PARLAMENT EWROPEW
Dokument ta' sessjoni
7.2.2007 B6‑0045/2007
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
biex jingħalaq id-dibattitu dwar dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
imressqa minn Karl-Heinz Florenz
f’isem il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta’ l-Ikel
dwar il-bidla fil-klima
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-bidla fil-klima
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-tnax-il Konferenza ta' l-Istati Kontraenti (COP 12) għall-UNFCCC u t-tieni Konferenza ta' l-Istati Kontraenti li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Protokoll ta' Kyoto (COP/MOP 2) li saret f'Nairobi, il-Kenja, bejn is-6 u s-17 ta' Novembru 2006,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-bidla fil-klima, u b'mod partikulari dawk tas-16 ta' Novembru 2005 dwar 'Nirbħu l-Ġlieda kontra l-Bidla fil-Klima Dinjija'[1] u tas-26 ta' Ottubru 2006 dwar 'l-Istrateġija ta' l-UE għall-Konferenza ta' Nairobi (COP 12 u COP/MOP 2)'[2],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar 'Il-Limitar tal-Bidla fil-Klima Dinjija għal 2 gradi Celsius - It-triq lejn l-2020 u lil hinn'[3],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi eventi estremi ta' maltemp riċenti, bħalma kienet il-maltempata Kyrill li ħalliet ħafna ħsara, iwasslu għal dibattitut aktar intensiv dwar il-bidla fil-klima,
B. billi event estrem wieħed ta' maltemp ma jistax jintrabat direttament mal-bidla fil-klima iżda wieħed irid jikkunsidra li ħafna xjentisti jqisu li ż-żjieda fl-intensità ta' eventi estremi ta' maltemp hija marbuta mal-bidla fil-klima,
1. Jenfasizza l-urġenza li jittieħdu azzjonijiet konkreti fuq livell dinji sabiex jaffrontaw il-bidla fil-klima, kif ukoll il-ħtieġa għal tmexxija politika li tmexxi l-proċess 'il quddiem;
2. F'dan il-kuntest jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Presidenza attwali tal-Kunsill poġġew il-bidla fil-klima fil-qalba ta' l-aġenda politika tagħhom;
3. Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea sabiex iżżomm l-irwol prinċipali tagħha fin-negozjati bil-għan li jitwaqqaf qafas internazzjonali dwar il-bidla fil-klima wara l-2012 u biex iżżomm livell għoli ta' ambizzjoni f'diskussjonijiet fil-ġejjieni ma' l-imsieħba internazzjonali tagħha;
4. Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea sabiex turi d-determinazzjoni tagħha billi tindirizza l-bidla fil-klima permezz ta' progress li jitkejjel fit-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tagħha ta' gassijiet b'effett ta' serra (GHG) u billi tilħaq il-miri tagħha domestiċi u internazzjonali għat-tnaqqis ta' emissjonijiet;
5. Jirrikonoxxi li s-sehem ta' l-UE fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra - 14%[4] - tista' tidher baxxa; madankollu, jenfasizza li, meta mkejjel f'termini ta' l-emissjonijiet per capita, is-sehem ta' l-UE huwa fost l-ogħla fid-dinja; sabiex jitnaqqsu dawn id-differenzi, ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri bl-obbligi tagħhom skond il-Protokoll ta' Kyoto u l-Ftehimiet ta' Marrakesh sabiex jiżguraw is-supplimentarjetà ta' l-użu tagħhom ta' mekkaniżmi flessibbli;
