PARLAMENT EWROPEW
Dokument ta' sessjoni
13.2.2007 B6‑0067/2007
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa skond l-Artikolu 81 tar-Regoli ta’ Proċedura
mill-Kumitat għall-Iżvilupp
dwar l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jistabbilixxu Dokumenti ta’ Strateġija tal-Pajjiż u Programmi Indikattivi għall-Malasja, il-Brażil u l-Pakistan
(CMT-2007-0001, CMT-2006-3525 u CMT-2006-3021)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jistabbilixxu Dokumenti ta’ Strateġija tal-Pajjiż u Programmi Indikattivi għall-Malasja, il-Brażil u l-Pakistan
(CMT-2007-0001, CMT-2006-3525 u CMT-2006-3021)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament għal koperazzjoni fl-iżvilupp[1],
– wara li kkunsidra l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jistabbilixxu Dokumenti ta’ Strateġija tal-Pajjiż u Programmi Indikattivi għall-Malasja, il-Brażil u l-Pakistan (CMT-2207-0001, CMT-2006-3525 u CMT-2006-3021),
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet mogħtija fil-25 ta’ Jannar 2007 mill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 35(1) tar-regolament ikkwotat hawn fuq,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tad-deċiżjoni 1999/468/KE tal-Kunsill, tat-28 ta’ Ġunju 1999, li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċitar tal-poteri ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni[2],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 81 tar-Regoli ta’ Proċedura,
A. billi, fil-25 ta’ Jannar 2007, il-kumitat stabbilit skond l-Artikolu 35(1) tar-Regolament Nru 1905/2006 vvota favur l-abbozzi ta’ Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jistabbilixxu Dokumenti ta’ Strateġija tal-Pajjiż u Programmi Indikattivi għall-Malasja, il-Brażil u l-Pakistan (CMT-2007-0001, CMT-2006-3525, CMT-2006-3021),
B. billi, skond l-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni ta’ Komitoloġija u l-Artikolu 1 tal-Ftehima bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar proċeduri għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE[3], il-Parlament Ewropew irċieva l-abbozzi ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni mressqa lill-kumitat ta’ mmaniġġjar DCI u r-riżultati tal-votazzjoni,
C. billi l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 jistipula li ‘l-objettiv primarju u l-iktar importanti ta’ koperazzjoni skond dan ir-Regolament għandu jkun l-eliminazzjoni tal-faqar fil-pajjiżi u r-reġjuni sħab fil-kuntest ta’ żvilupp sostenibbli’,
D. billi l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 jistipula li ‘miżuri msemmija fl-Artikolu 1(1)[4] għandhom ikunu mfassla sabiex jissodisfaw il-kriterji għall-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) stabbiliti mill-OECD/DAC’,
E. billi l-OECD/DAC tiddefinixxi l-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) bħala flussi finanzjarji lejn pajjiżi fil-Lista tad-DAC ta’ Dawk li Jirċievu ODA li għalihom, fost oħrajn, ‘kull tranżazzjoni hija amministrata mal-promozzjoni ta’ l-iżvilupp ekonomiku u l-ġid tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw bħala l-objettiv ewlieni tagħha’[5],
F. billi l-Artikolu 19(3) u (8) tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 jistipula li ‘d-dokumenti ta’ strateġija għandhom ikunu bbażati, fi prinċipju, fuq djalogu mal-pajjiż jew mar-reġjun sieħeb li jinvolvi lis-soċjetà ċivili u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali’ u li ‘l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lil xulxin, kif ukoll lil donaturi oħra u lil parteċipanti oħra fl-iżvilupp inklużi rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u ta’ l-awtoritajiet reġjonali u lokali, fi stadju kmieni tal-proċess ta’ programmar sabiex tkun promossa l-komplementarjetà fost l-attivitajiet tagħhom ta’ koperazzjoni’,
