PARLAMENT EWROPEW

Dokument ta' sessjoni

6.12.2006   B6‑0632/06

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara il-mistoqsija li titlob tweġiba orali B6‑0120/06

skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura

minn Pervenche Berès, Wolf Klinz, Monica Frassoni, Magda Kósáné Kovács, Adeline Hazan, Alain Lipietz, Antolín Sánchez Presedo, Benoît Hamon, Rosa Miguélez Ramos, Bernard Poignant, Catherine Trautmann, Henri Weber, Inés Ayala Sender, Jean Louis Cottigny, Jean-Luc Bennahmias, Marc Tarabella, Jean-Paul Gauzès, Kader Arif, Marie-Arlette Carlotti, Martine Roure, Yannick Vaugrenard, Harlem Désir, Gilles Savary, Guy Bono, Janelly Fourtou, Marie-Line Reynaud, Bernadette Vergnaud, Catherine Guy Quint, Pierre Moscovici, Jean Claude Fruteau, Csaba Sándor Tabajdi, Françoise Castex, Anne Ferreira, Robert Navarro, Brigitte Douay, Bernadette Bourzai, Alain Hutchinson, Sergio Sousa-Pinto, Alejandro Cercas, Maria Badia I Cutchet, Ignasi Guardans u Michel Rocard

 

dwar l-implikazzjonijiet jekk tiġi ffirmata l-Konvenzjoni ta' The Hague dwar it-Titoli

B6‑0632/06

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-implikazzjonijiet jekk tiġi ffirmata l-Konvenzjoni ta' The Hague dwar it-Titoli

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' The Hague dwar il-liġi applikabbli għal ċertu drittijiet fir-rigward ta' titoli miżmuma minn intermedjarju u r-rapport spjegattiv dwarha,

-  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar tal-Konvenzjoni ta' The Hague dwar il-liġi applikabbli għal ċertu drittijiet fir-rigward ta' titoli miżmuma minn intermedjarju,

-  wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni dwar ċertu aspetti legali tal-Konvenzjoni ta' The Hague dwar il-liġi applikabbli għal ċertu drittijiet fir-rigward ta' titoli miżmuma minn intermedjarju,

-  wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ġunju 2002 dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali, u b'mod speċifiku l-Artikolu 9 tagħha,

-  wara li kkunsidra d-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli, u b'mod speċifiku l-Artikolu 9(2) tagħha,

-  wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-4 ta' April 2001 fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta' istituzzjonijiet ta' kreditu, u b'mod speċifiku l-Artikolu 24 u l-Artikolu 31, it-tielet inċiż, tagħha,

-  wara li kkusidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew,

-  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-ħidma tal-Konferenza ta' The Hague wara l-adeżjoni tal-Komunità tas-7 ta' Settembru 2006,

-  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew intitolata "Il-mekkaniżmi ta' kklerjar u ta' ħlas fl-Unjoni Ewropea - Problemi prinċipali u sfidi għall-ġejjieni",

-  wara li kkunsidra l-Artikolu 300 (2), l-ewwel inċiż, u (3), it-tieni inċiż, tat-Trattat KE,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 45 u 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Konvenzjoni ta' The Hague dwar il-liġi applikabbli għal ċertu drittijiet fir-rigward ta' titoli miżmuma minn intermedjarju mhix kumpatibbli mat-tliet Direttivi magħrufa bħala "arranġamenti kollaterali", "finalità" u "stralċ ta' istituzzjonijiet ta' kreditu",

B. billi l-Kummissjoni, b'konsegwenza ta' dan, qed tipprevedi r-reviżjoni ta' dawn it-tliet direttivi, li ġew adottati permezz ta' kodeċiżjoni mal-Parlament Ewropew,

C. billi dawn id-direttivi stabilixxew prinċipju magħruf bħala PRIMA ("Place of the Relevant Intermediary Approach", jew Approċċ relatat mal-Post ta' l-Intermedjarju Relevanti) bl-għan li tiġi żgurata is-sigurtà legali tal-ħlasijiet u superviżoni effikaċi ta' l-intermedjarji finanzjarji,

D. billi, fin-nuqqas ta' armonizzazzjoni tad-drittijiet materjali f'dak li għandu x'jaqsam mal-propjetà, mad-dritt għall-vot u mad-drittijiet u l-obbligi tad-depożitarji ċentrali fir-rigward tad-detenturi ta' kontijiet, u b'mod speċifiku tad-distinzjoni bejn l-investimenti miżmuma mis-sid innifsu u dawk miżmuma f'isem klijent, hemm bżonn li, qabel ma jiġi abbandunat il-prinċipju PRIMA, jiġi kkonsultat effettivament il-Parlament Ewropew, fuq il-bażi ta' eżami preliminari fil-fond mill-kumitati kollha kkonċernati,

