Dokument ta' sessjoni

 

   B8‑0096/2018 }

   B8‑0098/2018 }

   B8‑0099/2018 }

   B8‑0102/2018 }

   B8‑0105/2018 }

   B8‑0106/2018 } RC1

 

7.2.2018

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

Verts/ALE ( B8-0096/2018 )

ECR ( B8-0098/2018 )

PPE ( B8-0099/2018 )

ALDE ( B8-0102/2018 )

S&D ( B8-0105/2018 )

GUE/NGL ( B8-0106/2018 )

dwar ir-Russja, il-każ ta' Oyub Titiev u ċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial

( 2018/2560(RSP) )

Cristian Dan Preda, Tunne Kelam, Tomáš Zdechovský, Jeroen Lenaers, Bogdan Brunon Wenta, Jaromír Štětina, Michaela Šojdrová, Romana Tomc, Laima Liucija Andrikienė, Roberta Metsola, Eduard Kukan, Ivan Štefanec, Milan Zver, Patricija Šulin, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Krzysztof Hetman, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Dubravka Šuica, Francis Zammit Dimech, László Tőkés, David McAllister, Adam Szejnfeld, Mairead McGuinness, Csaba Sógor, Sandra Kalniete, Ramona Nicole Mănescu, Anna Maria Corazza Bildt, Deirdre Clune, Seán Kelly, Pavel Svoboda, Inese Vaidere, Željana Zovko, Stanislav Polčák, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra

f'isem il-Grupp PPE

Elena Valenciano, Victor Boştinaru, Soraya Post

f'isem il-Grupp S&D

Charles Tannock, Karol Karski, Ruža Tomašić, Jan Zahradil, Kosma Złotowski, Anna Elżbieta Fotyga, Zdzisław Krasnodębski

f'isem il-Grupp ECR

Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Dita Charanzová, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, Nathalie Griesbeck, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Ilhan Kyuchyuk, Louis Michel, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Cecilia Wikström

f'isem il-Grupp ALDE

Helmut Scholz, Merja Kyllönen, Barbara Spinelli

f'isem il-Grupp GUE/NGL

Heidi Hautala, Barbara Lochbihler, Klaus Buchner, Ernest Urtasun, Alyn Smith, Florent Marcellesi, Davor Škrlec

f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Russja, il-każ ta' Oyub Titiev u ċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial

( 2018/2560(RSP) )

 

 

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar l-istat tad-dritt fir-Russja[1], tat-13 ta' Marzu 2014 dwar ir-Russja: l-għoti ta' sentenzi lid-dimostranti involuti fl-avvenimenti ta' Pjazza Bolotnaya[2] u tat-23 ta' Ottubru 2014 dwar l-għeluq tal-NGO "Memorial" (rebbieħa tal-Premju Sakharov 2009) fir-Russja[3],

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-12 ta' Jannar 2018 tal-Presidenti tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u s-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Parlament li fiha ntalab ir-rilaxx immedjat tad-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Oyub Titiev,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikolu 7 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li t-tnejn jipprevedu li ħadd ma għandu jkun soġġett għal tortura jew għal trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti u li l-Federazzjoni Russa hija firmatarja tagħhom,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UE tad-19 ta' Jannar 2018 dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-rigward taċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial fir-Russja u d-Dikjarazzjoni maħruġa mill-Kelliem tas-SEAE fil-11 ta' Jannar 2018 dwar id-detenzjoni tad-Direttur taċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial fir-Repubblika taċ-Ċeċenja, is-Sur Oyub Titiev,

–  wara li kkunsidra ż-żjara tal-Kumitat tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Prevenzjoni tat-Tortura fir-Repubblika tac-Ċeċenja tal-Federazzjoni Russa f'Novembru-Diċembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-9 ta' Diċembru 1998,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) eżistenti li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Federazzjoni Russa, min-naħa l-oħra, kif ukoll in-negozjati sospiżi għal ftehim ġdid bejn l-UE u r-Russja,

–  wara li kkunsidra s-seba' rapport perjodiku tal-Federazzjoni Russa eżaminat mill-Kumitat tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fit-3 136 laqgħa u fit-3 137 laqgħa tiegħu, li saru fis-16 u fis-17 ta' Marzu 2015,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Kunsill Ewropew tal-24 ta' Ġunju 2013 għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha minn persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI),

–  wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-12 ta' Marzu 2015 dwar il-qtil tal-mexxej tal-oppożizzjoni Russa Boris Nemtsov u l-istat tad-demokrazija fir-Russja[4], tal-24 ta' Novembru 2016 dwar il-każ ta' Ildar Dadin, priġunier minħabba twemmin fir-Russja[5] u tas-6 ta' April 2017 dwar ir-Russja, l-arrest ta' Alexei Navalny u dimostranti oħra[6],

