Dokument ta' sessjoni
B8-0697/2017 } RC1
13.12.2017
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ECR ( B8-0686/2017 )
Verts/ALE ( B8-0689/2017 )
GUE/NGL ( B8-0692/2017 )
S&D ( B8-0694/2017 )
ALDE ( B8-0696/2017 )
PPE ( B8-0697/2017 )
dwar il-Kambodja: b'mod partikolari x-xoljiment tal-Partit tas-Salvataġġ Nazzjonali tal-Kambodja (CNRP)
( 2017/3002(RSP) )
Cristian Dan Preda, Laima Liucija Andrikienė, David McAllister, Tomáš Zdechovský, Jaromír Štětina, Claude Rolin, Jarosław Wałęsa, Bogdan Brunon Wenta, Tunne Kelam, Pavel Svoboda, Patricija Šulin, Elisabetta Gardini, Csaba Sógor, Ivan Štefanec, László Tőkés, Ivana Maletić, Milan Zver, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Adam Szejnfeld, Eduard Kukan, Manolis Kefalogiannis, Dubravka Šuica, Ramona Nicole Mănescu, Sandra Kalniete, Lars Adaktusson, Marijana Petir, Andrey Kovatchev, Seán Kelly, Deirdre Clune, Roberta Metsola, Anna Záborská, Jeroen Lenaers, Inese Vaidere, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Stanislav Polčák, Michaela Šojdrová, Elmar Brok
f'isem il-Grupp PPE
Elena Valenciano, Victor Boştinaru, Soraya Post, Marc Tarabella
f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Ruža Tomašić, Angel Dzhambazki, Monica Macovei, Valdemar Tomaševski, Notis Marias, Karol Karski, Jana Žitňanská, Urszula Krupa, Branislav Škripek
f'isem il-Grupp ECR
Petras Auštrevičius, Nedzhmi Ali, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, María Teresa Giménez Barbat, Nathalie Griesbeck, Marian Harkin, Filiz Hyusmenova, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Patricia Lalonde, Valentinas Mazuronis, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Robert Rochefort, Marietje Schaake, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Cecilia Wikström, Norica Nicolai
f'isem il-Grupp ALDE
Marie-Christine Vergiat, Barbara Spinelli, Dimitrios Papadimoulis, Stelios Kouloglou
f'isem il-Grupp GUE/NGL
Barbara Lochbihler, Bodil Valero, Maria Heubuch, Heidi Hautala, Jordi Solé, Igor Šoltes, Ernest Urtasun, Bronis Ropė, Sven Giegold, Davor Škrlec, Michel Reimon, Michèle Rivasi
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Rolandas Paksas, Isabella Adinolfi
f'isem il-Grupp EFDD
Barbara Kappel
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Kambodja: b'mod partikolari x-xoljiment tal-Partit tas-Salvataġġ Nazzjonali tal-Kambodja (CNRP)
( 2017/3002(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kambodja, b'mod partikolari dik tat-13 ta' Settembru 2017[1],
– wara li kkunsidra ż-żjara tad-delegazzjoni tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) tal-Parlament Ewropew tat-30 u l-31 ta' Ottubru 2017,
– wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE tal-2008 dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tas-16 ta' Novembru 2017 dwar ix-xoljiment tal-Partit tas-Salvataġġ Nazzjonali tal-Kambodja,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni tal-1997 bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Kambodja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali tal-UE tat-22 ta' Frar 2017 dwar is-sitwazzjoni politika fil-Kambodja, u d-dikjarazzjonijiet mill-kelliem tad-Delegazzjoni tal-UE tat-3 ta' Settembru 2017 u tal-25 ta' Awwissu 2017 dwar restrizzjonijiet ta' spazju politiku fil-Kambodja,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni (A/RES/53/144) adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-8 ta' Marzu 1999 dwar id-Dritt u r-Responsabilità ta' Individwi, Gruppi u Organi tas-Soċjetà li Jippromwovu u Jħarsu d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali Universalment Rikonoxxuti,
– wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Paċi ta' Pariġi tal-1991, li fl-Artikolu 15 tagħhom jistabbilixxu impenn dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-Kambodja, inkluż min-naħa tal-firmatarji internazzjonali,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Kambodjana, b'mod partikolari l-Artikolu 41 tagħha, li fih huma minquxa d-drittijiet u l-libertajiet ta' espressjoni u tal-assemblea, l-Artikolu 35 dwar id-dritt ta' parteċipazzjoni politika u l-Artikolu 80 dwar l-immunità parlamentari,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fl-2017, is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja kompliet tmur għall-agħar, billi f'dan il-pajjiż twettqu għadd dejjem jikber ta' arresti ta' membri tal-oppożizzjoni politika, ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u ta' rappreżentanti tas-soċjetà ċivili;
B. billi l-parlament tal-Kambodja għadda żewġ settijiet ta' emendi ripressivi għal-"Liġi dwar il-Partiti Politiċi" fl-2017, li fihom bosta restrizzjonijiet mfassla biex joħolqu ostakli għal partiti tal-oppożizzjoni;
C. billi, fis-6 ta' Ottubru 2017, il-Ministeru tal-Intern ippreżenta talba lill-Qorti Suprema biex jiġi xolt il-Partit tas-Salvataġġ Nazzjonali tal-Kambodja (CNRP) taħt "tal-Liġi dwar il-Partiti Politiċi";
D. billi, fis-16 ta' Novembru 2017, il-Qorti Suprema ħabbret ix-xoljiment tas-CNRP, fi tmiem seduta ta' ġurnata waħda; billi l-Qorti Suprema ppprojbixxiet ukoll 118 politiku tas-CNRP milli jkunu attivi politikament għal ħames snin; billi din id-deċiżjoni, li kienet ibbażata fuq żewġ sensiliet ta' emendi kontroversjali għal-"Liġi dwar il-Partiti Politiċi", tħalli lill-gvern mingħajr ebda oppożizzjoni qabel l-elezzjonijiet ġenerali tas-sena d-dieħla, skedati għal Lulju 2018;
E. billi membri tal-partiti tal-oppożizzjoni ġew imħarrka u ffastidjati mill-awtoritajiet tal-Kambodja għal snin sħaħ; billi anqas minn 40 % tal-membri tas-CNRP fil-Parlament baqgħu fil-Kambodja wara li l-membri l-oħra kienu sfurzati jaħarbu mill-pajjiż, billi ġew mhedda b'arresti;
F. billi l-Ministeru tal-Intern għandu setgħat wiesgħa biex jissospendi partiti politiċi abbażi ta' kriterji li huma definiti biss b'mod vag; billi, fit-2 ta' Ottubru 2017, il-Ministeru tal-Intern xolja 20 partit politiku skont l-Artikoli 19 u 20 tal-"Liġi dwar il-Partiti Politiċi";
G. billi fit-3 ta' Settembru 2017, Kem Sokha, president tas-CNRP, ġie arrestat u akkużat bi tradiment taħt l-Artikolu 443 tal-Kodiċi Kriminali tal-Kambodja, minkejja li kellu l-immunità parlamentari; billi t-talba ta' Kem Sokha għall-ħelsien fuq pleġġ ġiet miċħuda fis-26 ta' Settembru 2017, meta huwa ma setax jattendi s-seduta ta' smigħ, wara li d-dipartiment tal-ħabsijiet qal li ma setax jiżgura s-sikurezza tiegħu; billi skont l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, huwa kien interrogat fl-24 ta' Novembru 2017, minkejja li ma kienx ingħata aċċess xieraq għal parir legali jew għal kura medika privata; billi l-istatus legali tiegħu għandu jiġi ċċarat; billi t-talba għal pleġġ issa hija pendenti quddiem il-Qorti Suprema; billi huwa jista' jeħel sa 30 sena ħabs jekk jinstab ħati; billi l-President tal-Qorti, Dith Munty, huwa membru tal-kumitat permanenti tal-partit fit-tmexxija;