6. Jenfasizza l-ħtieġa sabiex jitħaffu b'mod sinifikanti n-negozjati internazzjonali dwar il-qafas ta' wara l-2012 sabiex ikun żgurat li ma jkunx hemm vojt bejn l-ewwel u t-tieni perjodi ta' impenn skond il-Protokoll ta' Kyoto u sabiex il-komunità internazzjonali tingħata żmien biex tippjana l-miżuri meħtieġa; itenni l-appell tiegħu sabiex jintlaħaq ftehim sa l-aħħar ta' l-2008 u mhux aktar tard mill-2009;
7. Jenfasizza li l-UE għandha tibbaża l-istrateġija tagħha fuq is-suppożizzjoni li jintlaħaq ftehim dwar qafas għal wara l-2012 fuq livell internazzjonali; għaldaqstant jemmen li għadu kmieni sabiex f'dan l-istadju tiġi diskussa strateġija dwar x'jista' wieħed jirrikorri għalih f'każ li ma jintlaħaqx ftehim internazzjonali;
8. Ifakkar li, kif stipulat fir-riżoluzzjonijiet tas-16 ta' Novembru 2005 u tas-26 ta' Ottubru 2006, u parzjalment rikonoxxuta mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha, l-istrateġija ta' l-UE dwar il-bidla fil-klima għandha tkun ibbażata fuq l-objettivi ewlenin li ġejjin:
(i) li ż-żjieda fit-temperatura medja globali tkun limitata għal 2°C ogħla mil-livelli ta' qabel l-industrijalizzazzjoni;
(ii) li sa l-2020 jitwettaq tnaqqis fl-emissjonijiet dinjin ta' 30% meta mqabbla mal-livelli ta' emissjoni ta' l-1990, bil-ħsieb li jintlaħaq tnaqqis ta' xi 80% sa l-2050;
9.Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' ċarezza tal-'pakkett dwar l-enerġija u l-klima' tal-Kummissjoni fir-rigward ta' l-objettiv ta' tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra sa l-2020; jenfasizza li hija meħtieġa talanqas riduzzjoni ta' 30% sabiex ikun hemm possibilità raġonevoli li jintlaħaq l-objettiv ta' l-UE li tillimita ż-żjieda tat-temperatura medja għal 2°C;
10. Jenfasizza li, sabiex jintlaħaq ftehim fuq livell internazzjonali dwar tnaqqis ta' 30% ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra fil-pajjiżi kollha industrijalizzati, l-Unjoni Ewropea trid tiffoka mhux biss fuq politika ambjentali iżda wkoll fuq politika barranija u ta' kummerċ internazzjonali kif ukoll fuq rieda biex tbiddel id-domanda għall-enerġija u għal riżorsi naturali oħra, u li għaldaqstant, din l-istampa aktar wiesgħa trid tkun parti mid-diskussjoni dwar l-istrateġija sabiex jintlaħaq l-objettiv imsemmi hawn fuq;
11. Iqis li l-Istati Membri żviluppati f'sens ekonomiku esportaw għadd kbir ta' attivitajiet u teknoloġiji tagħhom li jikkonsmaw l-enerġija u r-riżorsi naturali lejn pajjiżi anqas żviluppati, fejn l-istess attività possibilment tikkawża emissjonijiet ogħla ta' gassijiet b'effett ta' serra; għaldaqstant iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati membri sabiex jistabbilixxi politiki li ma jħallux li jsiru dawn il-prattiki;
12. Jinsisti dwar ir-responsabilità speċifika tal-pajjiżi żviluppati li jaffrontaw il-bidla fil-klima fuq livell dinji; jistieden, għalhekk, lill-Partijiet fl-Anness I biex jissodisfaw l-impenji eżistenti tagħhom u biex jadottaw objettivi ambizzjużi għat-tieni perjodu ta' impenn wara l-2012; jistieden, barra minn hekk, lil dawk il-pajjiżi industrijalizzati li għadhom ma rratifikawx il-Protokoll ta' Kyoto biex jerġgħu jikkunsidraw il-pożizzjoni tagħhom, biex jieħdu miżuri domestiċi vigorużi, u biex jieħdu rwol attiv f'negozjati internazzjonali fil-ġejjieni, b'intenzjoni li jipparteċipaw fir-reġim għal bidla tal-klima fil-futur;
13. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jinvestigaw il-possibilità li jadottaw miżuri ta' aġġustamenti konfinali applikabbli għall-kummerċ sabiex ipattu kwalunkwe vantaġġ kompetittiv li fuq żmien qasir jista' jkollhom il-produtturi f'pajjiżi industrijalizzati mingħajr restrizzjonijiet ta' emissjonijiet ta' karbonju;
14. Itenni l-proposti tiegħu li jirrevedi l-Iskema tal-Kummerċ ta' l-Emissjonijiet (ETS) bil-għan li jkun armonizzat il-metodu ta' allokazzjoni fuq il-bażi ta' punti ta' riferenza u rkantar;
15. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-pajjiżi li mhumiex partijiet fl-Anness I iridu jkunu aktar involuti fil-proċess, iżda jenfasizza li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw m'għandhomx jitqiesu bħala blokk wieħed u li l-attivitajiet imwettqa minn jew ġo pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom ikunu ddivrenzjati fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi nazzjonali partikulari tagħhom; jenfasizza wkoll li l-anqas pajjiżi żviluppati m'għandhom ikunu rikjesti jieħdu l-ebda impenji;
16. Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet internazzjonali indaqs, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw li jipproponi objettivi settorjali għall-industriji li jesportaw li jikkonsmaw ħafna enerġija f'pajjiżi mingħajr impenji ta' tnaqqis ta' emissjonijiet li jorbtu bħala suppliment għall-objettivi ta' emissjoni li jorbtu għall-pajjiżi industrijalizzati;
17. Jenfasizza li l-politika dwar l-enerġija hija element kruċjali ta' l-istrateġija dinjija ta' l-UE dwar il-bidla fil-klima u li d-diversifikazzjoni tar-riżorsi ta' l-enerġija u l-qalba lejn teknoloġiji ta' l-enerġija alternattiva, ħielsa mill-karbonju u ta' karbonju baxx għandha potenzjal qawwi għat-tnaqqis ta' emissjonijiet filwaqt li tiżgura dipendenza enerġetika fuq sorsi esterni li tkun aktar baxxa;
18. Iqis li hemm potenzjal għoli għal tnaqqis fl-emissjonijiet fil-qasam ta' l-effiċjenza enerġetika; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jadottaw miżuri u miri ambizzjużi f'dan il-qasam u biex jesploraw il-possibilità li jmorru 'l hinn mill-mira ta' tnaqqis ta' 20% proposta mill-Kummissjoni;
19. Iqis li b'sistemi nazzjonali bbilanċjati sewwa ta' taxxa u levy, l-effiċjenza enerġetika fl-Istati Membri tista' titkabbar u l-konsum ta' l-enerġija bla bżonn tista' tkun evitata;
20. Jistieden lill-Istati Membri biex iwettqu l-impenji tagħhom billi jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw l-implimentazzjoni fil-pront tad-Direttiva 2002/91/KE dwar l-effiċjenza ta’ l-enerġija tal-bini, li daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ Jannar 2003, li l-iffrankar effettiv għan-nefqa tagħha fis-settur tal-bini huwa stmat għal madwar 22%; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tiftaħ proċedimenti kontra dawk l-Istati Membri li għadhom ma’ ħadux il-miżuri meħtieġa, kif mitluba, biex jimplimentaw id-Direttiva 2002/91/KE;
21. Jenfasizza li l-konsum ta’ l-enerġija qed jiżdied l-aktar fis-settur tat-trasport u li t-trasport tat-triq jikkontribwixxi madwar 25% ta’ l-emissjonijiet tad-CO2 tal-Komunità; għalhekk jitlob għal tisħiħ tat-trasport pubbliku;
22. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta ta’ mira li torbot biex jiżdied il-livell ta’ enerġija li tiġġedded fit-taħlita ta’ l-enerġiji ta’ l-UE għal 25% sa l-2020;
