michèle Rivasi, Maria Heubuch, Heidi Hautala, Judith Sargentini, Eva Joly, Florent Marcellesi, Bodil Valero, Barbara Lochbihler, Bart Staes, Ernest Urtasun, Igor Šoltes, Davor Škrlec, Bronis Ropė, Jordi Solé
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Isabella Adinolfi, Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Piernicola Pedicini, Laura Ferrara, Rolandas Paksas
f'isem il-Grupp EFDD
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Gabon: trażżin tal-oppożizzjoni
( 2017/2830(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Gabon, b'mod partikolari dik tat-2 ta' Frar 2017 dwar il-kriżi tal-istat tad-dritt fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u fil-Gabon[1],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta li saret fl-24 ta' Settembru 2016 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) u l-Kummissarju għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Internazzjonali, Neven Mimica, wara li l-Qorti Kostituzzjonali tal-Gabon ħabbret ir-riżultati uffiċjali tal-elezzjoni presidenzjali tal-2016,
– wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Unjoni Afrikana fl-1 ta' Settembru 2016, li kkundannat il-vjolenza u appellat għar-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt postelettorali fil-Gabon,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Ġunju 2017 dwar impetu mġedded għas-Sħubija Afrika-UE,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-11 ta' Settembru 2016 dwar il-Gabon mill-kelliema tal-VP/RGħ Federica Mogherini u l-Kummissarju għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Internazzjonali Neven Mimica,
– wara li kkunsidra l-intervent tal-UE tad-9 ta' Marzu 2017 fl-34 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, taħt il-Punt 2 tad-Djalogu Interattiv mal-Kummissarju Għoli,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 359 (LIX) 2016 tal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli fl-4 ta' Novembru 2016 dwar is-Sitwazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-Repubblika Gaboniża,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Gaboniża,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou rivedut,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ta' Ġunju 1981,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi ta' Diċembru 1966,
– wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-elezzjonijiet presidenzjali ta' Awwissu 2016 fil-Gabon qajmu allegazzjonijiet ta' tbagħbis fil-votazzjoni; billi fil-jiem wara l-elezzjonijiet, il-parlament tal-pajjiż inqered minn nirien u bosta dimostranti nqatlu u mijiet oħra ġew arrestati; billi, għad li b'mod ġenerali s-sitwazzjoni ta' sigurtà stabbilizzat ruħha, it-tensjonijiet politiċi u soċjali fil-pajjiż għadhom qawwija u qed ikomplu jmorru għall-agħar minħabba sitwazzjoni ekonomika batuta;
B. billi waħda mill-karatteristiċi ta' demokrazija hija r-rispett lejn il-Kostituzzjoni, li fuqha huma msejsa l-istat, l-istituzzjonijiet u l-istat tad-dritt; billi elezzjonijiet paċifiċi, kredibbli u trasparenti fil-Gabon kieku kienu jikkontribwixxu bil-kbir biex tiġi indirizzata l-isfida tal-progress demokratiku u tal-alternanza tal-poter li qed iħabbat wiċċu magħha r-reġjun tal-Afrika Ċentrali; billi l-elezzjonijiet parlamentari tal-Gabon, li oriġinarjament kienu skedati għal Diċembru 2016, ġew posposti darbtejn għal April 2018, u b'hekk se jkunu qabżu l-iskadenza kostituzzjonali;
C. billi fil-Gabon, b'mod partikolari mindu faqqgħet il-vjolenza wara l-elezzjoni f'Awwissu 2016, saru arresti, qtil u għajbien sfurzat, kif ġie rrappurtat minn diversi organizzazzjonijiet internazzjonali u mhux governattivi; billi fil-Gabon kien hemm żieda fil-vjolenza politika, speċjalment fil-kapitali, Libreville, fejn bosta djar li jappartjenu lill-membri tal-oppożizzjoni politika ġew attakkati;
D. billi l-awtoritajiet wettqu azzjonijiet repressivi fuq il-membri tal-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili li jopponu lill-gvern attwali; billi l-gruppi tad-drittijiet tal-bniedem jirrapportaw bla waqfien dwar is-sitwazzjoni li sejra għall-agħar fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertà tal-espressjoni u ta' għaqda, inkluż l-użu ta' forza eċċessiva kontra dimostranti paċifiċi, arresti u detenzjonijiet arbitrarji, u proċessi b'motivi politiċi;
E. billi diversi allegazzjonijiet li saru qabel u wara l-elezzjonijiet tal-2016 assoċjaw lir-reġim ta' Ali Bongo ma' każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem bħalma huma l-arresti arbitrarji u d-detenzjoni fit-tul f'kundizzjonijiet inumani, it-tortura, każijiet ta' qtil extraġudizzjarju u l-għajbien sfurzat ta' ċivili u ġurnalisti li esprimew li jopponu r-reġim tiegħu jew l-elezzjoni mill-ġdid tiegħu;
F. billi l-Gabon huwa parti għall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat, jinsab fil-proċess li jimplimenta d-dispożizzjonijiet tagħha fil-liġi nazzjonali u għandu l-obbligu li jikkondividi man-Nazzjonijiet Uniti informazzjoni dwar il-progress li sar minn mindu ġiet ratifikata l-Konvenzjoni fl-2011 u dwar dak li ġara wara l-elezzjoni tal-2016; billi l-Kumitat tan-NU dwar l-Għajbien Sfurzat bħalissa qed iqis ir-rapport tal-Gabon u jeżamina mill-ġdid il-progress ta' din l-implimentazzjoni;
G. billi l-President Ali Bongo ta bidu għal "djalogu nazzjonali" bħala parti mill-isforzi biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi li faqqgħet minħabba li reġa' ġie elett, djalogu li għalih attendew rappreżentanti ta' 1 200 grupp mis-soċjetà ċivili u madwar 50 partit politiku, skont il-Prim Ministru Emmanuel Issoze Ngondet; billi t-taħditiet ġew ibbojkottjati minn Jean Ping u mexxejja ewlenin oħra tal-oppożizzjoni;
H. billi, fit-18 ta' Awwissu 2017, il-kandidat presidenzjali Jean Ping għamel appell ta' "diżubbidjenza ċivili" lill-poplu tal-Gabon u appella biex il-president jitneħħa mill-poter;
I. billi f'dawn l-aħħar ġimgħat ġew detenuti għexieren ta' persuni b'rabta ma' dimostrazzjonijiet paċifiċi u mhux awtorizzati b'appoġġ għal Jean Ping, u bosta minnhom għadhom detenuti;
J. billi, fit-2 ta' Settembru 2017, il-mexxej tal-oppożizzjoni politika u ex kandidat presidenzjali Jean Ping u l-mexxejja ta' 'l fuq minn għoxrin partit tal-oppożizzjoni nżammew milli jitilqu mill-pajjiż mingħajr ma ġew innotifikati b'din ir-restrizzjoni u mingħajr ma ġiet ippubblikata lista ta' individwi kkonċernati; billi din il-miżura tneħħiet fit-8 ta' Settembru;
K. billi l-gvern pprojbixxa lill-avversarji politiċi li jikkontestaw ir-rebħa ta' Ali Bongo milli jitkellmu fuq il-mezzi tax-xandir pubbliċi u privati;
L. billi quddiem il-qrati Franċiżi tressqu kawżi individwali kontra bosta individwi Gaboniżi bi profil għoli fir-rigward ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u "qligħ illeċitu" (biens mal-acquis);
M. billi l-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi għadhom kif ikkonkludew investigazzjoni dwar qligħ illeċitu mill-Gabon investit fi Franza u identifikaw u ssekwestraw oġġetti b'valur ta' bejn EUR 50 u EUR 60 miljun wara lmenti mressqa mill-fergħa Franċiża ta' Transparency International u minn ċittadin Gaboniż; billi l-inkjesta żvelat li sar pagament ta' EUR 1.3 miljuni f'kont bankarju użat għax-xiri ta' merkanzija fi Franza għall-familja Bongo;
N. billi l-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali (MOE) tal-UE, mistiedna mill-Gvern Gaboniż biex tissorvelja l-elezzjonijiet presidenzjali, ikkonkludiet fir-rapport finali tagħha li l-proċess elettorali, u speċifikament il-konsolidazzjoni tar-riżultati tal-elezzjonijiet u l-proċess tal-appelli, ma kienx trasparenti; billi l-MOE kkonkludiet li dawn l-anomaliji jitfgħu f'dubju l-integrità tal-proċess tal-konsolidazzjoni tar-riżultati u tar-riżultat finali tal-elezzjoni;
1. Ifakkar fl-impenn li ħa l-Gabon, fil-qafas tal-Ftehim ta' Cotonou, li jirrispetta d-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem, li jinkludu l-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-għaqda u l-aċċess għall-mezzi tax-xandir, il-governanza tajba u t-trasparenza fil-karigi politiċi;
2. Ifakkar lill-Gabon fid-dmirijiet u r-responsabilitajiet tiegħu bħala Stat Parti, fosthom biex jipprovdi informazzjoni ċara u tanġibbli dwar ir-riformi li saru mir-ratifika 'l hawn, dwar il-vjolenza ta' wara l-elezzjonijiet, u dwar l-azzjoni meħuda sabiex tiġi stabbilita l-verità u jkun żgurat li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;
3. Jenfasizza r-rwol fundamentali li taqdi l-oppożizzjoni f' soċjetà demokratika; jikkundanna bil-qawwa l-pressjoni u l-intimidazzjoni fil-konfront tal-oppożizzjoni fil-Gabon; iqis li huwa inaċċettabbli li diversi mexxejja tal-oppożizzjoni fil-Gabon, inkluż il-kandidat għall-elezzjoni presidenzjali tal-2016, Jean Ping, ġew miċħuda b'mod temporanju d-dritt li joħorġu mill-pajjiż; ifakkar li l-liġi Gaboniża tipprevedi din il-miżura eċċezzjonali għal persuni taħt investigazzjoni kriminali biss; iqis, għalhekk, li din il-miżura hi ta' natura arbitrarja;
4. Jikkundanna bil-qawwa t-theddid kostanti, l-attakki, l-użu tal-forza u r-restrizzjonijiet u l-intimidazzjonijiet severi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom l-oppożizzjoni, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti fil-Gabon; jitlob lill-awtoritajiet jirrispettaw id-dritt tal-oppożizzjoni għal protesti paċifiċi u jeħilsu immedjatament lil kull min qed jinżamm inġustament, iwaqqfu kull fastidju, intimidazzjoni u persekuzzjoni tal-oppożizzjoni u jieħdu miżuri konkreti biex jiggarantixxu l-libertà tal-espressjoni;
5. Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Gabon iwettaq riforma eżawrjenti u f'waqtha tal-qafas elettorali, fil-qies tar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-MOE tal-UE bil-għan li jtejbu dan il-qafas u jagħmluh għalkollox trasparenti u kredibbli; jenfasizza li l-awtoritajiet Gaboniżi jeħtiġilhom jiggarantixxu kooperazzjoni sħiħa u sinċiera mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha nazzjonali u internazzjonali sabiex jiżguraw li l-elezzjonijiet parlamentari li jmiss, li suppost ilhom li saru, ikunu trasparenti u kredibbli u jseħħu f'ambjent liberu, demokratiku, inklużiv u paċifiku;
