Dokument ta' sessjoni

 

   B8-0678/2017 }

   B8-0679/2017 }

   B8-0681/2017 }

   B8-0683/2017 }

   B8-0684/2017 } RC1

 

13.12.2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

PPE ( B8-0678/2017 )

Verts/ALE ( B8-0679/2017 )

ALDE ( B8-0681/2017 )

ECR ( B8-0683/2017 )

S&D ( B8-0684/2017 )

dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan

( 2017/2932(RSP) )

Cristian Dan Preda, Tunne Kelam, Arnaud Danjean, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Sandra Kalniete, David McAllister, Dubravka Šuica, Laima Liucija Andrikienė, Elmar Brok, Daniel Caspary, Lorenzo Cesa, Michael Gahler, Manolis Kefalogiannis, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Alojz Peterle, Julia Pitera, Tokia Saïfi, Jaromír Štětina

f'isem il-Grupp PPE

Victor Boştinaru, Elena Valenciano, Ana Gomes

f'isem il-Grupp S&D

Charles Tannock, Karol Karski, Ruža Tomašić, Valdemar Tomaševski, Jan Zahradil, Jana Žitňanská, Urszula Krupa, Branislav Škripek

f'isem il-Grupp ECR

Petras Auštrevičius, Patricia Lalonde, Dita Charanzová, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, Fredrick Federley, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Ilhan Kyuchyuk, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Ivo Vajgl, Hilde Vautmans, Cecilia Wikström

f'isem il-Grupp ALDE

Bodil Valero

f'isem il-Grupp Verts/ALE

Barbara Kappel

 

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan

( 2017/2932(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-Konferenza Internazzjonali ta' Brussell dwar l-Afganistan tal-5 ta' Ottubru 2016 kopreseduta mill-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Afganistan, b'mod partikolari dawk tas-26 ta' Novembru 2015 dwar l-Afganistan, b'mod partikolari l-każijiet ta' qtil fil-provinċja ta' Zabul[1] u tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar in-negozjati għal ftehim ta' kooperazzjoni bejn l-UE u l-Afganistan dwar sħubija u żvilupp[2],

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Afganistan tas-16 ta' Ottubru 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-14 ta' Settembru 2016 dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2210 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, ir-Riżoluzzjoni 2344 (2017) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u l-mandat tal-Missjoni ta' Assistenza tan-NU fl-Afganistan (UNAMA),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u s-SEAE lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar "Elementi għal strateġija tal-UE dwar l-Afganistan" tal-24 ta' Lulju 2017 (JOIN(2017)0031),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Human Rights Watch tat-13 ta' Frar 2017 bit-titolu "Pakistan Coercion, UN Complicity: The Mass Forced Return of Afghan Refugees", (Il-Koerċizzjoni tal-Pakistan, il-Kompliċità tan-NU: Ir-Ritorn Furzat tal-Massa tar-Rifuġjati Afgani),

–  wara li kkunsidra r-rapport trimestrali tal-Ispettur Ġenerali Speċjali tal-Istati Uniti għar-Rikostruzzjoni tal-Afganistan (SIGAR) lill-Kungress tal-Istati Uniti tat-30 ta' Jannar 2017,

–  wara li kkunsidra t-Triq Konġunta 'l Quddiem dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni bejn l-Afganistan u l-UE ffirmata fit-3 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni UE-Afganistan dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp iffirmat fit-18 ta' Frar 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tan-NU dwar it-Trattament ta' Detenuti b'rabta mal-konflitt fl-Afganistan April 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha ilhom sa mill-2001 jaħdmu mal-Afganistan u mal-komunità internazzjonali usa' sabiex jiġġieldu kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu, filwaqt li jistinkaw ukoll biex jiksbu l-paċi u l-iżvilupp sostenibbli; billi ż-żieda fil-pressjoni kawża tar-ribelljoni u tat-terroriżmu, is-sitwazzjoni ekonomika diffiċli u l-instabbiltà politika jpoġġu f'riskju dawn l-għanijiet u l-progress sostanzjali li nkisbu;

B.  billi, sa mill-2002, l-UE u l-Istati Membri tagħha taw biljuni ta' euro f'għajnuna u assistenza umanitarja u għall-iżvilupp lill-Afganistan; billi l-UE hi l-akbar sieħba tal-Afganistan fir-rigward tal-iżvilupp u hi mistennija tipprovdi EUR 5 biljun mit-total ta' EUR 13.6 biljun imwiegħda lill-Afganistan għall-perjodu 2017-2020 matul il-Konferenza Internazzjonali ta' Brussell dwar l-Afganistan f'Ottubru 2016;

C.  billi bil-għan li jiġi stabbilit stat stabbli u prosperu huwa essenzjali li jiġu żgurati d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba matul il-perjodu ta' tranżizzjoni fl-Afganistan u matul id-deċennju ta' trasformazzjoni tiegħu (2015-2024);

D.  billi f'dawn l-aħħar 15-il sena, sa mis-sena 2001, kien hemm żidiet kbar fil-livell tal-għajxien peress li l-aċċess għall-kura tas-saħħa bażika u l-edukazzjoni u l-emanċipazzjoni tan-nisa żiedu l-PDG per capita b'ħames darbiet u l-istennija tal-għomor medja bi 15-il sena; billi skont l-Ispettur Ġenerali Speċjali tal-Istati Uniti għar-Rikostruzzjoni tal-Afganistan (SIGAR), minn mindu waqa' r-reġim tat-Taliban fis-sena 2001, l-attendenza fl-iskejjel ġenerali kienet żdiedet minn miljun student, li l-parti l-kbira minnhom kienu subien, għal kważi disa' miljuni sal-2015, u l-istudenti nisa kienu jammontaw għal madwar 39 % tat-total;

E.  billi fl-24 ta' Lulju 2017 il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà ppubblikaw Komunikazzjoni Konġunta dwar Stateġija tal-UE għall-Afganistan; billi l-erba' oqsma ta' prijorità għall-UE, li huma ta' importanza kritika biex jinkiseb il-progress fl-Afganistan, jikkonċernaw: a) il-promozzjoni tal-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà reġjonali; b) it-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni tal-governanza tajba u l-emanċipazzjoni tan-nisa; c) l-appoġġ għall-iżvilupp ekonomiku u uman; d) l-indirizzar tal-isfidi relatati mal-migrazzjoni;

F.  billi, wara l-kriżi tal-elezzjoni presidenzjali tal-2014, il-Gvern ta' Unità Nazzjonali (NUG) esperjenza waqfien tal-progress fuq l-aġenda ta' riforma tiegħu, li rriżulta f'sitwazzjoni politika dejjem aktar instabbli; billi r-rata tal-qgħad fl-Afganistan hi ta' 39 %, u aktar minn 39 % tal-popolazzjoni tgħix fil-faqar;

G.  billi l-korruzzjoni mifruxa, is-sistemi ta' klijenteliżmu stabbiliti sew u n-nuqqas ta' kapaċità min-naħa tal-Gvern Afgan politikament imkisser biex jimxi 'l quddiem fir-rigward tar-riformi jheddu li jillimitaw il-progress jew li jreġġgħu lura l-kisbiet tal-passat;

H.  billi l-Missjoni ta' Assistenza tan-Nazzjonijiet Uniti fl-Afganistan (UNAMA), li kienet stabbilita fl-2002, tappoġġja lill-Gvern Afgan fl-isforzi tiegħu biex jikseb il-paċi, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba; billi l-mandat tagħha jiġġedded kull sena mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u dan l-aħħar ġie estiż b'mod unanimu sal-2018;

I.  billi, għalkemm f'dawn l-aħħar snin saru ċerti kisbiet soċjoekonomiċi u politiċi, il-qawmien mill-ġdid tar-reġim tat-Taliban, l-Al-Qaeda u l-Istat Iżlamiku (IS) emerġenti ġdid fl-Afganistan, bħalma hu l-bidu ta' grupp lokali fl-Afganistan (Stat Iżlamiku tal-Provinċja Khorasan (ISKP)), ilkoll jheddu li jibdlu l-instabbiltà f'kunflitt fuq skala akbar; billi r-rapport reċenti tal-Missjoni ta' Assistenza tan-Nazzjonijiet Uniti fl-Afganistan (UNAMA) ddokumenta l-ogħla għadd ta' vittmi mill-2009, bi 11 318-il vittma ċivili fl-2016, filwaqt li minn Jannar 2017 sa Settembru 2017 il-vittmi kienu diġà ammontaw għal 8 019; billi dan wassal ukoll għal żieda fil-migrazzjoni lejn l-Ewropa;