1. Huwa ta’ l-opinjoni li fil-biċċa l-kbira ta’ l-abbozzi ta’ Dokumenti ta’ Strateġija u ta’ l-abbozzi ta’ Programmi Indikattivi l-MDGs ma joħorġux b’mod ċar bħala prijorità ewlenija; iqis li dan mhux f’konformità ma’ l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 minħabba li l-MDGs huma stabbiliti hemm bħala l-prinċipju l-iktar importanti ta’ koperazzjoni skond id-DCI;
Malasja
2. Huwa ta’ l-opinjoni li fl-abbozz ta’ Dokument ta’ Strateġija u fl-abbozz ta’ Programm Indikattiv Plurijennali 2007-2010 tagħha għall-Malasja l-Kummissjoni Ewropea tmur lilhinn mill-poteri ta’ implimentazzjoni tagħha stipulati fl-att bażiku billi għażlet bħala l-uniku settur fokali (li 100% tal-fondi huma assenjati għalih) il-‘Faċilità ta’ Djalogu dwar Politika UE-Malasja rigward in-Negozju u l-Investiment’, ‘li l-objettiv globali tagħha huwa li jkunu faċilitati r-relazzjonijiet tan-negozju u l-investiment bejn l-UE u l-Malasja’ u billi inkludiet żewġ objettivi speċifiċi għall-azzjonijiet, jiġifieri ‘sabiex jiżdied l-għarfien tas-suq ta’ l-UE għall-komunità tan-negozju Malasjana u bil-maqlub’ u ‘sabiex tiżdied id-dehra ta’ l-UE fil-Malasja permezz ta’ inizjattivi konġunti’; iqis li dawn l-elementi m’humiex f’konformità ma’ l-Artikolu 2(1) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006, minħabba li l-objettiv primarju tad-Dokument ta’ Strateġija tal-Pajjiż mhux l-eliminazzjoni tal-faqar, u minħabba li dawn l-elementi ma jissodisfawx il-kriterji għall-ODA stabbiliti mill-OECD/DAC;
Brażil
3. Huwa ta’ l-opinjoni li fl-abbozz ta’ Dokument ta’ Strateġija tagħha u fl-abbozz ta’ Programm Indikattiv Nazzjonali 2007-2010 tagħha għall-Brażil il-Kummissjoni Ewropea tmur lilhinn mill-poteri ta’ implimentazzjoni tagħha stipulati fl-att bażiku billi assenjat 70% tal-Programm Indikattiv Nazzjonali għal Prijorità I ‘Tisħiħ tar-Relazzjonijiet Bilaterali’, li għandha bħala objettivi speċifiċi: ‘i) titjib fid-djalogi settorjali bejn l-UE u l-Brażil dwar temi ta’ interess reċiproku; ii) żieda fil-koperazzjoni u fl-iskambji bejn istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ewropej u Brażiljani rilevanti; iii) tisħiħ fir-rabtiet bejn l-akkademiċi ta’ l-UE u tal-Brażil; iv) titjib fl-għarfien reċiproku bejn istituzzjonijiet u soċjetajiet ta’ l-UE u tal-Brażil’, u li taħtha se tkun iffinanzjata faċilità ‘sabiex ikunu promossi u appoġġjati djalogi settorjali dwar temi ta’ interess komuni’, kif ukoll il-ħolqien ta’ Istitut għall-Istudji Ewropej, bil-għan ewlieni li ‘jiżdied il-profil ta’ l-UE’ u ‘jissaħħu r-rabtiet ta’ edukazzjoni għolja’; iqis li dawn l-elementi m’humiex f’konformità ma’ l-Artikolu 2(1) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006, minħabba li l-objettiv primarju tad-Dokument ta’ Strateġija tal-Pajjiż mhux l-eliminazzjoni tal-faqar, u minħabba li dawn l-elementi ma jissodisfawx il-kriterji għall-ODA stabbiliti mill-OECD/DAC;
Pakistan
4. Huwa tal-fehma li fl-abbozz ta’ Dokument ta’ Strateġija tagħha u fl-abbozz ta’ Programm Indikattiv Nazzjonali 2007-2010 tagħha għall-Pakistan il-Kummissjoni Ewropea tmur lilhinn mill-poteri ta’ implimentazzjoni tagħha stipulati fl-att bażiku billi inkludiet fil-Qasam mhux fokali 3 ta’ l-NIP attivitajiet ‘Kontra l-ħasil tal-flus’[6] bl-objettiv globali li ‘jkunu megħjuna l-isforzi ta’ l-awtoritajiet Pakistani sabiex jimplimentaw UNSCR 1373’[7]; iqis li dan l-element mhux konformi ma’ l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 minħabba li huwa ma jissodisfax il-kriterji għall-ODA stabbiliti mill-OECD/DAC;
5. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tirtira jew temenda l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet tagħha li jistabbilixxu Dokumenti ta’ Strateġija tal-Pajjiż u Programmi Indikattivi għall-Malasja, il-Brażil u l-Pakistan, u sabiex tressaq quddiem il-kumitat abbozzi ġodda ta’ deċiżjonijiet li jirrispettaw bi sħiħ id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-parlamenti u lill-gvernijiet ta’ l-Istati Membri.