PARLAMENT EWROPEW

Dokument ta’ sessjoni

13.3.2007   B6‑0119/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

bi tkomplija għall-Mistoqsija bi Tweġiba Orali B6 0015/2007

skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta’ Proċedura

imressqa minn David Hammerstein Mintz, f'isem il-Grupp Verts/ALE, u Mieczysław Edmund Janowski, f'isem il-Grupp UEN,

dwar il-kaċċa u l-insib ta' l-għasafar tal-passa waqt ir-rebbiegħa f'Malta

B6‑0119/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kaċċa u l-insib ta' l-għasafar tal-passa waqt ir-rebbiegħa f'Malta

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Petizzjoni 794/2004, il-Petizzjoni 334/2005 u l-Petizzjoni 886/2005,

–  wara li kkunsidra r-rapport dwar il-missjoni għat-tiftix tal-fatti mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet f'Malta, 9-12 ta' Mejju 2006,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 79/409 KEE dwar il-konservazzjoni tat-tajr selvaġġ,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni ta' l-ambjent naturali u l-fawna u l-flora selvaġġi,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 10, 226 u 242 tat-Trattat KE,

–  wara li kkunsidra l-Mistoqsija Orali B6-0015/2007 ,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 108(5) u 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi l-Parlament Ewropew irċieva bosta petizzjonijiet kontra l-prattiki tal-kaċċa u l-insib ta' l-għasafar tal-passa waqt ir-rebbiegħa f'Malta, inkluża petizzjoni mill-Belgian Royal Society for the Protection of Birds, li kienet iffirmata minn 300 000 Ewropew, li 4000 minnhom kienu Maltin; billi 115 000 Ewropew, b'mod speċjalment mir-Renju Unit, ressqu petizzjoni lill-Gvern Malti fi Frar 2007 bi protesta kontra l-kaċċa waqt ir-rebbiegħa,

B. billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet eżamina l-allegazzjonijiet li saru fil-petizzjonijiet u bagħat delegazzjoni f'Malta skond l-Artikolu 192(3) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew biex tistabbilixxi l-fatti tas-sitwazzjoni fuq il-post,

C.   billi r-rapport tal-missjoni għat-tiftix tal-fatti kkonkluda li, minkejja li saru ċerti sofrzi mill-awtoritajiet Maltin responsabbli sabiex il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-applikazzjoni tagħha jsiru konformi mal-liġi tal-Komunità, is-sostenibilità u s-sopravivenza tal-popolazzjonijiet ta' bosta speċi ta' għasafar tal-passa xorta għadhom jiffaċċjaw theddid serju minn attivitajiet estensivi ta' kaċċa u nsib illegali u bla diskriminazzjoni meta dawn jgħaddu minn fuq Malta waqt il-passa tagħhom fir-rebbiegħa,

D.  billi r-rapport tal-missjoni għat-tiftix tal-fatti mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet iqajjem ukoll tħassib rigward il-konformità ta' Malta mad-Direttiva 79/409/KEE dwar il-protezzjoni tat-tajr selvaġġ u mad-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni ta' l-ambjent naturali u l-fawna u l-flora selvaġġa u rigward l-ispeċi protetti li qed jiġu kkaċċjati u minsuba bla diskriminazzjoni, pereżempju, tajr tal-priża li hu mhedded globalment bħall-Ispanjulett u ż-Żumbrell.

E.   billi l-kaċċaturi Maltin jiġġustifikaw il-kaċċa u l-insib fir-rebbiegħa bħala parti mit-tradizzjoni kulturali tagħhom; billi, madankollu, f'dawn l-aħħar snin l-ispazju għall-mistrieħ disponibbli għall-għasafar tal-passa naqas b'mod kunsiderevoli minħabba l-iżvilupp urban, u billi permezz tal-metodi u l-armi ġodda l-kaċċa saret iżjed effiċjenti u għaldaqstant iżjed ta' ħsara għall-popolazzjonijiet ta' l-għasafar tal-passa, u qiegħda tikkawża l-estinzjoni lokali ta' tajr bħall-Falkun Pellegrin u l-Barbaġann;

F.   billi diversi eżerċizzji ta' stħarriġ ta' l-opinjoni pubblika juru li l-maġġoranza wiesgħa tas-soċjetà Maltija hi kontra l-prattiki tal-kaċċa preżenti,

