PARLAMENT EWROPEW

Dokument ta’ sessjoni

6.7.2007   B6‑0277/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

bi tkomplija għall-Mistoqsija bi Tweġiba Orali B6-0134/2007

skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta’ Proċedura

imressqa minn Miroslav Ouzký, Georgs Andrejevs u John Bowis

f'isem il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel

dwar azzjoni biex jiġi miġġieled il-mard kardjovaskulari

B6‑0277/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar azzjoni sabiex jiġi miġġieled il-mard kardjovaskulari

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 152 tat-Trattat KE,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill dwar l-Impjiegi, il-Politika Soċjali, is-Saħħa u l-Affarijiet tal-Konsumatur ta' l-1-2 ta' Ġunju 2004[1],

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Programm ta' Azzjoni dwar is-Saħħa Pubblika 2007-2013[2],

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-programm leġiżlattiv u ta' ħidma tal-Kummissjoni għall-2006, li stieden lill-Kummissjoni sabiex 'tiżgura segwitu xieraq għall-komunikazzjoni tagħha dwar il-ġlieda kontra l-obeżità, il-mard tal-qalb, id-dijabete, il-kanċer, il-mard tal-moħħ u l-HIV/AIDS'[3],

–  wara li kkunsidra 'l-Istrateġija Ewropea għall-Prevenzjoni u l-Kontroll ta' Mard li ma Jitteħidx' ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa[4],

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet u l-objettivi strateġiċi dwar in-nisa u s-saħħa tad-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma għall-Azzjoni ta' Beijing tar-4 Konferenza Dinjija tan-NU dwar in-Nisa,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida Ewropej dwar il-prevenzjoni ta' mard kardjovaskulari[5],

–  wara li kkunsidra l-Konferenza dwar is-Saħħa tal-Qalb li saret fil-Lussemburgu f'Ġunju 2005[6],

–  wara li kkunsidra l-Konferenza 'Women’s Health at Heart' li saret f'Marzu 2006[7],

–  wara li kkunsidra l-inizjattiva tal-Presidenza Finlandiża dwar "Is-Saħħa fil-politiki kollha"[8],

–  wara li kkunsidra s-Seba' Programm ta' Qafas ta' Riċerka[9],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,A.  billi, skond l-istatistika Ewropea ta' l-2005 dwar il-mard kardjovaskulari, il-mard kardjovaskulari kien il-kawża tal-mewt ta' 1.9 miljun ruħ, l-akbar kawża ta' mwiet għan-nisa u għall-irġiel fl-Unjoni Ewropea; billi n-nisa u l-irġiel huma milquta b'mod differenti mill-mard kardjovaskulari; billi n-nisa għandhom ċans akbar li jmutu minn puplesija jew minn attakk tal-qalb mill-irġiel; billi l-mard kardjovaskulari fin-nisa ta' spiss ma jkunx iddijanjostikat u kkurat sewwa[10],

B.  billi l-mard kardjovaskulari jikkawża kważi nofs l-imwiet kollha (42%) ta' l-UE[11],

C.  billi l-mard kardjovaskulari huwa, b'sehem ta' 18%, it-tieni l-akbar kawża ta' morbożità (mard u mewt) fl-UE[12],

D.  billi l-ispiża totali tal-mard kardjovaskulari jammonta għal € 169 biljun fl-UE, li minnhom € 105 biljun jintefqu għall-kura tiegħu fl-UE u € 64 biljun huma dovuti għat-telf ta' produttività u għall-ispiża tal-kura informali[13],

E.  billi s-saħħa hija stat sħiħ ta' benesseri fiżiku, mentali u soċjali u mhux biss in-nuqqas ta' mard jew debbulizza,

F.  billi l-bidliet fl-istruttura demografika ta' l-UE jirrikjedu snin itwal ta' ħidma fil-ħajja u billi l-indeboliment minħabba pressjoni għolja u mard kardjovaskulari għandu effett negattiv fuq in-numru ta' ħaddiema[14],

G.  billi skond l-indikaturi ta' l-OECD 2005[15] 'madwar 3% biss min-nefqa attwali għas-saħħa issir għall-prevenzjoni u għal programmi ta' saħħa pubblika',H.  billi fatturi ta' riskju ewlenin għall-iżvilupp ta' mard kardjovaskulari huma prinċipalment il-konsum tat-tabakk u l-alkoħol, l-eċċess ta' xaħam addominali li jista' jwassal għal kumplikazzjonijiet fil-metaboliżmu, il-livell għoli ta' glukosju, lipidi u kolesterol fid-demm u l-pressjoni għolja,

I.  billi l-maġġoranza tal-mard kardjovaskulari jista' jiġi evitat b'bidla fil-mod ta' l-għixien flimkien ma' l-identifikazzjoni minn kmieni ta' individwi b'riskju għoli u permezz ta' dijanjożi tajba,

