Dokument ta' sessjoni

 

   B8‑0085/2018 }

   B8‑0086/2018 }

   B8‑0088/2018 }

   B8‑0089/2018 }

   B8‑0090/2018 }

   B8‑0093/2018 } RC1

 

7.2.2018

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

GUE/NGL ( B8‑0085/2018 )

ECR ( B8‑0086/2018 )

S&D ( B8‑0088/2018 )

ALDE ( B8‑0089/2018 )

Verts/ALE ( B8‑0090/2018 )

PPE ( B8‑0093/2018 )

dwar is-sitwazzjoni tal-UNRWA

( 2018/2553(RSP) )

Cristian Dan Preda, Tomáš Zdechovský, Lorenzo Cesa, Tokia Saïfi

f'isem il-Grupp PPE

Elena Valenciano, Arne Lietz, Victor Boştinaru, Brando Benifei, Eugen Freund, Linda McAvan, Soraya Post, Marita Ulvskog

f'isem il-Grupp S&D

Charles Tannock, Ruža Tomašić, Karol Karski

f'isem il-Grupp ECR

Hilde Vautmans, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Gérard Deprez, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Patricia Lalonde, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Cecilia Wikström

f'isem il-Grupp ALDE

Neoklis Sylikiotis, Patrick Le Hyaric, Martina Anderson, Takis Hadjigeorgiou, Merja Kyllönen, Marie-Pierre Vieu, Martina Michels, Barbara Spinelli, Marisa Matias, Anne-Marie Mineur, Dennis de Jong, Kateřina Konečná, Nikolaos Chountis, Dimitrios Papadimoulis, Stelios Kouloglou, Lola Sánchez Caldentey, Miguel Urbán Crespo, Tania González Peñas, Xabier Benito Ziluaga, Estefanía Torres Martínez, Kostadinka Kuneva, Ángela Vallina, Matt Carthy, Lynn Boylan, Liadh Ní Riada, Younous Omarjee

f'isem il-Grupp GUE/NGL

Davor Škrlec, Heidi Hautala, Judith Sargentini, Margrete Auken, Florent Marcellesi, Klaus Buchner, Bart Staes, Jordi Solé, Keith Taylor, Molly Scott Cato, Alyn Smith, Ernest Urtasun, Jakop Dalunde

f'isem il-Grupp Verts/ALE

Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Laura Agea

 

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tal-UNRWA

( 2018/2553(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Unjoni Ewropea u l-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA) tas-7 ta' Ġunju 2017 dwar l-appoġġ Ewropew għall-UNRWA (2017-2020),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 194 tal-11 ta' Diċembru 1948 u 302 tat-8 ta' Diċembru 1949, kif ukoll riżoluzzjonijiet rilevanti oħra tan-NU,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tat-30 ta' Marzu 2017 intitolat "Operations of the United Nations Relief and Works Agency for Palestine Refugees in the Near East" (Operazzjonijiet tal-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UNRWA hija aġenzija tan-NU mwaqqfa mill-Assemblea Ġenerali fl-1949 u mogħtija l-mandat li tipprovdi assistenza u protezzjoni lil madwar 5 miljun rifuġjat Palestinjan irreġistrat; billi s-servizzi tal-UNRWA jħaddnu l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-assistenza u s-servizzi soċjali, l-infrastruttura u t-titjib tal-kampijiet, il-protezzjoni u l-mikrofinanzjament; billi l-Assemblea Ġenerali tan-NU ġeddet il-mandat tal-UNRWA bosta drabi, l-aktar riċentement sat-30 ta' Ġunju 2020 bil-voti ta' 167 stat membru tan-NU;

B.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha, meqjusin flimkien, huma l-akbar donatur lill-UNRWA, hekk li fl-2017 ikkontribwew l-ammont ta' EUR 441 miljun; billi l-Istati Uniti tal-Amerka, bħala l-akbar donatur fost il-pajjiżi individwali, ħabbru li sejrin jikkontribwixxu USD 60 miljun, iżda mhumiex sejrin jirrilaxxaw USD 65 miljun minn pagament skedat ta' USD 125 miljun lill-UNRWA; billi din id-deċiżjoni, skont id-Dipartiment tal-Istat, kienet maħsuba biex tinkoraġġixxi lil pajjiżi oħra jkattru l-għajnuna, kif ukoll biex tippromwovi riforma fi ħdan l-Aġenzija;

C.  billi l-UNWRA ilha ħafna snin tiffaċċja nuqqasijiet strutturali kbar ta' natura finanzjarja u, indipendentement mid-deċiżjoni tal-Gvern tal-Istati Uniti, xorta kienet se tkompli tiffaċċja diffikultajiet fl-2018;

D.  billi, fir-rapport tiegħu tat-30 ta' Marzu 2017, is-Segretarju Ġenerali tan-NU għamel diversi rakkomandazzjonijiet maħsuba biex jiżguraw li l-UNRWA jkollha finanzjament adegwat, prevedibbli u sostenibbli;