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Federazzjoni Russa, bħala membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa u firmatarja tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, intrabtet li tosserva l-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem; billi r-Russja għandha l-obbligu u l-mezzi biex tinvestiga d-delitti mwettqa mill-awtoritajiet Ċeċeni; billi l-Federazzjoni Russa rratifikat 11 mit-18-il trattat internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

B.  billi Oyub Titiev, id-direttur fl-uffiċju Ċeċen tal-organizzazzjoni għad-drittijiet tal-bniedem rebbieħa tal-Premju Sakharov 2009, iċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial (komunement magħrufa bħala Memorial), ġie arrestat fid-9 ta' Jannar 2018 mill-pulizija Ċeċena u akkużat b'pussess tad-droga; billi s-Sur Titiev ċaħad dawn l-akkużi filwaqt li diversi NGOs u difensuri oħra tad-drittijiet tal-bniedem skreditawhom bħala vvintati;

C.  billi fil-25 ta' Jannar 2018 il-Qorti Suprema tar-Repubblika taċ-Ċeċenja kkonfermat id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Belt ta' Shalinsky li Oyub Titiev jinżamm arrestat għal xahrejn;

D.  billi d-dritt kriminali tal-Federazzjoni Russa ġie emendat u ġie introdott l-Artikolu 212.1 il-ġdid, li taħtu persuna tista' tiġi akkużata f'każ ta' ksur tal-liġi dwar l-assemblej pubbliċi, minkejja l-fatt li din l-emenda tillimita l-libertà tal-kelma u tal-assemblea;

E.  billi l-awtoritajiet Russi juru tendenza li jinjoraw id-dritt tal-libertà tal-assemblea u f'Moska biss arrestaw aktar minn 1 000 ċittadin dimostranti u ħafna aktar f'diversi bliet oħra tal-Federazzjoni Russa wara d-dimostrazzjonijiet paċifiċi li saru fis-26 ta' Marzu 2017;

F.  billi l-għadd ta' priġunieri politiċi fil-pajjiż żdied b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin u, skont Memorial, fl-2016 laħaq iċ-ċifra ta' 102;

G.  billi l-liġi dwar l-NGOs tal-2012 irrestrinġiet severament il-kapaċità tal-NGOs li jaħdmu b'mod indipendenti u joperaw b'mod effettiv; billi, skont din il-liġi, Memorial ġiet indikata bħala "aġent barrani" mill-Ministeru tal-Ġustizzja Russu;

H.  billi Yuri Dmitriev, storiku tal-Memorial, kien parti minn tim li sab qabar tal-massa ta' aktar minn 9 000 persuna f'Sandarmokh, ħafna minnhom membri tal-intelligentsia Sovjetika; billi, f'dawn l-aħħar snin, Memorial saret l-aħħar organizzazzjoni indipendenti għad-drittijiet tal-bniedem li għadha topera fir-Repubblika taċ-Ċeċenja; billi huwa probabbli ħafna li l-attakki fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika taċ-Ċeċenja, inklużi l-akkużi kriminali vvintati kontra Oyub Titiev u l-attakki ta' ħruq doluż fir-repubbliki tal-viċinat, ġew orkestrati b'ritaljazzjoni kontra Memorial talli kixfet u fittxet ġustizzja għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċeċenja;

I.  billi l-Parlament ta l-Premju Sakharov 2009 għal-Libertà tal-Ħsieb lill-grupp tad-drittijiet tal-bniedem Memorial;

J.  billi fl-Indiċi tad-Demokrazija tal-Economist għall-2017, ir-Russja hija kklassifikata fil-135 pożizzjoni minn 167 pajjiż, u dan juri deterjorament sinifikanti meta mqabbel mal-klassifika tal-pajjiż fil-102 pożizzjoni fl-2006;

K.  billi hemm livell għoli ta' tħassib fir-rigward tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-konfront tal-persuni LGBTI fiċ-Ċeċenja; billi l-Federazzjoni Russa hija firmatarja ta' bosta trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u – bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa – tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u għaldaqstant għandha d-dmir li tiżgura s-sikurezza tal-persuni kollha li jistgħu ikunu f'riskju; billi l-UE ripetutament offriet għajnuna u għarfien espert addizzjonali biex tgħin lir-Russja timmodernizza u ssegwi l-ordinament kostituzzjonali u ġuridiku tagħha, f'konformità mal-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa; billi r-Russja għandha l-obbligu u l-mezzi biex tinvestiga d-delitti mwettqa mill-awtoritajiet Ċeċeni; billi fl-1993 l-omosesswalità ġiet dekriminalizzata fil-Federazzjoni Russa;