G. billi din is-sena l-Gvern ta' Malta ddeċieda li jiftaħ staġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għas-summien u l-gamiem (li t-tnejn huma speċi mhedda) bejn l-10 ta' April u l-20 ta' Mejju, u li jiftaħ l-istaġun ta' l-insib bejn s-26 ta' Marzu u l-20 ta' Mejju,

H.   billi Malta hija waħda mill-mgħalaq prinċipali għall-għasafar li jpassu bejn l-Ewropa u l-Afrika; billi studju riċenti kien fih xhieda ta' tajr, li ħafna minnu huwa rari jew mhedded, qiegħed jiġi kkaċċjat f'35 pajjiż (il-biċċa l-kbira Stati Membri) u minsub f'19-il pajjiż;

I.   billi l-Kummissjoni Ewropea qiegħda tinvestiga jekk it-traspożizzjoni ta' Malta tad-Direttiva 79/409/KEE dwar il-konservazzjoni ta' tajr selvaġġ hix konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva u jekk il-leġiżlazzjoni hix applikata b'mod korrett, u billi l-Kummissjoni fetħet proċeduri ta' ksur kontra Malta minħabba nuqqas ta' konformità ma' l-Artikolu 9 tad-Direttiva,

J.   billi l-Kummissjoni rrakomandat li l-Gvern ta' Malta li m'għandux iħalli ssir kaċċa waqt ir-rebbiegħa ta' din is-sena, u billi stqarret li jekk fl-2007 din tkun awtorizzata l-Kummissjoni biħsiebha teżamina wkoll f'każ konġunt il-kaċċa li tħalliet issir fir-rebbiegħa fis-snin 2004, 2005 u 2006 u tagħti Opinjoni Motivata lil Malta dwar il-każ,

K.   billi l-obbligu ta' l-Istati Membri li jikkoperaw bis-sħiħ mal-Kummissjoni meta din tkun qiegħda taħdem abbażi tas-setgħat tagħħa skond l-Artikolu 226 tat-Trattat KE joħroġ mill-prinċipju tal-koperazzjoni in bona fide stipulat fl-Artikolu 10 tat-Trattat KE,

1.   Jieħu nota tar-rapport dwar il-missjoni għat-tiftix tal-fatti tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, li matula ġew eżaminati l-fatti fuq il-post bejn id-9 u t-12 ta' Mejju 2005, u jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport;

2.   Huwa mħasseb dwar l-istess tħassib espress fir-rapport dwar il-missjoni għat-tiftix tal-fatti, b'mod partikulari fir-rigward ta' l-awtorizzazzjoni tal-kaċċa fir-rebbiegħa għall-għasafar tal-passa, l-insib bla diskriminazzjoni u l-kaċċa illegali ta' speċi protetti, anke f'zoni protetti mil-liġi tal-Komunità;

3.   Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinvestiga l-konformità tal-leġiżlazzjoni Maltija u l-applikazzjoni tagħha mad-Direttiva 79/409/KEE dwar il-protezzjoni tat-tajr selvaġġ, u jħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni ħalli tirdoppja l-isforzi tagħha sabiex tipperswadi lill-awtoritajiet Maltin biex jiġu konformi mal-liġi tal-Komunità;

4.   Iqis bħala ta' dispjaċir id-deċiżjoni tal-Gvern Malti li jawtorizza l-kaċċa u l-insib fir-rebbiegħa kontra l-parir pubbliku tal-Kummissjoni Ewropea, u jistieden lill-Gvern ta' Malta biex jirrikunsidra d-deċiżjoni tiegħu.

5.   Ifakkar fil-prinċipju ta' koperazzjoni in bone fide stipulat fl-Artikolu 11 tat-Trattat KE, skond liema Artikolu l-Istati Membri qablu li jikkoperaw b'mod sħiħ ma' l-Istituzzjonijiet Ewropej.

6.   Jinnota li l-prinċipju ta' koperazzjoni in bona fide huwa ta' importanza speċifika meta l-Kummissjoni tkun qed taħdem fil-kapaċità tagħha ta' "gwardjan tat-trattati" u meta tkun qed tinvestiga l-konformità ta' l-Istati Membri mal-liġi tal-Komunità skond l-Artikolu 226 tat-Trattat KE;

7.   Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Gvern u l-Parlament ta' Malta.