J.  billi, skont l-istrateġija l-ġdida tal-Istati Uniti għall-Afganistan u n-Nofsinhar tal-Asja, se jingħaqdu 4 000 suldat addizzjonali mal-kontinġent eżistenti tal-Istati Uniti ta' 8 400 suldat; billi l-istrateġija l-ġdida tal-Istati Uniti titlob li l-Pakistan jieqaf jospita u jappoġġja lit-terroristi u titlob li jkun hemm involviment akbar min-naħa tar-Repubblika tal-Indja fl-għajnuna għall-istabbilizzazzjoni tar-reġjun; billi l-Missjoni ta' Appoġġ Determinat immexxija min-NATO ser iżżid il-livell attwali tat-truppi tagħha minn 13 000 għal 16 000; billi l-istrateġija l-ġdida tal-Istati Uniti se tiġi żviluppata b'mod li tiffavorixxi approċċ ibbażat fuq il-kundizzjonijiet u skont dan l-approċċ il-ftehimiet diplomatiċi u ekonomiċi se jiġu integrati fil-qafas tal-isforz militari;

K.  billi l-Afganistan qed iħabbat wiċċu ma' żieda bla preċedent f'ċittadini Afgani b'dokumenti kif ukoll mingħajr dokumenti li qed jirritornaw, prinċipalment mill-Pakistan; billi madwar żewġ miljun ċittadin Afgan mingħajr dokumenti u miljun Afgan bi status ta' rifuġjat qed jgħixu fl-Iran u qed jirritornaw lejn l-Afganistan; billi, skont ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-persuni spostati internament, hemm aktar minn 1.8 miljun persuna spostata internament fl-Afganistan bħala konsegwenza tal-kunflitt, u fl-2016 kien hemm rekord ta' 650 000 persuna li ħarbu lejn żoni oħra tal-pajjiż 'il bogħod mill-periklu, ċifra li tirrappreżenta medja ta' 1 500 persuna kuljum; billi fit-tieni nofs tal-2016 kien hemm żieda eċċezzjonalment għolja għal dawn l-aħħar 10 snin, fl-għadd ta' rifuġjati Afgani li rritornaw mill-Pakistan, li żdiedu minn 55 000 fl-2015 għal 370 000;

L.  billi r-Repubblika tal-Indja hija l-akbar donatur reġjonali għall-Afganistan u pprovdiet madwar USD 3 biljun f'assistenza minn mindu l-Gvern tat-Taliban tneħħa mill-poter fl-2001; billi din l-assistenza ffinanzjat, fost affarijiet oħra, il-bini ta' aktar minn 200 skola fl-Afganistan, aktar minn 1 000 borża ta' studju għal studenti Afgani, u l-possibbiltà għal madwar 16 000 Afgan li jistudjaw fl-Indja; billi l-Indja pprovdiet ukoll assistenza fil-bini ta' infrastruttura kritika, bħal pereżempju madwar 4 000 km ta' toroq fl-Afganistan, b'mod speċjali l-awtostrada Zaranj-Dilaram, id-diga Salma, il-linji tat-trażmissjoni tal-elettriku u l-bini tal-parlament Afgan;

M.  billi l-instabbiltà fl-Afganistan għandha riperkussjonijiet ekonomiċi u ta' sigurtà negattivi għall-Iran u r-reġjun kollu kemm hu; billi l-ekonomija tal-Afganistan tiddependi ħafna mill-produzzjoni tax-xaħxieħ, li f'dawn l-aħħar snin żdiedet b'mod sostanzjali, u dan irriżulta f'żieda qawwija fl-użu tad-drogi fil-pajjiż ġirien tal-Iran; billi t-Taliban juża dan il-kummerċ illeċitu tad-drogi biex jiffinanzja l-operazzjonijiet tiegħu; billi l-fatt li dan il-kummerċ jiġi limitat u li jinstabu alternattivi ekonomiċi jkun ta' vantaġġ reċiproku għall-Iran u l-Afganistan; billi l-oppju mill-Afganistan huwa s-sors ewlieni tal-eroina fl-UE; billi l-ħidma mal-Iran u pajjiżi oħra fil-fruntieri bħat-Taġikistan, it-Turkmenistan u l-Użbekistan hija meħtieġa sabiex ikompli jiġi limitat il-fluss ta' opjati lejn is-swieq Russi u Ewropej;

N.  billi għall-futur tal-Afganistan hija kruċjali dimensjoni ġdida li tippermetti realtà kompletament ġdida ta' opportunitajiet ekonomiċi u soċjali għal wieħed mill-ifqar pajjiżi fid-dinja; billi programm nazzjonali ġdid għall-iżvilupp tal-infrastruttura se jattira investiment pożittiv u reġjonali li qed jikber fi ħdan il-qafas tat-Triq tal-Ħarir il-ġdida;

O.  billi rapporti jindikaw li l-Afganistan għandu bejn triljun u tliet triljun dollaru f'riżervi minerali mhux żviluppati; billi l-estrazzjoni minerarja illeċita huwa problema kbira li jhedded li jbiddel xprun potenzjali għall-iżvilupp Afgan f'sors ta' kunflitt u instabbiltà; billi l-estrazzjoni minerarja hija t-tieni l-akbar sors ta' dħul għat-Taliban;

1.  Jirrikonoxxi li, minkejja l-isforzi internazzjonali sostanzjali fuq perjodu twil ta' żmien, l-Afganistan għadu qed iħabbat wiċċu ma' kunflitt serju li qed ixekkel b'mod sostanzjali l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tiegħu; ifakkar li l-Afganistan ġie imtertaq minn kważi 40 sena ta' kunflitt u ta' gwerra; itenni l-għanijiet tal-Unjoni Ewropea għall-promozzjoni tal-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà reġjonali, it-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, il-promozzjoni ta' governanza tajba u l-emanċipazzjoni tan-nisa, l-appoġġ għall-iżvilupp ekonomiku u tal-bniedem, u l-indirizzar tal-isfidi relatati mal-migrazzjoni;

2.  Ifakkar li l-Afganistan fl-aħħar deċennju u nofs kiseb progress fl-oqsma politiċi, ta' sigurtà, ekonomiċi u ta' żvilupp; jenfasizza li l-PDG per capita żdied b'ħames darbiet, il-medja tal-istennija tal-għomor żdiedet bi kważi 15-il sena, u kien hemm żieda sinifikanti fin-numru ta' bniet li jmorru l-iskola meta mqabbla mal-2001 – iċ-ċifra llum hija madwar 40 % tat-total ta' 8 sa 9 miljun tifel u tifla; jenfasizza li xejn minn dan ma kien ikun possibbli kieku mhux għad-dedikazzjoni tal-popolazzjoni Afgana u l-impenn tal-komunità internazzjonali, u l-għoti ta' fondi, għarfien espert u persunal fuq il-post; jissottolinja l-fatt li l-progress miksub huwa ferm fraġli u riversibbli; jenfasizza li aktar progress ser jeħtieġ aktar riformi, relazzjonijiet stabbli mal-ġirien, u l-forniment kontinwu ta' livell neċessarju ta' sigurtà u stabbiltà;

3.  Jirrikonoxxi l-isforzi u juri stima lejn is-sagrifiċċju tal-komunità internazzjonali li pprovdiet is-sigurtà fl-Afganistan għal aktar minn deċennju permezz tal-Operazzjoni Libertà Dejjiema u l-missjoni tal-ISAF fl-Afganistan, li fihom tilfu ħajjithom kważi 3 500 raġel u mara tas-servizz; jilqa' l-Missjoni ta' Appoġġ Determinat immexxija min-NATO li jikkontribwixxu għaliha 39 nazzjon u li ilha topera mill-1 ta' Jannar 2015, li għandha mandat biex tħarreġ, tagħti pariri u assistenza lill-forzi tas-sigurtà u lill-istituzzjonijiet Afgani; ifaħħar is-sagrifiċċju kbir tal-ANSF, li jġarrbu telf kbir kull sena fil-ġlieda tagħhom kontra r-ribelli; ifakkar il-kontribuzzjoni annwali tal-komunità internazzjonali ta' madwar USD 1 biljun biex issostni l-finanzjament tal-ANSF sal-2020;

4.  Jilqa' l-impenn tal-Gvern Afgan favur strateġija nazzjonali ffukata fuq ambjent politiku, soċjali, ekonomiku u sikur li tippermetti Afganistan paċifiku, sigur u sostenibbli, kif deskritt fil-konklużjonijiet tal-Konferenza Ministerjali dwar l-Afganistan fi Brussell fit-5 ta' Ottubru 2016; jitlob li l-kariga ta' Prim Ministru tiġi minquxa fil-Kostituzzjoni Afgana sabiex ikun hemm aktar stabbiltà politika fl-Afganistan; jistieden lill-Gvern Afgan jiżgura proċess elettorali trasparenti fl-2018; jistieden lill-President Afgan Ashraf Ghani jikkomplementa l-impenji pubbliċi qawwija tiegħu favur il-ħarsien tad-drittijiet u l-libertajiet b'implimentazzjoni rapida u robusta ta' leġiżlazzjoni għall-ħarsien tagħhom;

5.  Jenfasizza li proċess ta' paċi mmexxi u rikonoxxut mill-Afganistan jikkostitwixxi l-unika triq 'il quddiem, bl-integrazzjoni sħiħa tas-soċjetà ċivili kollha u tal-partijiet kollha fil-kunflitt; ifakkar lill-Gvern Afgan li sabiex ikun possibbli l-iżvilupp u jiġu promossi l-paċi u l-istabbiltà, irid jieqaf il-ġlied politiku intern; jistieden lill-UE tappoġġja b'mod attiv programm immexxi mill-Afganistan għad-diżarm, id-demobilizzazzjoni u riintegrazzjoni tal-ex ribelli;

6.  Jissottolinja l-importanza tal-Afganistan għall-istabbiltà reġjonali; jenfasizza li Afganistan sigur, stabbli, u prosperu huwa ta' importanza fundamentali għall-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun kollu; itenni, f'dan il-kuntest, l-importanza tas-sħab reġjonali, bħalma huma l-pajjiżi tal-Asja Ċentrali, l-Iran, iċ-Ċina, l-Indja u l-Pakistan; iħeġġiġhom jikkooperaw b'mod kostruttiv biex jippromwovu proċess ta' negozjati ġenwin u orjentat lejn ir-riżultati, mingħajr prekundizzjonijiet; jieħu nota tal-attivitajiet tal-Grupp ta' Koordinazzjoni Kwadrilaterali (QCG) dwar l-Afganistan, stabbilit f'Diċembru 2015, li jinkludi l-Istati Uniti, iċ-Ċina, l-Afganistan u l-Pakistan;

7.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu li, minkejja l-ftehim politiku wara l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2014, is-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Afganistan marret għall-agħar u l-għadd ta' attakki terroristiċi sploda; jesprimi l-biża' tiegħu mill-espansjoni territorjali li għaddejja min-naħa tat-Talibani u t-tisħiħ reċenti tal-gruppi terroristiċi tal-IS u l-Al-Qaeda; jirrimarka li, skont l-Ispettur Ġenerali Speċjali tal-Istati Uniti għar-Rikostruzzjoni tal-Afganistan (SIGAR), minn Jannar sa Novembru 2016 inqatlu 6 785 membru tal-forzi Afgani u ndarbu 11 777 oħra, u li l-Missjoni ta' Assistenza tan-NU fl-Afganistan (UNAMA) irrappurtat ukoll żieda ta' 3 % fil-vittmi ċivili (3 498 maqtula, 7 920 midruba) fl-2016 meta mqabbel mas-sena ta' qabel; jiddeplora l-fatt li s-sitwazzjoni tas-sigurtà sejra għall-agħar u li dan qed jippermetti lill-gruppi kriminali jaħtfu ċittadini Afgani u barranin, inklużi ħaddiema umanitarji u tal-għajnuna;

8.  Jesprimi tħassib kbir dwar il-fatt li l-Istat Iżlamiku qed jgħolli rasu – element ulterjuri li qed jikkontribwixxi għall-fraġilità akbar tal-kuntest tas-sigurtà fl-Afganistan; jenfasizza li minbarra l-fortizza tiegħu fil-Lvant tal-pajjiż (Nangarhar) qed jipprova jasserixxi l-preżenza tiegħu fit-Tramuntana tal-pajjiż bl-għajnuna tal-Moviment Iżlamiku tal-Użbekistan (IMU); jenfasizza li, jekk dan iseħħ, jinħoloq ambjent li jiffavorixxi l-akkoljenza tal-militanti u l-ġellieda barranin li jkollhom jitilqu mill-Iraq u s-Sirja minħabba t-telfiet militari tal-IS f'dawk iż-żewġ pajjiżi;