1.  Jitlob ir-rilaxx immedjat tad-Direttur taċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial fir-Repubblika taċ-Ċeċenja, is-Sur Oyub Titiev, li ġie arrestat fid-9 ta' Jannar 2018 u mbagħad uffiċjalment mixli u mibgħut biex jinżamm taħt arrest fuq akkużi foloz ta' akkwist u pussess illegali ta' narkotiċi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jiżguraw ir-rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet ġuridiċi tas-Sur Titiev, inkluż l-aċċess għal avukat u għall-kura medika, għall-integrità fiżika u d-dinjità u l-protezzjoni mill-intimidazzjoni ġudizzjarja, mill-kriminalizzazzjoni u mill-arrest arbitrarju;

2.  Jiddeplora d-dikjarazzjoni magħmula mill-awtoritajiet Ċeċeni li tikkritika l-ħidma tad-difensuri u l-organizzazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem; jinnota bi tħassib li l-arrest ġara ftit wara r-rimarki pubbliċi tas-Sur Magomed Daudov, l-ispeaker tal-parlament Ċeċen, li jidher li japprova mill-vjolenza kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

3.  Huwa tal-fehma li l-arrest tas-Sur Titiev huwa parti minn xejra inkwetanti ta' arresti, attakki, intimidazzjonijiet u skreditazzjonijiet ta' ġurnalisti indipendenti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jaħdmu fiċ-Ċeċenja; jirrimarka li każijiet oħra li jiffurmaw parti minn din ix-xejra inkwetanti jinkludu l-arresti tal-president tal-Assemblea tal-Popli tal-Kawkasu, Ruslan Kutaev, u l-ġurnalist Zhalaudi Geriev, li kienet ingħatatilhom sentenza fuq bażijiet dubjużi relatati mad-drogi fl-2014 u fl-2016, rispettivament;

4.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar il-fatt li ħadd għadu ma tressaq quddiem il-ġustizzja għall-qtil tal-predeċessur tas-Sur Oyub Titiev f'Memorial u attivista tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċeċenja, is-Sa Natalia Estemirova, li kienet inħatfet minn quddiem id-dar tagħha fi Grozny f'Lulju 2009 u fl-istess jum kienet instabet maqtula b'arma tan-nar qrib il-villaġġ ta' Gazi-Yurt fl-Ingushetia, reġjun fil-viċin; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jwettqu investigazzjonijiet ġenwini dwar dan id-delitt; ifakkar, f'dan ir-rigward, li avukat u attivist tad-drittijiet tal-bniedem ieħor, Stanislav Markelov, magħruf għall-ħidma tiegħu fuq l-abbużi Ċeċeni, kien inqatel b'arma tan-nar fiċ-ċentru ta' Moska fl-2009;

5.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi biex immedjatament itemmu din ix-xejra inkwetanti ta' arresti, attakki, intimidazzjonijiet u skreditazzjonijiet ta' ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem indipendenti li jaħdmu f'dak ir-reġjun tal-Federazzjoni Russa, bi ksur tad-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni; jikkundanna l-attakki fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem mill-awtoritajiet Ċeċeni u jħeġġeġ lil Moska ttemm dawn l-attakki u trawwem klima ta' ħidma normali għad-difensuri u għall-organizzazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċeċenja u f'partijiet oħra tal-Federazzjoni Russa;

6.  Jesprimi tħassib profond dwar il-fatt li l-kundizzjonijiet għas-soċjetà ċivili kritika fir-Russja qed jeħżienu, b'mod partikolari dawk l-organizzazzjonijiet li jaħdmu għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet demokratiċi u jesprimu kritika fir-rigward tal-politiki tal-istat f'dan ir-rigward; jissottolinja li Memorial, ir-rebbieħa tal-Premju Sakharov 2009, għadha waħda mill-aktar ilħna awtorevoli dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-Russja llum u saret l-aħħar organizzazzjoni għad-drittijiet tal-bniedem indipendenti li għadha topera fir-Repubblika taċ-Ċeċenja u jesprimi s-solidarjetà u l-appoġġ qawwi tiegħu għall-ħidma dedikata tagħha;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet Russi biex jipproteġu liċ-ċittadini Russi kollha mill-abbuż illegali; jistieden lill-awtoritajiet Russi biex immedjatament itemmu r-ripressjoni tal-libertà tal-espressjoni fiċ-Ċeċenja u jipprovdu garanziji ta' sigurtà effettivi lill-vittmi u lix-xhieda tal-abbużi u jressqu lill-awturi tal-abbużi quddiem il-ġustizzja; jissottolinja li r-Russja u l-gvern tagħha jġorru r-responsabilità finali biex jinvestigaw dawn l-atti, iressqu lill-awturi quddiem il-ġustizzja u jipproteġu liċ-ċittadini Russi kollha mill-abbuż illegali;