J.  billi l-WHO tirrikonoxxi li 'l-aktar metodi effettivi f'sens ta' nfiq sabiex jitnaqqqas ir-riskju fost popolazzjoni sħiħa huma l-interventi fuq il-popolazzjoni kollha, li jikkombinaw politiki effettivi u politiki wiesgħa ta' promozzjoni tas-saħħa[16],

K.  billi ma teżistix strateġija Ewropea tanġibbli sabiex tindirizza l-mard kardjovaskulari,

L.  billi l-konklużjonijiet tal-Konferenza 'Women’s Health at Heart' ta' Marzu 2006 appellaw sabiex l-Istati Membri jadottaw Rakkomandazzjoni ta' l-UE dwar strateġija tanġibbli fuq livell ta' l-UE rigward is-saħħa kardjovaskulari fuq il-bażi ta' proposta tal-Kummissjoni li tinkludi l-promozzjoni tas-saħħa kardjovaskulari, mekkaniżmi ta' appoġġ għall-istrateġiji u l-attivitajiet ta' l-Istati Membri, linji gwida dwar l-evalwazzjoni tar-riskju, l-aħjar metodi preventivi, il-kura, ir-rijabilitazzjoni u l-eżami u t-tħarriġ ta' tobba mgħallma minn tobba,

M.  billi fost l-Istati Membri hemm diskrepanzi kbar fil-prevalenza, l-prevenzjoni u l-kura tal-mard kardjovaskulari, u huwa l-irwol ta' l-UE li tiġġieled dawn l-inugwaljanzi u li ċċekken id-differenzi,

N.  billi l-ġeneru huwa fattur kruċjali fl-iżvilupp, fid-dijanjożi, fil-kura u fil-prevenzjoni tal-mard kardjovaskulari; billi mhux qed tingħata biżżejjed attenzjoni għall-ġeneru fil-qasam tas-saħħa, li qed jirriżulta f'impatt negattiv fuq il-kura tal-mard kardjovaskulari fin-nisa,

O.  billi mard ieħor ewlieni rċieva sostenn kbir min-naħa tal-Parlament Ewropew fl-2006 fis-sura tad-Dikjarazzjoni bil-Miktub dwar id-dijabete[17] u l-Mozzjoni għal Riżoluzzjoni dwar il-kanċer tas-sider fl-Unjoni Ewropea mkabbra[18] , filwaqt li ma jeżisti xejn dwar il-mard kardjovaskulari, li huwa l-akbar kawża ta' mwiet fl-Ewropa,

1.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipproponi Rakkomandazzjoni dwar il-mard kardjovaskulari inkluża l-pressjoni għolja tad-demm, u dwar l-identifikazzjoni minn kmieni ta' individwi b'riskju għoli u dwar strateġiji ta' prevenzjoni fl-Ewropa, filwaqt li jitqiesu d-differenzi bejn il-ġeneru sabiex fil-qasam tas-saħħa tkun żgurata l-ugwaljanza bejn is-sessi;

2.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżviluppaw u jsaħħu s-sistemi tagħhom ta' sorveljanza tal-fatturi ta' riskju;

3.  Jistieden lill-Istati Membri biex jadottaw jew jirrevedu l-istrateġiji nazzjonali tas-saħħa pubblika sabiex dawn ikunu jinkludu l-promozzjoni tas-saħħa, il-popolazzjoni u strateġiji għall-immaniġġjar minn kmieni ta' riskji għoljin fis-saħħa kardjovaskulari, u jiżviluppaw studji ta' impatt fuq is-saħħa sabiex jitkejjel il-piż fuq is-sistemi nazzjonali tal-kura tas-saħħa, filwaqt li jitqiesu d-differenzi bejn il-ġeneri biex fil-qasam tas-saħħa tkun żgurata l-ugwaljanza bejn is-sessi;

4.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu linji gwida nazzjonali għall-prevenzjoni tal-mard kardjovaskulari, inklużi linji gwida standard dwar l-aħjar prattiki sabiex jiġi identifikati l-persuni b'riskju għoli;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jaslu għal kunsens fl-istipular ta' objettivi għall-immaniġġjar tat-testijiet u l-kontrolli tal-pressjoni għolja fid-demm;

6.  Jinkuraġġixxi lill-Istati Membri sabiex jiżviluppaw u jimplimentaw il-promozzjoni tas-saħħa kardjovaskulari, l-identifikazzjoni minn kmieni ta' gruppi b'riskju għoli u strateġiji ta' prevenzjoni, bħala l-aktar metodi effettivi f'sens ta' nefqa sabiex jiġi miġġieled il-mard kardjovaskulari;

7.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jadottaw approċċ multisettorjali għall-promozzjoni tas-saħħa kardjovaskulari u strateġiji preventivi b'konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti kollha;

8.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżviluppaw aktar il-pjanijiet ta' azzjoni tagħhom dwar dawk l-aspetti li jiddeterminaw is-saħħa li huma marbuta mal-mod ta' għixien, sabiex jippromwovu modi ta' għixien li jkunu tajbin għas-saħħa;

