PARLAMENT EWROPEW

Dokument ta’ sessjoni

13.3.2007   B6‑0105/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa b'talba biex tkun inkluża fl-aġenda ta' dibattitu dwar każi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji tad-demokrazija u ta’ l-istat tad-dritt

imressqa skond l-Artikolu 115 tar-Regoli ta' Proċedura

imressqa minn Michael Gahler u Charles Tannock

f'isem il-Grupp PPE-DE

dwar in-Niġerja

B6‑0105/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar in-Niġerja

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja,

 

–  wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem li rratifikat in-Niġerja,

 

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

 

A.  billi minkejja l-isforzi li saru f’dawn l-aħħar snin mill-gvern Niġerjan biex jippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u biex iwaqqaf il-korruzzjoni, u minkejja xi titjib fejn jidħol ir-rispett għad-drittijiet ċivili u politiċi, għad hemm għadd ta' kwistjonijiet urġenti u bażiċi li għandhom x'jaqsmu mad-drittijiet tal-bniedem u li għad iridu jiġu indirizzati, filwaqt li l-pajjiż għadu rvinat bil-korruzzjoni, bl-arresti arbitrarji u bit-tortura, bil-qtil ekstraġudizzjarju u bil-vjolenza politika,

 

B.  billi l-qasmiet etniċi u reliġjużi, kif ukoll il-faqar mifrux, huma kawżi ewlenin tal-vjolenza kronika bejn id-diversi komunitajiet,

 

C.  billi l-qrati tax-Xarija Musulmana għandhom il-ġuriżdizzjoni fuq il-każi kriminali fi 12 mis-36 Stat tan-Niġerja; billi dawn il-qrati jibqgħu jagħtu sentenzi tal-mewt kif ukoll sentenzi ta’ swat bil-frosta u ta’ qtugħ ta’ biċċiet tal-ġisem – għalkemm il-ġustizzjar u l-qtugħ ta’ biċċiet tal-ġisem m’għadhomx isiru, il-proċessi quddiem il-qrati ma jikkonformawx ma’ l-istandards internazzjonali, ngħidu aħna fir-rigward tad-dritt li wieħed ikollu avukat u li l-akkużat ikun mgħarraf dwar drittijietu, u għandhom it-tendenza li jiddiskriminaw kontra n-nisa,

 

D.  billi l-impunità tibqa’ r-regola aktar milli l-eċċezzjoni, minħabba li ftit li xejn minn dawk li jwettqu l-vjolenza u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jiġu investigati u mressqa quddiem il-ġustizzja, u billi tali impunità hija fiha nnifisha wieħed mill-aktar ostakli importanti għall-indirizzar u l-qirda ta' l-abbużi kontra d-drittijiet tal-bniedem u tal-vjolenza,

 

E.  billi l-kapaċità u r-riżorsi insuffiċjenti tal-qawwiet tal-pulizija Niġerjana jillimitaw il-possibilitajiet tagħhom li jinvestigaw reati u jwasslu wkoll biex għadd kbir ta’ persuni jinżammu arrestati għal żmien twil qabel ma jinbeda l-proċess kontrihom fil-qrati, bi ksur ta’ drittijiethom,

 

F.  billi l-qawwiet tal-pulizija u tas-sigurtà spiss ġew implikati fi ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi qtil ekstraġudizzjarju, arresti arbitrarji u tortura,

 

G.  billi t-tħaddim tat-tfal u t-traffikar tat-tfal għadhom mifruxa,

 

H.  billi l-libertà ta’ l-espressjoni għadha limitata permezz tal-fastidju kontinwu ta’ ġurnalisti u attivisti politiċi,

 

I.  billi l-Parlament Niġerjan bħalissa qed jeżamina Abbozz ta’ Liġi intitolat ‘Att dwar (il-Projbizzjoni ta') iż-Żwieġ bejn Persuni ta’ l-Istess Sess’, li jimponi sentenza ta’ ħames snin ħabs mhux biss għal kulmin ‘jiċċelebra ċerimonja ta' żwieġ bejn persuni ta' l-istess sess, ikun xhud fiha, jew jgħin jew iħajjar biex issir’, iżda wkoll għal kulmin ikun involut f’rappreżentazzjoni pożittiva tar-relazzjonijiet bejn persuni ta’ l-istess sess jew jaffermahom, pubblikament jew privatament,

 

J.  billi l-elezzjonijiet statali u nazzjonali ta’ l-1999 u l-2003 ma setgħux jitqiesu bħala ħielsa u ġusti minħabba frodi u vjolenza mifruxa,

 

1.  Jistieden lill-Gvern Niġerjan biex jieħu miżuri immedjati u effettivi sabiex iħares liċ-ċittadini tiegħu, iġib fi tmiemha l-vjolenza u l-korruzzjoni mifruxa u l-impunità għal dawk li jwettqu ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u jippromwovi b’mod attiv ir-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem;

 

2.  Jistieden lill-Gvern Niġerjan biex ineħħi l-piena tal-mewt u biex jintervjeni f’każi individwali ta’ persuni proċessati skond il-liġi tax-Xarija u li ġew issentenzjati għall-mewt, għall-qtugħ ta’ biċċiet minn ġisimhom, għas-swat bil-frosta jew għal trattament inuman u degradanti ieħor li jikser il-Kostituzzjoni Niġerjana kif ukoll il-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

 

3.  Jilqa’ bi pjaċir il-ftehima multilaterali bejn 26 pajjiż ta’ l-Afrika tal-punent u ċentrali kontra t-traffikar tan-nisa u t-tfal, kif ukoll sforzi oħrajn li saru f’dan il-qasam min-naħa ta’ l-awtoritajiet Niġerjani; madankollu, jistieden lill-Gvern Niġerjan biex jieħu azzjoni ulterjuri f’dan il-qasam kif ukoll fejn jidħol l-indirizzar ta’ l-isfruttament tat-tfal permezz tat-tħaddim tat-tfal;

 

4.  Jistieden lil dawk kollha li għandhom interessi fl-elezzjonijiet nazzjonali li se jsiru f’April biex jiddikjaraw pubblikament l-impenn tagħhom biex itemmu l-vjolenza politika, il-qtil, l-intimidazzjonijiet u abbużi oħra kontra d-drittijiet tal-bniedem kif ukoll l-impunità għal tali reati;

 

5.  Jistieden lill-Gvern Niġerjan biex jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jindirizza t-tħassib ta' qabel l-elezzjonijiet rigward ir-restrizzjonijiet fuq l-indipendenza tal-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti (l-INEC), l-imġieba abbużiva u l-fastidju min-naħa tal-qawwiet tas-sigurtà, u kwalunkwe xkiel ieħor għal-libertà ta’ l-espressjoni u ta’ l-opinjoni u għal rekwiżiti bażiċi oħra għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti;

 

6.  Jistieden lill-Parlament Niġerjan biex ma jadottax l-‘Att dwar (il-Projbizzjoni ta') iż-Żwieġ bejn Persuni ta’ l-Istess Sess’, kif inhu bħalissa, minħabba li jikser id-drittijiet umani fundamentali tal-libertà ta’ l-espressjoni u ta’ l-opinjoni, b’mod partikulari meta jaħseb għal sentenza ta’ ħames snin ħabs għal kulmin ikun involut f’rappreżentazzjoni pożittiva tar-relazzjonijiet bejn persuni ta’ l-istess sess jew jaffermahom, pubblikament jew privatament;

 

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-Gvern u l-Parlament tan-Niġerja.