9.  Jenfasizza l-importanza ta' proċess ta' rikonċiljazzjoni interna ġenwin; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu miġġielda r-radikalizzazzjoni, l-estremiżmu u r-reklutaġġ għall-organizzazzjonijiet terroristiċi; jissottolinja li l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu hija fattur kruċjali fil-ħolqien ta' ambjent favorevoli għas-sigurtà fl-Afganistan;

10.  Iwissi li l-kapaċitajiet dgħajfa tal-Forzi Afgani għad-Difiża u s-Sigurtà Nazzjonali (ANDSF) u tal-korp tal-pulizija jibqgħu waħda mill-aktar kwistjonijiet kritiċi li jikkompromettu s-sigurtà u r-rikostruzzjoni tal-Afganistan; jilqa' l-enfasi li qed tkompli tagħmel l-UE fuq it-tisħiħ tar-rwol u d-drittijiet tan-nisa Afgani u jirrikonoxxi l-ħtieġa li jitħarrġu uffiċjali tal-pulizija nisa; jilqa' l-impenn tar-Repubblika tal-Indja li tassisti lill-Afganistan bl-għoti ta' tagħmir difensiv lill-forzi militari Afgani f'Diċembru 2015 u bit-taħriġ militari ta' eluf ta' membri tal-persunal tas-sigurtà Afgan, li għen biex titjieb b'mod sinifikanti l-kapaċità militari tiegħu, f'konformità mal-objettiv tal-missjoni mmexxija min-NATO magħrufa bħala "Missjoni ta' Appoġġ Determinat", li tnediet f'Jannar 2015 biex tħarreġ, tagħti pariri u tassisti lill-forzi tas-sigurtà u l-istituzzjonijiet Afgani; iqis bħala inkoraġġanti l-kooperazzjoni u x-xogħol imwettaq mir-Repubblika tal-Indja u l-Afganistan fuq proġetti ta' infrastruttura u appoġġ umanitarju;

11.  Jemmen li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-istituzzjonijiet governattivi Afgani trid tkun prijorità ċentrali permanenti minħabba l-impatti diretti negattivi kollha tal-korruzzjoni fuq il-kwalità tal-governanza fil-pajjiż; jistieden lill-Gvern tal-Afganistan iżid l-inklużività politika, isaħħaħ ir-responsabbiltà u jiġġieled b'mod attiv il-kultura tal-korruzzjoni u n-nepotiżmu; jilqa' partikolarment, f'dan ir-rigward, it-twaqqif taċ-Ċentru tal-Ġustizzja Kontra l-Korruzzjoni f'Ġunju 2016; jinnota, barra minn hekk, l-appell tal-UNAMA biex il-komunità internazzjonali tkompli tagħti l-appoġġ u l-assistenza tagħha lill-Gvern Afgan fl-isforzi tiegħu kontra l-korruzzjoni;

12.  Jistieden lill-Gvern tal-Afganistan u lis-sħab reġjonali tiegħu, b'mod partikolari l-Iran, jiġġieldu kontra t-traffikar illeċitu tad-droga u l-estrazzjoni minerarja illeċita u jikkoordinaw ma' xulxin biex jeliminaw dawn il-prattiki illegali, li huma ta' detriment għall-istabbiltà tar-reġjun; ifakkar lill-partijiet kollha li dawn huma s-sorsi prinċipali ta' finanzjament għall-organizzazzjonijiet terroristiċi fir-reġjun; jirrikonoxxi li kwalunkwe żvilupp ulterjuri fir-rigward tal-estrazzjoni minerarja jrid ikun sostenibbli u ta' benefiċċju għall-popolazzjoni ġenerali, f'konformità mal-istandards internazzjonali; jikkundanna r-ripressjoni, it-traffikar illeċitu tad-droga, il-ħtif tal-art, il-konfiska illegali u l-estorsjoni mwettqa mill-kmandanti militari; ifakkar li l-produzzjoni u t-traffikar tal-oppju fl-Afganistan għandhom konsegwenzi devastanti għall-popolazzjoni lokali u għas-sigurtà ġenerali tal-pajjiż;