23. Jiddispjaċih tan-nuqqas ta' miri settorjali li jorbtu għall-enerġiji li jiġġeddu, peress li dawn biss iwasslu għal titjib reali sabiex tkun affrontata l-bidla fil-klima; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex barra l-mira ġenerali, tirrikjedi lill-Istati Membri li jressqu miri speċifiċi għas-settur għal enerġija li tiġġedded kif propost mill-istudju ta' l-impatt għall-Pjan ta' Direzzjoni ta' l-Enerġija li Tiġġedded;
24. Itenni li t-tisħin u t-tkessiħ b’enerġija li tiġġedded joffri potenzjal kbir għal tnaqqis effettiv meta mqabbel man-nefqa tad-CO2 u tnaqqis ta’ dipendenza fuq il-fjuwils fossili; jiddispjaċih tal-fatt li l-Kummissjoni ma resqitx proposta għal direttiva biex tappoġġja t-tisħin u t-tkessiħ b’enerġiji li jiġġeddu kif imwiegħda lill-Parlament Ewropew imma jinnota li miżuri leġiżlattivi fil-qasam għadhom ppjanati mill-Kummissjoni;
25. Jinsisti fuq il-proposta tiegħu li ssemmiet fir-riżoluzzjoni ta’ l-14 ta’ Frar 2006[5] dwar it-tisħin u t-tkessiħ minn sorsi li jiġġeddu ta’ enerġija;
26. Jiddeplora d-dewmien fil-Kummissjoni biex tressaq proposti għal limiti mandatorji fuq l-emissjonijiet mill-karozzi minkejja appelli ripetuti mill-Parlament Ewropew għal limiti bħal dawn bħala parti minn sett komprensiv ta’ miżuri biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra mis-settur tat-trasport; jinnota l-proposta tal-Kummissjoni għal objettiv minimu li jorbot għall-bijofjuwils ta’ 10% tal-fjuwils għall-vetturi fl-2020; jenfasizza l-importanza tal-produzzjoni sostenibbli tal-bijofjuwils; jikkunsidra li filwaqt li l-bijofjuwils jista’ jkollhom rwol importanti fit-tnaqqis tad-dipendenza tagħna fuq il-fjuwils fossili, żieda fl-użu tagħhom m’għandiex tkun a skapitu tal-produzzjoni ta’ l-ikel jew biex taggrava d-deforistazzjoni globali; jenfasizza l-bżonn biex ċertifikazzjoni ambjentali u soċjali mandatorja tal-bijofjuwils u biex kull inċentiv jiġi divrenzjat fuq bażi ta’ effiċjenza tal-klima ta’ ċiklu tal-ħajja sħiħ;
27. Jappoġġja s-sħubija għall-enerġija pproposta ma’ l-Afrika; madankollu, jirrakkomanda ħafna biex tiġi stabbilita sħubija simili maċ-Ċina u l-Indja wkoll, b’kunsiderazzjoni tat-tkabbir rapidu ta’ l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra f’dawn il-pajjiżi u l-bżonn urġenti biex jiġu megħjuna fil-bini ta' kapaċità kif ukoll investimenti f’teknoloġiji ħielsa mill-karbonju, ta' karbonju baxx u effiċjenti fl-enerġija (bl-enerġiji li jiġġeddu jkollhom il-prijorità) filwaqt li jinsisti li l-UE taħdem mar-reġjuni relevanti biex twaqqaf id-deforestazzjoni tropikali u minflok tħeġġeġ l-afforestazzjoni u r-riforestazzjoni; aktar minn hekk, jipproponi li l-koperazzjoni fl-enerġija mar-Russja tiġi msaħħa;
28. Jikkunsidra li sforzi sinifikanti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet imorru flimkien ma' żvilupp ekonomiku u huma wkoll prerekwiżiti għal żvilupp ekonomiku sostenibbli fid-deċenni li ġejjin; itenni li teknoloġiji ambjentali jistgħu jagħtu vantaġġ kompetittiv lill-Unjoni Ewropea filwaqt li jikkontribwixxu ħafna għat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet; jinnota li t-teknoloġiji ambjentali huma għaldaqstant il-qalba ta’ strateġija ta’ żvilupp sostenibbli kompatibbli ma’ l-impenji ta’ Kyoto ta’ l-UE u ma' l-istrateġija ta’ Liżbona;
