PARLAMENT EWROPEW
Dokument ta' sessjoni
21.5.2007 B6‑0205/2007
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
biex tagħlaq id-dibattitu fuq l-istqarrijiet tal-Kunsill u l-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Jan Marinus Wiersma, Hannes Swoboda u Andres Tarand
f'isem il-Grupp PSE
dwar l-Estonja
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Estonja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Presidenza ta' l-UE tat-2 ta' Mejju 2007 dwar is-sitwazzjoni quddiem l-ambaxxata Estonjana f'Moska,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet numerużi ta' appoġġ lill-Estonja min-naħa ta' gvernijiet ta' l-UE,
– wara li kkunsidra l-istqarrija tal-President tal-Parlament Hans-Gert Pöttering, u d-dibattitu fil-plenarja tad-9 ta' Mejju 2007,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fil-kapitali Estonjana, u f'partijiet ta' l-Estonja tal-Grigal, bejn is-26 u t-28 ta' April, 2007, dimostranti li kienu qed jipprotestaw kontra l-pjan tal-Gvern Estonjan li jċaqlaq il-monument Sovjetiku dedikat lil-liberaturi ta' Tallinn miċ-ċentru tal-kapitali Estonjana għal ċimiterju militari ftit kilometri l-bogħod kienu responsabbli għal żewġt iljieli ta' vjolenza, li bdew meta d-dimostranti attakkaw lill-pulizija u dan irriżulta f'vandaliżmu mifrux fiċ-ċentru ta' Tallinn ;
B. billi l-vandaliżmu ma kellu xejn x'jaqsam mal-bżonn aċċettat b'mod wiesa' li l-memorja tal-vittmi tat-Tieni Gwerra Dinjija tiġi onorata, u billi l-vandali ma kinux magħqudin taħt nazzjonalità, iżda taħt ir-rieda li jwettqu atti vjolenti u li jissakkeġġaw;
C. billi l-eżumazzjonijiet saru f'konfrmità stretta ma' l-istandards internazzjonali u n-normi ta' aġir dinjituż u billi l-monument ser jerġa' jinfetaħ fiċ-ċimiterju b'ċerimonja uffiċjali u bil-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-koalizzjoni ta' kontra Hilter,
D. billi d-dimostrazzjonijiet vjolenti u l-attakki kontra l-istat tad-dritt ġew organizzazzti b'mod attiv u bl-għajnuna ta' forzi li jinsabu barra l-Estonja,
E. billi saru diversi stqarrijiet ta' livell għoli fir-Russja, inkluża stqarrija uffiċjali mid-delegazzjoni tad-Duma Statali waqt iż-żjara tagħha f'Tallinn, li talbet ir-riżenja tal-Gvern Estonjan;
F. billi immedjatament wara l-irvellijiet f'Tallinn, l-Ambaxxata Estonjana f'Moska ma' tħallietx topera b'mod normali għal sebat ijiem minħabba dimostranti ostili ta' l-organizzazzjoni Russa ta' żgħażagħ favur il-gvern bl-isem ta' "Nashi", li wassal għal attakki fiżiċi kontra l-Ambaxxatur Estonjan u dak Żvediż, theddid li jitwaqqa' l-bini ta' l-ambaxxata, it-tqattigħ tal-bandiera Estonjana fit-territorju ta' l-ambaxxata, u l-fatt li l-Estonja ssejħet pajjiż "faxxista";
G. billi attakki ċiberenetċi sistematiċi ġew organizzati l-aktar minn barra l-Estonja, f'attentat biex jiġu mblukkati l-linji uffiċjali ta' komunikazzjoni u l-websajts ta' l-amministrazzjoni Estonjana, u billi dawk l-attakki ġew minn indirizzi IP ta' l-amministrazzjoni Russa, u billi attakki intensivi ta' propaganda komplew permezz ta' l-Internet u ta' messaġġi bil-mowbajls li jinċitaw reżistenza bl-armi u aktar vjolenza;
H. billi biss ftit jiem wara l-avvenimenti f'Tallinn, ir-Russja introduċiet restrizzjonijiet fuq skala wiesgħa fuq esportazzjonijiet Estonjani, u kumpaniji Russi ssospendew kuntratti ma' intrapriżi Estonjani, u kien hemm theddid għall-forniment ta' enerġija lill-Estonja, u s-sospensjoni tal-ferrovija bejn l-Estonja u San Pietruburgu b'effett mill-aħħar ta' Ġunju;
I. billi l-awtoritajiet Russi, inkluża d-delegazzjoni mid-Duma Statali, sfortunatament irrifjutaw li jibdew jiddjalogaw ma' l-awtoritajiet Estonjani u saħansitra ċaħdu li jieħdu sehem f'konferenza stampa konġunta fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin,
J. billi l-ġrajjiet ġew aggravati permezz ta' informazzjoni ħażina maħruġa mill-istazzjonijiet tal-midja Russi, li pprovokat aktar protesti,
1. Jesprimi l-appoġġ tiegħu u s-solidarjetà mal-Gvern Estonjan elett demokratikament fl-isforzi tiegħu biex jiggarantixxi l-ordni u l-istabilità kif ukoll l-istat tad-dritt għar-residenti kollha Estonjani;
2. Iqis li l-attentati differenti sabiex ikun hemm indħil fl-affarijiet interni ta' l-Estonja min-naħa ta' l-awtoritajiet Russi (bħal sejħiet għar-riżenja tal-Gvern Estonjan) mhumiex ammissibbli;
3. Jinsab allarmat bin-nuqqas skandaluż ta' ħarsien ta' l-Ambaxxata Estonjana f'Moska mill-awtoritajiet Russi u dwar l-attakki fiżiċi kontra l-Ambaxxatur Estonjan mid-dimostranti "Nashi"; jistieden lill-Gvern Russu sabiex jirrispetta mingħajr eċċezzjoni l-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar il-Ħarsien tad-Diplomatiċi;
4. Jikkundanna l-attentati mir-Russja sabiex teżerċita pressjoni ekonomika fuq l-Estonja bħala strument ta' politika barranija u jistieden lill-Gvern Russu sabiex ireġġa' għan-normal ir-relazzjonijiet ekonomiċi bejn iż-żewġ stati;
5. Ifakkar lill-awtoritajiet Russi li r-retorika mhux diskriminatorja u ostili b'mod miftuħ użata mill-awtoritajiet Russi fil-konfront ta' l-Estonja hija f'kuntrast qawwi mal-prinċipji ta' aġir internazzjonali u ser ikollha impatt fuq ir-relazzjonijiet bejn ir-Russja u l-UE b'mod ġenerali;
6. Jistieden lill-Gvern Russu sabiex jinvolvi ruħu fi djalogu miftuħ u mhux żbilanċjat mad-demokraziji ta' l-Ewropa tal-Lvant u dik Ċentrali dwar l-istorja tas-seklu 20 kif ukoll dwar ir-reati kontra l-umanità, inklużi dawk mill-Komuniżmu totalitarju;
7. Jilqa' b'sodisfazzjon it-talba tal-President Estonjan Toomas Hendrik Ilves, li enfasizza li l-persuni li marru l-Estonja waqt iż-żminijiet Sovjetiċi u li issa jgħixu fir-Repubblika ta' l-Estonja, kif ukoll it-tfal u n-neputijiet tagħhom, huma kollha Estonjani; l-Estonjani kollha, hi x'inhi l-oriġini tagħhom, għandhom l-esperjenza qarsa tagħhom tal-ħajja taħt it-tliet poteri ta' ħakma konsekuttivi fl-aħħar seklu; hemm il-bżonn li naraw u nifhmu t-traġedji ta' l-oħrajn; għalhekk id-djalogu intern Estonja irid jissaħħaħ sabiex jimla l-vojt li jeżisti bejn il-komunitajiet differenti u biex joħloq opportunitajiet ġodda biex jintegra l-Estonjani li jitkellmu bir-Russu b'mod partikulari;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Parlament u l-Gvern tar-Repubblika Estonjana.