PARLAMENT EWROPEW
Dokument ta' sessjoni
5.6.2007 B6‑0236/2007
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
skond l-Artikolu 81 tar-Regoli ta' Proċedura
mill-Kumitat għall-Iżvilupp
dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni li jistabbilixxu Dokumenti ta’ Strateġija Reġjonali u Programmi Indikattivi Reġjonali għall-Mercosuru għall-Amerka Latina
(CMT-2007-0566, CMT-2007-0859)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni li jistabbilixxu Dokumenti ta’ Strateġija Reġjonali u Programmi Indikattivi Reġjonali għall-Mercosuru għall-Amerka Latina
(CMT-2007-0566, CMT-2007-0859)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament għal koperazzjoni fl-iżvilupp[1],
– wara li kkunsidra l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jistabbilixxu Dokumenti ta’ Strateġija Reġjonali u Programmi Indikattivi Reġjonali għall-Mercosur u għall-Amerka Latina (CMT-2007-0566, CMT-2007-0859),
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet mogħtija fil-15 ta' Mejju 2007 mill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 35(1) tar-Regolament ta' hawn fuq (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-kumitat ta’ mmaniġġjar ta' l-Istrument għall-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni (DCI)"),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999, li jistipula l-proċeduri għall-eżerċitar tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni[2],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 81 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, fil-15 ta' Mejju 2007, il-kumitat ta’ mmaniġġjar DCI ivvota favur l-abbozzi ta' Dokumenti ta’ Strateġija Reġjonali u Programmi Indikattivi Reġjonali għall-Mercosur u għall-Amerka Latina (CMT-2007-0566, CMT-2007-0859),
B.billi, skond l-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE u l-Artikolu 1 tal-Ftehima bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-proċeduri għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE[3], il-Parlament irċieva l-miżuri għall-implimentazzjoni ta' l-abbozz imressqa quddiem il-kumitat tat-tmexxija tad-DCI u r-riżultati tal-votazzjoni,
C.billi l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 jistipula li “l-objettiv primarju u l-iktar importanti ta’ koperazzjoni skond dan ir-Regolament għandu jkun l-eliminazzjoni tal-faqar fil-pajjiżi u r-reġjuni sħab fil-kuntest ta’ żvilupp sostenibbli”,
D.billi l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 jistipula li “miżuri msemmija fl-Artikolu 1(1)[4] għandhom ikunu mfassla sabiex jissodisfaw il-kriterji għall-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) stabbilit mill-Kumitat ta' Assistenza għall-Iżvilupp ta' l-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD/DAC)”,
E.billi fid-'Direttivi ta' Rappurtaġġ għas-Sistema ta' Rappurtaġġ tal-Kredituri' (DCD/DAC (2002)21), l-OECD/DAC tiddefinixxi l-ODA bħala flussi finanzjarji lejn pajjiżi fil-Lista tad-DAC ta’ Dawk li Jirċievu ODA li għalihom, fost oħrajn “kull tranżazzjoni hija amministrata mal-promozzjoni ta’ l-iżvilupp ekonomiku u l-ġid tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw bħala l-objettiv ewlieni tagħha”,
F.billi l-paragrafi 3 u 8 ta' l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 jistipulaw rispettivament li “d-dokumenti ta’ strateġija għandhom, fi prinċipju, ikunu bbażati fuq djalogu mal-pajjiż jew reġjun sieħeb li jinvolvi lis-soċjetà ċivili u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali” u li “l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lil xulxin, kif ukoll lil donaturi oħra u lil parteċipanti oħra fl-iżvilupp inklużi rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u ta’ l-awtoritajiet reġjonali u lokali, fi stadju kmieni tal-proċess ta’ programmar sabiex tkun promossa l-komplementarjetà fost l-attivitajiet ta’ koperazzjoni tagħhom”,