13.  Jilqa' s-sħubija tal-Afganistan fl-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi; iħeġġeġ lill-Gvern Afgan iżid it-trasparenza fis-settur tal-estrazzjoni minerarja u jistabbilixxi rekwiżiti b'saħħithom għal-liċenzji u l-monitoraġġ sabiex tiġi żgurata industrija estrattiva sostenibbli; iħeġġeġ lill-Gvern iżid l-isforzi tiegħu biex jipproteġi r-riżorsi pubbliċi essenzjali, bħall-art u l-minerali, mill-isfruttament min-naħa ta' netwerks kriminali u ribelli;

14.  Jesprimi solidarjetà mal-poplu tal-Afganistan u jinsisti li l-partijiet kollha involuti fil-kunflitt josservaw id-dritt umanitarju internazzjonali u jirrispettaw id-drittijiet tal-membri kollha tas-soċjetà, b'mod partikolari l-minoranzi, in-nisa u t-tfal, li huma affettwati b'mod sproporzjonat minn din is-sitwazzjoni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Afgani jinfurzaw bis-sħiħ il-pjan ta' azzjoni ffirmat min-Nazzjonijiet Uniti u l-Afganistan f'Kabul fit-30 ta' Jannar 2011 rigward il-prattika tal-"bacha bazi" u jippermettu r-riabilitazzjoni tat-tfal vittmi ta' abbuż sesswali; jikkundanna l-attakki fuq sptarijiet u ċentri tas-saħħa, skejjel u operazzjonijiet umanitarji; jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-indifferenza persistenti fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-vjolenza barbarika mwettqa mit-Taliban, l-IS u l-Al-Qaeda kontra l-poplu tal-Afganistan; jiġbed l-attenzjoni għar-riskji assoċjati mar-ritorn ta' ex kriminali tal-gwerra, b'mod partikolari Gulbuddin Hekmatyar, il-fundatur ta' Hizb-e-Islami, li kien rikonoxxut bħala terrorista mill-Istati Uniti fl-2003 u ġie assoċjat mal-preżenza akbar tal-IS fl-Afganistan;

15.  Jesprimi l-biża' tiegħu miż-żieda fil-vjolenza kontra n-nisa u l-qerda tad-drittijiet tan-nisa u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom f'żoni kkontrollati mit-Talibani fl-Afganistan; itenni l-appell tiegħu lill-Parlament u l-Gvern tal-Afganistan biex jirrevokaw il-liġijiet kollha li fihom elementi ta' diskriminazzjoni kontra n-nisa, u li jiksru t-trattati internazzjonali ffirmati mill-Afganistan; jilqa' l-enfasi fuq l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-assistenza tal-UE fl-Afganistan, b'mod partikolari l-fatt li 53 % tal-programmi tal-UE għandhom l-ugwaljanza bejn is-sessi bħala objettiv sinifikanti; jappoġġja bis-sħiħ l-implimentazzjoni totali tar-riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, u miżuri nazzjonali oħra għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet fl-Afganistan u għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa;

16.  Jistieden lill-gvernijiet tas-sħab reġjonali – bħall-pajjiżi tal-Asja Ċentrali, l-Iran, l-Indja, ir-Russja u l-Pakistan – jaħdmu flimkien lejn ftehim ta' paċi fl-Afganistan, żvilupp soċjoekonomiku kontinwu u aktar stabbiltà interna, kif ukoll kooperazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mas-sigurtà u t-terroriżmu, u jħeġġeġ il-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-intelligence fil-ġlieda kontra t-terroristi u l-estremisti fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera; iħeġġeġ lill-atturi reġjonali Afgani kollha jimpenjaw ruħhom bla riżervi biex ikomplu b'mod trasparenti l-ġlieda kontra t-terroriżmu;

17.  Itenni l-ħtieġa li l-komunità internazzjonali tkompli bl-impenn tagħha fl-Afganistan u tikkontribwixxi għall-bini mill-ġdid tal-pajjiż, l-iżvilupp tal-ekonomija u l-ġlieda kontra t-terroriżmu; jilqa' l-impenji finanzjarji kkonfermati mill-UE u l-Istati Membri fil-Konferenza ta' Brussell; jitlob, partikolarment, li jingħata appoġġ lill-inizjattivi li jindirizzaw il-bżonnijiet tal-persuni spostati internament u tar-rifuġjati li jirritornaw;