H. billi l-kwistjoni tal-ħtif tal-art għadha ta' tħassib kbir fil-Kambodja; billi kien hemm żieda kostanti f'arresti u detenzjoni ta' membri tal-oppożizzjoni politika, kummentaturi politiċi, trejdunjonisti, attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fil-Kambodja, inkluż fl-AHGNS 5; billi d-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Tep Vanny mill-komunità Boeung Kak għadu jinsab il-ħabs, jiskonta sentenza ta' sentejn u nofs b'rabta ma' protesta paċifika fl-2013; billi fit-8 ta' Diċembru 2017 il-Qorti Suprema kkonfermat is-sentenza kontra Tep Vanny;
I. billi l-President preċedenti tas-CNRP, Sam Rainsy, ġie mġiegħel jirriżenja wara theddid legali; billi huwa nstab ħati in absentia ta' diffamazzjoni kriminali u llum jgħix fl-eżilju; billi mix-xoljiment tal-oppożizzjoni, għadd dejjem akbar ta' membri tas-CNRP fil-parlament ħarbu mill-Kambodja; billi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem irrappurtaw li xi wħud qed ifittxu l-asil;
J. billi l-influwenza taċ-Ċina qed taqdi rwol importanti fil-ħajja politika fil-Kambodja u għandha impatt fuq il-gvern tal-pajjiż;
K. billi il-Kambodja tibbenefika mill-iktar skema favorevoli disponibbli taħt l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP), jiġifieri l-iskema Kollox Barra l-Armi (KĦA); billi l-UE allokat EUR 410 miljuni għall-Kambodja għall-perjodu finanzjarju 2014–2020, li minnhom EUR 10 miljun għal appoġġ għall-proċess ta' riforma elettorali fil-Kambodja;
L. billi d-dritt għal parteċipazzjoni politika huwa minqux fl-Artikolu 41 tal-Kostituzzjoni tal-Kambodja; billi d-deċiżjoni li jixxolja s-CNRP huwa pass sinifikanti lilhinn mit-triq tal-pluraliżmu u d-demokrazija minquxa fil-Kostituzzjoni tal-Kambodja;
M. billi 55 NGO ħarġu sejħa ġdida għal Konferenza ta' Pariġi ġdida dwar il-Kambodja mal-partijiet interessati kollha biex jiddiskutu l-istat tad-dritt u d-demokrazija fil-Kambodja sabiex il-Gvern tal-Kambodja jitħeġġeġ jikkunsidra mill-ġdid il-politika tiegħu dwar il-partiti tal-oppożizzjoni;
1. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu rigward ix-xoljiment tas-CNRP; jiddispjaċih ħafna dwar il-projbizzjoni tal-partit, li tikkostitwixxi evidenza ta' azzjoni awtokratika ulterjuri mill-Prim Ministru Hun Sen; iħeġġeġ lill-gvern jirrevoka d-deċiżjoni li jxolji s-CNRP, biex jerġgħu jieħdu l-pożizzjonijiet tagħhom il-membri eletti fil-parlament nazzjonali u l-kunsill, biex tiġi permessa l-parteċipazzjoni sħiħa tal-partiti tal-oppożizzjoni fil-ħajja pubblika u jiġi żgurat spazju liberu għal azzjoni għall-mezzi tax-xandir u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tintemm il-klima ta' biża' u intimidazzjoni, peress li dawn kollha huma prekundizzjonijiet għal elezzjonijiet ħielsa, inklużivi u trasparenti;
2. Itenni t-tħassib qawwi tiegħu espress fir-riżoluzzjonijiet preċedenti dwar il-klima li qed tmur għall-agħar għall-politiċi tal-oppożizzjoni, l-attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem u membri tas-soċjetà ċivili fil-Kambodja;
3. Jappoġġa l-fehma tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem li l-akkużi kontra s-CNRP u l-membri tiegħu kienu vagi, kif kienu vagi wkoll id-dispożizzjonijiet legali li jappoġġaw l-ilment biex il-partit jixxolja;