29. Jenfasizza l-prezz ekonomiku, soċjali u ta’ saħħa enormi tan-nuqqas ta’ azzjoni murija, fost l-oħrajn, minn Stern Review dwar l-ekonomija tal-bidla fil-klima; jerġa' jfakkar li n-nuqqas ta' azzjoni jikkawża dannu li jikkorrispondi għal 5-20% tal-GDP dinji fis-sena, filwaqt li l-ispejjeż ta' politika tal-klima u investiment sodi f’teknoloġiji nodfa huma stmati bejn 0.5% u 1% tal-GDP dinji annwali sa l-2050, mingħajr ma ġew ikkunsidrati l-benefiċċji ambjentali u ta’ saħħa awżiljarji; jirrikonoxxi li d-dewmien ta’ azzjoni ser iżid ir-riskju ta’ effetti ambjentali negattivi u spejjeż ta’ mitigazzjoni;
30. Hu ta’ l-opinjoni li riċerka f'dan il-qasam għandha tiġi stimulata u miri ċari ta' twettiq ambjentali għandhom jiġu adottati sabiex jitħeġġeġ l-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji aħjar u aktar favur l-ambjent;
31. Isostni li t-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet dinjin ma jridx iwassal għal theddid ieħor bħal proliferazzjoni nukleari jew terroriżmu; għalhekk jemmen li l-enerġija nukleari għandha tibqa' eskluża mis-CDM/JI (Clean Development Mechanism/Joint Implementation) jew mekkaniżmi oħra mmirati lejn l-ippremjar ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet fil-pajjiżi li għadhom jiżviluppaw;
32. Iħeġġeġ involviment dirett ħafna akbar fl-isforzi ta' mitigazzjoni fil-livell taċ-ċittadin Ewropew;
33. Jerga’ jappella lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha biex tadotta politika ambizzjuża ta’ sħubijiet ta’ teknoloġija ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw u titrasferixxi teknoloġiji nodfa lil dawn il-pajjiżi, u tgħinhom jiżviluppaw l-ekonomiji tagħhom u jżidu l-welfare tagħhom b'mod aktar sostenibbli;
34. Huwa mħasseb dwar ir-riskji relatati ma’ installazzjonijiet nukleari eżistenti max-xtut minħabba bidla fil-klima u tsunamis u jappella lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jevalwaw u jippreparaw għal riskji bħal dawn u jevitaw kull kostruzzjoni nukleari ġdida fuq l-inħawi tax-xtut;
35. Jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa r-riperkussjonijiet tal-bidla fil-klima minħabba ż-żieda tat-temperatura ta’ l-art, it-tnaqqis tax-xita u l-istat ta' l-ilma ta' l-art; jikkunsidra importanti b’mod speċjali li jiġu studjati l-effetti tat-tnaqqis ta’ żoni ta’ art kultivabbli bħala sors ta’ bijomassa u bħala depożitu tal-karbonju; jenfasizza l-importanza ta’ ċerti prattiki ta’ immaniġġjar agrikolu;
36. Jistieden lill-kumitati kollha rilevanti tiegħu u lid-delegazzjonijiet sabiex jaħdmu flimkien mill-qrib fuq il-bidla fil-klima, sabiex il-politika industrijali, il-politika enerġetika, tat-trasport, ta' l-agrikoltura, tar-riċerka u ta' l-iżvilupp tiegħu u inizjattivi oħra jkunu kkoordinati aħjar ma' l-objettivi tal-bidla fil-klima, u sabiex il-bidla fil-klima ta' spiss titqajjem fuq livell ta' delegazzjonijiet interparlamentari u fil-kuntest tad-Djalogu Leġiżlattiv Transatlantiku;
37. Jistieden liż-żewġ Presidenzi ta' l-2007 sabiex jiżguraw li l-momentum dwar il-bidla fil-klima jitħaffef, filwaqt li jiżdied il-livell ta' l-impenn politiku u n-numru ta' l-imsieħba internazzjonali fi ħdan il-proċess fuq livell internazzjonali;
38. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri u lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima, bit-talba li tiġi ċċirkulata mal-partijiet kontraenti kollha li m'humiex fl-UE.