9.  Jappella għal appoġġ finanzjarju kontinwu għal aktar riċerka fil-prevenzjoni tal-mard kardjovaskulari u għall-promozzjoni tas-saħħa kardjovaskulari fuq livell lokali, nazzjonali u Ewropew, inkluża riċerka dwar il-fatturi ta' riskju tal-mard kardjovaskulari, il-prevalenza u l-fatturi ġenetiċi;

10.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw programmi pubbliċi edukattivi sabiex iqajmu l-kuxjenza tal-fatturi ta' riskju relatati mal-mard kardjovaskulari u programmi speċjalizzati għall-edukazzjoni kontinwa ta' professjonisti fil-kura tas-saħħa;

11.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex ikejlu l-prevalenza ta' mard kardjovaskulari fost il-popolazzjoni tagħhom u jevalwaw il-programmi nazzjonali tagħhom sabiex jidentifikaw parametri ta' riferenza li jippermettu li l-awtoritajiet nazzjonali tas-saħħa jistipulaw objettivi tanġibbli meta jkunu qed jimplimentaw l-inizjattivi mmirati;

12.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex jappoġġjaw l-implimentazzjoni ta' l-aktar Linji Gwida Ewropej riċenti dwar il-prevenzjoni tal-mard kardjovaskulari mfassla mit-'Task Force' Konġunt Ewropew;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinkuraġġixxi inizjattivi u kollaborazzjonijiet ma' partijiet interessati li għandhom l-għan li jippromwovu titjib fis-saħħa kardjovaskulari permezz ta' aktar kontrolli fuq it-tabakk u fuq l-alkoħol u dieta mtejba u attività fiżika bħala mezzi ta' prevenzjoni ta' l-obeżità u tal-pressjoni għolja tad-demm u tal-kumplikazzjonijiet relatati tagħhom;

14.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex issegwi fuq l-inizjattivi preċedenti tagħha dwar l-iskambju bejn l-Istati Membri ta' l-aħjar prattika għall-prevenzjoni tal-mard kardjovaskulari;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippromwovi l-iskambju regolari ta' esperjenza, informazzjoni u dejta dwar is-saħħa kardjovaskulari bejn il-partijiet kollha interessati li huma involuti fil-prevenzjoni tal-mard kardjovaskulari;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex iżżid il-komparabilità tad-dejta billi tippromwovi t-twaqqif ta' bażi ta' dejta għall-monitoraġġ tal-prevalenza, tal-mortalità, tal-morbożità, u ta' fatturi ta' riskju relatati mal-mard kardjovaskulari madwar l-Istati Membri;

17.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa studji ta' impatt fuq is-saħħa sabiex tkejjel il-piż tal-mard kardjovaskulari u tal-pressjoni għolja fid-demm fuq il-produttività ekonomika Ewropea madwar l-Istati Membri, skond il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar "Is-Saħħa fil-Politiki kollha";

18.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-pjan imħabbar dan l-aħħar mill-Kummissjoni li tiżviluppa Strateġija dwar is-Saħħa u jħeġġiġha biex f'dan il-pjan tiffoka fuq il-ħtieġa ta' aċċess indaqs għall-prevenzjoni, kura, dijanjożi u kontroll tal-mard għall-Ewropej kollha mingħajr ma jingħata kas tan-nazzjonalità;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex iġġib għall-attenzjoni ta' l-Istati Membri l-opportunitajiet ta' finanzjament li huma disponibbli għal metodi ta' ttestjar u prevenzjoni tal-mard kardjovaskulari u tal-pressjoni għolja fid-demm kif ukoll għal riċerka ulterjuri dwar il-mard kardjovaskulari, pereżempju permezz tas-Seba' Programm ta' Qafas, il-Fondi Strutturali u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti ta’ l-Istati Membri.

[1] http://www.consilium.europa.eu/ueDocs/cms_Data/docs/pressData/en/lsa/80729.pdf
[2] COM(2006) 234 finali.
[3] P6_TA(2005)0534
[4] EUR/RC56/R2
[5] Eur J Cardiovasc Prev Rehabil 2003 Diċ;10(Suppl 1):S1-78
[6] http://www.worldheartday.com/articulos/LuxembourgDeclaration.pdf
[7] www.cvhconference.org
[8] http://www.stm.fi/Resource.phx/eng/subjt/inter/eu2006/hiap/index.htx.i1153.pdf
[9] COM(2006) 364 finali.
[10] Studju: Id-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa u t-Tfajliet Żgħar fis-Settur tas-Saħħa, Dipartiment tal-Politika C, PE 378.295
[11] Ibid.
[12] Ibid.
[13] Ibid.
[14] High Blood Pressure and Health Policy, Kanavos/Őstergren/Weber et al., 2007.
[15] Harsa lejn is-Saħħa – Indikaturi ta' l-OECD 2005. Novembru 2005.
[16] Dokument ta' Informazzjoni tal-WHO - Mard Kardjovaskulari: prevenzjoni u kontroll, WHO, 2003, disponibbli fuq http://www.who.int/dietphysicalactivity/media/en/gsfs_cvd.pdf
[17] P6_DCL(2006)0001
[18] B6-0528/2006