PARLAMENT EWROPEW

Dokument ta' sessjoni

13.2.2007   B6‑0068/07

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

biex tagħlaq id-dibattitu fuq l-istqarrijiet tal-Kunsill u l-Kummissjoni

skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura

minn Thierry Cornillet, Philippe Morillon, Marielle De Sarnez u Marios Matsakis

f'isem il-Grupp ALDE

dwar is-sitwazzjoni umanitarja f' Darfur

B6‑0068/07

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni umanitarja f' Darfur

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti dwar is-sitwazzjoni fid-Darfur, u b'mod partikolari dawk tas-16 ta' Settembru 2004, tat-23 ta' Ġunju 2005, tas-6 ta' April 2006 u tat-28 ta' Settembru 2006,

–  wara li kkunsidra l-kunċett ta' 'responsabilità ta' protezzjoni' adottat mill-Nazzjonijiet Uniti, li tipprovdi li meta awtoritajiet nazzjonali manifestament ma jirnexxilhomx jipproteġu lill-popli tagħhom mill-ġenoċidju, minn delitti tal-gwerra, mit-tindif etniku u delitti kontra l-umanità, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jista' jiddeċiedi li jistazzjona forza militari skond il-Kapitolu VII tal-Karta tan-NU.

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet kollha tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-Sudan, u b'mod partikolari r-Riżoluzzjoni 1706 li tawtorizza l-istazzjonar ta' forza ġdida għaż-żamma tal-paċi fid-Darfur,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tat-tfal, li hija obbligatorja u tiġi applikata mingħajr eċċezzjoni,

–  wara li kkunsidra s-sejħa ta' Desmond Tutu, rebbieħ tal-Premju Nobel 1983 għall-Paċi, għal forza sinifikanti tan-NU b'mandat effettiv biex jipproteġi nies ċivili fid-Darfur,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi huwa mħasseb dwar il-fatt li l-konflitt fir-reġjun tad-Darfur, li jinvolvi truppi regolari, milizzji favur il-gvern u ribelli, irriżulta fil-mewt ta' mill-inqas 400,000 ruħ u ħoloq aktar minn żewġ miljuni u nofs rifuġjati u persuni spustjati tul l-aħħar tliet snin, minkejja l-iffirmar tal-Ftehim ta' Paċi għad-Darfur fil-5 ta' Mejju 2006 f'Abuja, in-Niġerja,

B.  billi, skond osservaturi tan-Nazzjonijiet Uniti aktar minn żewġ miljuni u nofs rifuġjati u persuni spustjati m'għadx għandhom aċċess għall-għajnuna internazzjonali u qed imutu minħabba nuqqas ta' ikel sustanzjuż u l-mard,

C.  billi huwa mħasseb bil-fatt li bosta organizzazzjonijiet umanitarji, li mhumiex aktar f'qagħda li jiggarantixxu s-sigurtà ta' l-istaff tagħhom, kienu kostretti jħallu d-Darfur,

D.  billi s-sitwazzjoni li għaddejja fid-Darfur qiegħda tiddistabbilizza serjament ir-reġjun sħiħ u tikkawża aktar diżastri umanitarji fiċ-Ċad u fir-Repubblika Ċentrali Afrikana,

E.  billi n-numru ta' vittmi qed jiżdied kuljum u azzjoni internazzjonali hija aktar u aktar imperattiva,

1.  Jitlob lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jassumu r-responsabilitajiet tagħhom u jagħmlu kull sforz possibbli biex jipprovdu protezzjoni effettiva għall-poplu tad-Darfur minn diżastru umanitarju;

2.  Jitlob lill-Kunsill u l-Kummissjoni, fil-kuntest tal-Politika Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża u l-hekk imsejħa kompiti ta' Petersberg, u wara li ngħata mandat espliċitu mill-Kunsill ta' Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, biex, skond il-Kapitolu VII tal-Karta tan-NU u l-prinċipju ta' 'responsabilità ta' protezzjoni' u f'kooperazzjoni man-Nazzjonijiet Uniti u l-Unjoni Afrikana, jerġgħu jiġu instawrati kurituri umanitari li jippermettu lill-organizzazzjonijiet umanitarji biex ikollhom aċċess għar-rifuġjati u l-persuni spustjati kollha fid-Darfur u z-zoni li għandhom konfini maċ-Ċad u mar-Repubblika Ċentrali Afrikana sabiex ikunu jistgħu jirċievu għajuna umanitarja vitali;

3.  Jitlob li tinħoloq zona li fiha ma jistgħux isiru titjiriet fuq id-Darfur kollu, bl-eċċezzjoni ta' titjiriet umanitarji;

4.  Jitlob lill-Kunsill u l-Kummissjoni biex jppromwovu l-kundizzjonijiet għall-ftuħ mill-ġdid ta' spazju għan-negozjati politiċi, li jinvolvi l-partijiet kollha fil-konflitt, biex jippermettu lill-popli spustjati u r-refuġjati li jirritornaw fl-irħula u l-provinċji tagħhom f'sigurtà sħiħa;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea, lis-Segretarju Ġenerali ta' l-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega Għarbija, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.