4. Iqis li l-Qorti Suprema fi Phnom Penh qed tindaħal b'mod inaċċettabbli fid-drittijiet tal-poplu tal-Kambodja li jagħżlu liberament ir-rappreżentanti politiċi tagħhom u jivvutaw fl-elezzjonijiet nazzjonali tal-2018; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' ġudikatura indipendenti u imparzjali fil-pajjiż;
5. Jistieden lill-Gvern tal-Kambodja jirrevoka l-emendi reċenti kollha għal-"Liġi dwar il-Partiti Politiċi" u liġijiet elettorali li jillimitaw il-libertà tal-espressjoni u l-libertajiet politiċi;
6. Jikkundanna bil-qawwa l-arrest ta' Kem Sokha u ta' attivisti politiċi oħra; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kambodja biex b'mod immedjat jirrevokaw il-mandat ta' arrest għall-mexxej tal-oppożizzjoni Sam Rainsy u jwaqqgħu l-akkużi kollha miġjuba kontrih, u biex minnufih u mingħajr kundizzjonijiet jeħilsu lil Kem Sokha mill-ħabs u jwaqqgħu l-akkużi kollha kontrih u kontra membri oħra tal-oppożizzjoni;
7. Jesprimi tħassib rigward l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet kredibbli u trasparenti fil-Kambodja fl-2018, wara d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema li xxolji lis-CNRP; jisħaq li proċess elettorali li l-partit ewlieni tal-oppożizzjoni ġie arbitrarjament eskluż minnu mhuwiex proċess leġittimu, u li elezzjoni trasparenti u kompetittiva hija strument ewlieni biex jiġu żgurati l-paċi u l-istabilità fil-pajjiż u fir-reġjun kollu kemm hu;
8. Jilqa' d-deċiżjoni tal-UE li tirtira kull assistenza elettorali sakemm il-Kambodja ma twettaqx riformi konformi mal-istandards elettorali internazzjonali sabiex tavvanza d-demokrazija u tipproteġi l-ispazju tas-soċjetà ċivili;
9. Jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, u lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, biex jużaw il-mezzi kollha disponibbli biex jipproteġu d-drittijiet fundamentali tal-poplu tal-Kambodja li jeleġġi u li jiġi elett, biex jiggarantixxu l-pluraliżmu u l-prinċipji demokratiċi f'konformità stretta mal-Kostituzzjoni tal-Kambodja;
10. Ifakkar lill-Gvern Kambodjan li jeħtieġlu jissodisfa l-obbligi u l-impenji tiegħu rigward il-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, li huma element essenzjali tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni;
11. Jenfasizza li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fundamentali huwa prerekwiżit biex il-Kambodja tkompli tibbenefika mill-iskema preferenzjali tal-UE "Kollox Barra l-Armi"; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kummissarju Malmström jirrevedu immedjatament l-obbligi tal-Kambodja skont il-konvenzjonijiet fl-Artikolu 19 tar-regolament tal-EBA; jenfasizza li jekk il-Kambodja qed taġixxi bi ksur tal-obbligu tagħha skont ir-regolament EBA, il-preferenzi tariffarji li tgawdi bħalissa għandhom jiġu rtirati b'mod temporanju;
12. Jappella lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex iħejju lista ta' individwi responsabbli mix-xoljiment tal-oppożizzjoni u minn ksur serju ieħor tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja, bil-ħsieb li jiġu imposti fuqhom restrizzjonijiet possibbli tal-viża u iffriżar ta' assi;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew ta' Azzjoni Esterna, lis-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u l-Assemblea Nazzjonali tal-Kambodja.