E. billi l-Parlament Ewropew għandu s-setgħa ta' kunsens f'dak li għandu x'jaqsam mar-ratifika tal-Konvenzjoni ta' The Hague,

1. Itenni l-ħtieġa ta' kontroll demokratiku tan-negozjati mwettqa fi ħdan il-Konferenza ta' The Hague dwar il-liġi internazzjonali privata;

2. Jinsisti fuq il-konsultazzjoni meħtieġa tal-Parlament Ewropew qabel ir-ratifika, b'mod speċifika dwar l-abbozzi tal-mandati għan-negozjae u l-utilità tal-klawżoli għat-tneħħija tal-konnessjonijiet;

3. Ifakkar fir-rabta tal-Parlament mal-prinċipju PRIMA, mad-definizjoni ta' qafas komuni biex jitwettqu l-attivitajiet ta' kklerjar u ta' ħlas, mal-ġlieda effettiva kontra l-ħasil tal-flus u mar-rispett ta' intenzjonijiet għall-votazzjoni ta' l-azzjonisti;

4. Iqis li hu kruċjali li tiġi assigurata s-sigurtà legali ex ante f'dak li għandu x'jaqsam mal-liġi applikabbli għal ċertu kwistjonijiet dwar iż-żamma, l-opponibilità u t-trasferiment ta' titoli kkreditati f'kont mużmuma minn intermedjarji, u kif ukoll il-garanziji kostitwiti fuq titoli ta' dan it-tip, f'kuntest internazzjonali u li jitnaqqsu r-riskji sistematiċi li jistgħu jirriżultaw f'inċertezzi f'dan ir-rigward;

5. Juri t-tħassib intens ħafna tiegħu fir-rigward tar-riżervi espressi f'diversi okkażjonijiet mill-Bank Ċentrali Ewropew fil-qasam tar-riskju sistematiku, u f'dak li għandu x'jaqsam mar-riskju ta' tkabbir esponenzjali tat-tilwim dwar l-infurzar ta' titolu waqt liema l-qrati jkollhom japplikaw liġi barranija b'mod speċjali bl-għan li jiġi ddeterminat il-grad tat-titolu;

6. Hu tal-fehma li sistema legali waħda għandha tirregola l-aspetti patrimonjali tat-titoli kollha kkreditati fil-kontijiet tal-parteċipanti fi ħdan is-sistema, u bl-istess mod, li sistema legali waħda għandha għandha tirregola l-aspetti kontrattwali tar-relazzjoni bejn is-sistema u kull parteċipant fiha, bl-għan li jitħarsu n-natura definittiva, is-sigurtà u t-trasparenza tas-sistema;

7. Hu tal-fehma li l-iżgurar tas-sigurtà tat-tranżazzjonijiet intra-Ewropej għandhom jieħdu preċedenza fuq il-faċilitazzjoni tat-tranżazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-bqija tad-dinja.

8. Jisgħobih li n-natura mhix xierqa tat-test ta' realtà (l-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni) u l-eżenzjonijiet f'dak li għandu x'jaqsam mal-liġijiet tal-pulizija (l-Artikolu 11(3) tal-Konvenzjoni) tirriskja li titħeġġeġ l-għażla tal-liġijiet bl-inqas irbit u li jinħolqu distorsjonijiet fis-suq intern tas-servizzi finanzjarji;

9. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżentalu studju ta' l-impatt eżawrjenti dwar il-konsegwenzi li l-adeżjoni ġġib għal-liġi u l-ekonomija ta' l-Unjoni Ewropea; dan l-istudju għandu, b'mod partikulari, jispeċifika l-konsegwenzi fiskali ta' l-adeżjoni għall-Konvenzjoni, il-konsegwenzi marbuta mat-trasferimenti ta' riskji bejn entitajiet (depożitarji ċentrali, banek, depożitanti) provokati mill-abbandun tal-prinċipju PRIMA, il-konsegwenzi fuq l-eżerċitar tad-dritt għall-vot marbut mat-titolu, l-effetti fuq ir-remunerazzjoni tas-sid aħħari tat-titolu, il-ġlieda kontra l-abbużi tas-suq, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu, l-effikaċità tas-sistema ta' kklerjar u ħlas, u l-identifikar tar-riskja ta' insolvenza ta' l-istabbilimenti ta' kreditu;

10. Jitlob li dan l-istudju ta' impatt jiġu adottat mill-Kulleġġ tal-Kummissarji qabel ma jsir xi forma ta' impenn għall-firma f'isem il-Komunità;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.