8.  Jirrimarka li sinjal ieħor ta' persekuzzjoni u fastidju mġarrbin mill-organizzazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun tal-Kawkasu tat-Tramuntana kien l-attakk ta' ħruq doluż fis-17 ta' Jannar 2018 kontra l-uffiċċji ta' Memorial fir-Repubblika ta' Ingushetia, fil-viċinat, u l-attakk fit-22 ta' Jannar 2018 meta persuni mhux magħrufa dolożament qabbdu n-nar fuq karozza li tappartjeni lill-uffiċċju lokali ta' Memorial f'Dagestan; jikkundanna dawn l-attakki u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jinvestigaw b'mod effettiv dawn l-attakki u attakki oħra kontra l-proprjetà ta' Memorial u t-theddid kontra l-persunal tagħha u jiżguraw li dawk responsabbli jwieġbu għal għemilhom;

9.  Jistieden lill-awtoritajiet Russi jwettqu investigazzjonijiet immedjati, indipendenti, oġġettivi u bir-reqqa dwar l-iżviluppi deplorevoli fiċ-Ċeċenja b'urġenza; jistieden lill-awtoritajiet Ċeċeni u lil dawk tal-Federazzjoni Russa jirrispettaw il-leġiżlazzjoni interna u l-impenji internazzjonali u jirrispettaw l-istat tad-dritt u l-istandards universali tad-drittijiet tal-bniedem u jiżguraw is-sikurezza u l-libertajiet demokratiċi tal-persuni kollha li jistgħu jkunu f'riskju;

10.  Jieħu nota tat-talba minn Memorial biex jiġi investigat il-każ ta' Titiev barra miċ-Ċeċenja;

11.  Jikkundanna l-attakki kontra gruppi oħra tas-soċjetà ċivili u l-NGOs fiċ-Ċeċenja, inklużi l-attakki u l-kampanja ta' malafama kontra l-Grupp Mobbli Konġunt tad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem fiċ-Ċeċenja (JMG), li mexxew l-irtirar tal-grupp miċ-Ċeċenja għal raġunijiet ta' sigurtà fl-2016;

12.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar ir-rapporti ta' arrest arbitrarju u tortura ta' persuni meqjusa bħala LGBTI fir-Repubblika taċ-Ċeċenja; jistieden lill-awtoritajiet itemmu din il-kampanja ta' persekuzzjoni u jħallu lill-organizzazzjonijiet internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem iwettqu investigazzjoni kredibbli dwar id-delitti allegati; jikkundanna wkoll il-qtil ta' individwi minn membri tal-familja f'hekk imsejjaħ "qtil tal-unur" u jiddeplora l-appoġġ u t-tħeġġiġ tal-awtoritajiet Ċeċeni għal dawn id-delitti;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jgħinu lil dawk li ħarbu miċ-Ċeċenja u biex jikxfu din il-kampanja ta' abbuż fil-beraħ; jilqa' l-fatt li għadd ta' Stati Membri taw asil lil dawn il-vittmi u jistieden lill-Istati Membri kollha biex ikomplu jew iħaffu l-proċeduri ta' talba għall-asil għall-vittmi, il-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, b'konformità mal-liġi Ewropea u nazzjonali;

14.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lis-SEAE jiżguraw li l-każijiet kollha ta' persuni pproċessati għal raġunijiet politiċi jitqajmu fil-konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u r-Russja, meta jitkomplew, u li r-rappreżentanti tar-Russja f'dawn il-konsultazzjonijiet jintalbu jwieġbu formalment f'kull każ u jirrappurtaw lura lill-Parlament dwar l-iskambji tagħhom mal-awtoritajiet Russi;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa u lill-awtoritajiet Ċeċeni.

 

 

[1] Testi adottati, P7_TA(2013)0284
[2] ĠU C 378, 9.11.2017, p. 250.
[3] ĠU C 274, 27.7.2016, p. 21.
[4] Testi adottati, P8_TA(2015)0074
[5] Testi adottati, P8_TA(2016)0446
[6] Testi adottati, P8_TA(2017)0125