6. Jirrikonoxxi li għadu għaddej Djalogu Politiku Intensifikat bejn l-UE u l-Gabon, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Cotonou; iħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti jikkooperaw għalkollox u jaħdmu biex dan il-proċess ikun suċċess tanġibbli;
7. Jesprimi riżervi dwar l-inklużività u għaldaqstant il-kredibilità u r-rilevanza tad-djalogu nazzjonali mibdi mill-gvern; jinnota li Jean Ping u l-Koalizzjoni għar-Repubblika l-Ġdida tiegħu rrifjutaw li jieħdu sehem fid-djalogu;
8. Jemmen li l-firdiet politiċi u soċjali profondi attwali fil-Gabon jirrikjedu rispons politiku ċar biex tiġi ppreżervata l-istabilità tal-pajjiż, tiżdied il-fiduċja fost iċ-ċittadini fil-Gabon u tingħata leġittimità reali lill-istituzzjonijiet; jitlob li ssir inkjesta internazzjonali, immexxija min-NU, dwar l-elezzjonijiet u l-abbużi li twettqu minn dak iż-żmien, sabiex jiġi ddeterminat kif għandu jiġi stabbilit djalogu politiku li jippermetti li tiġi riżolta l-kriżi, filwaqt li jiġu ggarantiti d-drittijiet demokratiċi tal-poplu Gaboniż;
9. Iħeġġeġ bil-qawwa partikolarment lill-Franza, minħabba r-rabtiet qawwija u storiċi tagħha mal-Gabon, biex tuża l-influwenza politika u ekonomika kollha tagħha fil-konfront tal-Gvern Gaboniż u biex tiżvolġi rwol kostruttiv fl-istituzzjonijiet tal-UE f'dan ir-rigward;
10. Jistieden lid-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Gabon biex tkompli l-monitoraġġ mill-qrib tagħha tal-iżviluppi fil-Gabon u tuża l-għodod xierqa kollha, l-istrumenti u d-Djalogu Politiku Intensifikat biex tippromwovi l-elementi essenzjali tal-Ftehim ta' Cotonou u tappoġġa l-movimenti favur id-demokrazija;
11. Jistieden lill-VP/RGħ, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw mill-ġdid il-politiki tagħhom fir-rigward tal-Gabon u jqisu sanzjonijiet immirati għal individwi responsabbli għall-frodi elettorali u l-vjolenza sussegwenti mwettqa fil-Gabon;
12. Itenni l-appell tiegħu lill-Gvern Gaboniż sabiex jistabbilixxi sistema ġudizzjarja u reġim ta' sanzjonijiet li jiżguraw li l-arresti u sentenzi jkunu proporzjonati mas-serjetà tad-delitt;
13. Iħeġġeġ lill-gvern iwieġeb b'mod konkret għat-tħassib tal-komunità internazzjonali billi jniedi forum konsultattiv f'waqtu, ġenwinament inklużiv, trasparenti u imparzjali għad-djalogu; jistieden ukoll lill-oppożizzjoni tivvaluta l-kredibilità ta' proċess bħal dan;
14. Jistieden lill-atturi politiċi kollha juru responsabilità u rażan, u b'mod partikolari biex joqogħdu lura milli jinċitaw il-vjolenza;
15. Jistieden lill-parteċipanti tas-Summit UE-Afrika li jmiss f'Abidjan sabiex ipoġġu s-sitwazzjoni tal-Gabon fuq l-aġenda u jfakkru lil Gabon fl-impenji tiegħu favur id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;
16. Jilqa' l-investigazzjoni mwettqa fi Franza dwar il-qligħ illeċitu mill-Gabon u jesprimi t-tama tiegħu li dawk kollha involuti f'attivitajiet illegali jitressqu quddiem il-ġustizzja; jitlob li jkun hemm trasparenza totali rigward il-ħlas ta' EUR 1.3 miljuni f'kont tal-bank Franċiż marbut mal-familja Bongo;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-President u lill-Parlament tal-Gabon, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.