L-Amerika Latina
1. Huwa ta' l-opinjoni li fl-abbozz ta' Dokument Strateġiku u fl-abbozz tal-Programm Indikattiv Reġjonali 2007-2010 tagħha għall-Amerika Latina il-Kummissjoni Ewropea teċċedi s-setgħat implimentattivi tagħha stipulati fl-att bażiku bl-għażla tas-subsettur għas-Settur Fokali 3 tagħha "appoġġ għall-proġetti minn organizzazzjonijiet li jaħdmu biex jippromwovu l-ftehim reċiproku bejn l-UE u l-Amerika Latina" u bl-inklużjoni ta' l-objettiv speċifiku ta' "appoġġ ... immirat għall-proġetti u l-miżuri li huma maħsuba għall-kwistjonijiet ta' żvilupp minn organizzazzjonijiet li jispeċjalizzaw fil-promozzjoni u l-evalwazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Amerika Latina"; iqis li dan l-element mhux konformi mal-paragrafi 1 u 4 ta' l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006, minħabba li l-objettiv primarju ta' dan is-subsettur tad-Dokument ta’ Strateġija Reġjonali mhux l-eliminazzjoni tal-faqar, u minħabba li dan l-element ma jissodisfax il-kriterji għall-ODA stabbiliti mill-OECD/DAC;
Mercosur
2. Huwa tal-fehma li fl-abbozz ta’ Dokument ta’ Strateġija Reġjonali u l-abbozz ta’ Programm Indikattiv Reġjonali (2007-2013) għall-Mercosur, il-Kummissjoni Ewropea qed taqbeż is-setgħat ta’ implimentazzjoni tagħha stipulati fl-att bażiku meta inkludiet fil-prijorità 3 "sforzi għal tisħiħ u titjib fil-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, għarfien tal-proċess ta’ integrazzjoni reġjonali, fehim reċiproku u viżibilità reċiproku" (li għalihom hemm maħsub madwar 20% tal-Programm Indikattiv Reġjonali) l-elementi li ġejjin, li mhumiex konformi mal-paragrafi 1 u 4 ta’ l-Artikolu 2 ta’ Regolament (KE) Nru 1905/2006 minħabba li l-objettiv primarju ta’ dawn l-elementi mhuwiex il-qirda tal-faqar u ma jissodisfawx il-kriterja għall-ODA stabbiliti mill-OECD/DAC[5]
- fil-qasam "tisħiħ tas-settur ċinematografiku u awdjoviżiv tal-Mercosur għall-promozzjoni ta’ l-integrazzjoni reġjonali", il-Kummissjoni tipproponi li tapoġġa industrija li qed tirnexxi bl-objettiv ġenerali li "ttejjeb l-għarfien u l-kunxenza ta’ l-identità reġjonali u l-proċess ta’ integrazzjoni permezz ta’ appoġġ lis-settur ċinematografiku u awdjoviżiv";
- fil-qasam "ħolqien ta’ 10 ċentri ta’ studju UE-Mercosur u appoġġ għall-implimentazzjoni tal-'Pjan operattiv tas-settur edukattiv tal-Mercosur 2006-2010' ", l-objettiv ġenerali huwa deskrivit li hu "sabiex jitjieb l-għarfien u l-kuxjenza tal-proċess ta’ integrazzjoni reġjonali"; wieħed mill-objettivi speċifiċi hu "li jiġi appoġġat il-ħolqien ta’ għaxar ċetnri ta’ studju UE-Mercosur f’universitajiet ewlenin tal-Mercosur", b’mod partikulari, l-inizjattiva għall-ħolqien ta’ ċentri ta’ dokumentazzjoni Ewropej/Mercosur, sabiex jiġu stabbiliti Sedji ta’ Studju UE u Mercosur, u sabiex jinħolqu Masters fi studji ta’ l-UE u l-Mercosur hija mmirata lejn il-popolazzjoni ta’ l-elite edukat tal-pajjiżi tal-Mercosur, u minħabba li dan huwa r-reġjun dinji bl-aktar indiċi għolja ta’ inugwaljanza soċjali, l-azzjonijiet ippjanati jkabbru d-differenza bejn il-fqar u s-sinjuri, aktar milli jappoġġaw il-livell aktar fqar tal-popolazzjoni;
3. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tirtira jew temenda l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet li jistabbilixxu Dokumenti ta’ Strateġija Reġjonali u Programmi Indikattivi għall-Amerika Latina u ghall-Mercosur, u sabiex tipprezenta lill-kumitat b’abbozzi godda ta’ decizjonijiet li jirrispettaw b’mod shih id-dispozizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta’ l-Istati Membri.