18.  Jirrikonoxxi r-responsabbiltajiet tal-UE u l-Istati Membri tagħha biex jiġi rispettat id-dritt li wieħed ifittex protezzjoni internazzjonali u li jipparteċipa fi programmi ta' risistemazzjoni tal-UNHCR; jenfasizza li d-dritt u l-abbiltà li wieħed ifittex rifuġju b'modi sikuri u legali huma fatturi ta' importanza kritika għall-prevenzjoni tal-imwiet fost dawk li jfittxu asil;

19.  Jinnota l-konklużjoni tal-ftehim informali ta' riammissjoni previst mit-Triq Konġunta 'l Quddiem bejn l-UE u l-Afganistan; jiddeplora n-nuqqas ta' sorveljanza parlamentari u kontroll demokratiku fuq il-konklużjoni ta' dan il-ftehim; jistieden lill-gvernijiet fir-reġjun iżommu lura milli jirrimpatrijaw lill-Afgani; jirrimarka li dan jikkostitwixxi ksur dirett tad-dritt umanitarju internazzjonali u li n-numru dejjem akbar ta' rifuġjati li qed jiġu ttrattati b'dan il-mod ma jagħmilx ħlief isaħħaħ lill-gruppi terroristiċi u joħloq iżjed instabbiltà fir-reġjun; jissottolinja li r-rimpatriju lejn l-Afganistan ipoġġi f'periklu serju ħajjet il-persuni rimpatrijati, b'mod partikolari l-persuni waħedhom mingħajr netwerk ta' familja jew ħbieb fl-Afganistan, li ftit għandom ċans jibqgħu ħajjin; jissottolinja li l-assistenza u l-kooperazzjoni tal-UE jridu jkunu mfassla b'tali mod li jikkontribwixxu għall-iżvilupp u t-tkabbir fil-pajjiżi terzi u għat-tnaqqis – u eventwalment il-qerda – tal-faqar, u mhux li l-pajjiżi terzi jingħataw inċentiv biex jikkooperaw fir-riammissjoni ta' migranti irregolari, li l-persuni jinżammu bil-forza milli jiċċaqalqu, jew li jitwaqqfu l-flussi lejn l-Ewropa (ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2017 dwar l-indirizzar tal-movimenti tar-rifuġjati u tal-migranti: ir-rwol tal-azzjoni esterna tal-UE);

20.  Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali biex tinbeda investigazzjoni dwar ir-reati kontra l-umanità li possibbilment twettqu fl-Afganistan mill-2003 'l hawn;

21.  Jistieden lill-awtoritajiet Afgani jikkommutaw is-sentenzi kollha tal-mewt u jerġgħu jintroduċu moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet bil-ħsieb li l-piena tal-mewt titneħħa b'mod permanenti; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Afganistan jimplimenta bis-sħiħ il-Pjan Nazzjonali tiegħu għall-Eliminazzjoni tat-Tortura u jiddeplora rapporti ta' tortura u maltrattament tad-detenuti b'rabta mal-kunflitt mill-partijiet kollha fl-Afganistan;

22.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar iż-żieda enormi fl-għadd ta' persuni spostati internament fl-2016 – aktar minn 600 000 spostament ġdid – li jista' jwassal għal kriżi umanitarja kbira; iħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti jieħdu ħsieb lil dawn l-Afgani vulnerabbli, u jistieden lill-Gvern Afgan jgħinhom jerġgħu jintegraw ruħhom fis-soċjetà Afgana; jenfasizza li, skont l-istimi tal-awtoritajiet Afgani, tal-aġenziji tan-NU u ta' aġenziji umanitarji oħra, aktar minn 9.3 miljun persuna se jkunu ġew bżonn għajnuna umanitarja sal-aħħar tal-2017;

23.  Jilqa' d-dħul fis-seħħ provviżorju tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sħubija u Żvilupp bejn l-Unjoni Ewropea u l-Afganistan fl-1 ta' Diċembru 2017, li jirrappreżenta l-ewwel qafas legalment vinkolanti għar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ naħat; iħeġġeġ ukoll ir-ratifika rapida tal-ftehim min-naħa tal-Istati Membri tal-UE biex dan ikun jista' jidħol fis-seħħ b'mod sħiħ;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Afganistan.

 

 

[1] Testi adottati, P8_TA(2015)0412
[2] Testi adottati, P7_TA(2013)0282