1.  Jibqa' kommess bis-sħiħ li jappoġġja lill-UNRWA hija u tipprovdi servizzi vitali għall-benesseri, il-protezzjoni u l-iżvilupp uman tar-rifuġjati Palestinjani fl-Istrixxa ta' Gaża, fix-Xatt tal-Punent, fil-Ġordan, fil-Libanu u fis-Sirja; jifraħ lill-UNRWA tal-isforzi straordinarji tagħha, inkluża l-ħidma biex tipproteġi u tappoġġja aktar minn 400 000 rifuġjat Palestinjan, u ħafna oħrajn, fil-ħerba tal-gwerra fis-Sirja; ifakkar li l-UNRWA twaqqfet fi spirtu ta' solidarjetà mar-rifuġjati Palestinjani, biex ittaffilhom tbatijiethom;

2.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-kriżi fil-finanzjament tal-UNRWA; iħeġġeġ lid-donaturi kollha jonoraw il-wegħdiet li għamlu lill-Aġenzija;

3.  Jinnota li kwalunkwe tnaqqis jew dewmien mhux mistenni fil-pagamenti previsti tad-donaturi lill-UNRWA jista' jkollu impatt negattiv fuq l-aċċess ta' 1,7 miljun rifuġjat Palestinjan għall-għajnuna tal-ikel ta' emerġenza u ta' 3 miljuni oħra għall-kura primarja tas-saħħa, fuq l-aċċess għall-edukazzjoni ta' aktar minn 500 000 tifel u tifla Palestinjani f'702 skejjel tal-UNRWA, fosthom kważi 50 000 tifel u tifla fis-Sirja, kif ukoll fuq l-istabbiltà fir-reġjun;

4.  Jinnota li l-Unjoni Ewropea hija kommessa li tkompli tgħin lill-UNRWA tikseb riżorsi finanzjarji biex din tal-aħħar tkun tista' timplimenta l-mandat mogħti lilha mill-Assemblea Ġenerali tan-NU, topera fuq bażi sostenibbli u kosteffikaċi u tiżgura l-kwalità u l-livell tas-servizzi pprovduti lir-rifuġjati Palestinjani;

5.  Jilqa' d-deċiżjonijiet meħuda mill-Unjoni Ewropea u minn diversi Stati Membri tagħha li jħaffu l-finanzjament lill-UNRWA, u jħeġġeġ lid-donaturi l-oħra jimxu fuq dan l-eżempju; iħeġġeġ lill-Istati Uniti jerġgħu jikkunsidraw id-deċiżjoni tagħhom u jonoraw il-pagament sħiħ tal-kontribuzzjoni skedata tagħhom lill-Aġenzija; jilqa' l-kontribuzzjonijiet tal-istati membri tal-Lega Għarbija lill-UNRWA, iżda jitlob li jkabbru l-impenn tagħhom bil-għan li jagħlqu l-lakuna fil-finanzjament;

6.  Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jimmobilizzaw finanzjament addizzjonali għall-UNRWA biex din tkun tista' taqdi l-ħtiġijiet finanzjarji tagħha taż-żmien qasir; jenfasizza, madankollu, li kwalunkwe soluzzjoni fit-tul għal-lakuni finanzjarji rikorrenti tal-Aġenzija tista' tinkiseb biss permezz ta' skema ta' finanzjament sostenibbli f'qafas multilaterali globali; iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea tiżvolġi rwol ewlieni fil-komunità internazzjonali biex tistabbilixxi mekkaniżmu tali; jissottolinja l-importanza tar-rakkomandazzjonijiet magħmula mis-Segretarju Ġenerali tan-NU fir-rapport tiegħu tat-30 ta' Marzu 2017 f'dan ir-rigward;

7.  Jilqa' l-fatt li l-UNRWA qed tipprevedi li tibqa' għaddejja b'miżuri interni bil-għan li trażżan l-ispejjeż u tikseb aktar titjib fl-effiċjenza filwaqt li tfittex oqsma oħra fejn jista' jkun possibbli li tikseb aktar effiċjenza; Iħeġġeġ lill-Aġenzija tkompli ttejjeb l-istruttura maniġerjali u l-ippjanar strateġiku tagħha bil-għan li jkollha aktar trasparenza, obbligu ta' rendikont u superviżjoni interna, tiżgura rappurtar f'waqtu u preċiż lill-UE dwar il-programmi u l-finanzi, tiżgura li ma jsirx użu ħażin mill-faċilitajiet tal-UNRWA, tinvestiga allegazzjonijiet ta' ksur tan-newtralità mill-membri tal-persunal tagħha u tieħu azzjoni dixxiplinarja xierqa fejn ikun meħtieġ; jenfasizza li huwa importanti li n-newtralità tal-installazzjonijiet tal-UNRWA tkun irrispettata f'konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali u mal-istatus diplomatiku tal-Aġenzija bħala struttura tan-NU;

8.  Itenni li l-objettiv primarju tal-UE huwa t-twettiq tas-soluzzjoni ta' żewġ stati għall-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestina abbażi tal-fruntieri tal-1967, b'Ġerusalemm bħala l-belt kapitali taż-żewġ stati, bi Stat ta' Iżrael sigur u Stat Palestinjan indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli, li jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà, abbażi tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni u tar-rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kummissarju Ġenerali tal-UNRWA, lill-Mibgħut tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, kif ukoll lill-Kungress u lid-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti.