PARLAMENT EWROPEW

Dokument ta' sessjoni

14.5.2007   B6‑0000/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara l-mistoqsija li titlob tweġiba orali B6-0000/2007

skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura

imressaq minn Jan Andersson

f'isem il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

dwar ir-Rapport ta’ Attività tal-EURES għall-2004 u l-2005: Lejn suq tax-xogħol wieħed Ewropew

B6-0000/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Rapport ta’ Attività tal-EURES għall-2004 u l-2005: Lejn suq tax-xogħol wieħed Ewropew

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Diċembru 2002 li timplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1612/68 rigward it-tneħħija ta’ postijiet tax-xogħol vojta u applikazzjonijiet għall-impjieg,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Marzu 2007 dwar ir-Rapport ta’ Attività tal-EURES għall-2004 u l-2005: "Lejn suq tax-xogħol wieħed Ewropew: il-kontribuzzjoni tal-EURES" ( COM(2007) 116 finali) skond l-Artikolu 19(3) tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija għal risposta orali mressqa mill-Kummissjoni dwar il-kontribut tal-EURES għal suq tax-xogħol wieħed Ewropew,

A. billi l-mobilità ġeografika u tax-xogħol hija strument kruċjali għas-suċċess ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona Riveduta u peress li l-Linji Gwida għall-politiki għall-impjieg ta’ l-Istati Membri tat-12 ta’ Lulju 2005 jenfasizzaw li l-mobilità hija ċentrali sabiex tippermetti aktar nies isibu impjieg aħjar u jitolbu “biex jiżguraw mobilità sħiħa tal-ħaddiema madwar l-Ewropa fi ħdan il-kuntest tat-Trattati”; billi l-Istati Membri għadhom jillimitaw il-mobilità ġeografika ta’ xi ċittadini Ewropej, minkejja l-fatt li l-moviment ħieles tal-ħaddiema huwa prinċipju fundamentali ta’ l-UE;

B.  billi żieda ta’ żewġ miljun Euro fil-baġit għall-2007 tas-Servizzi ta’ Impjieg Ewropew (EURES) maħsuba biex tkun tista’ titkompla l-implimentazzjoni u l-operazzjoni tan-netwerk tal-EURES u l-konklużjoni b’suċċess tas-Sena Ewropea għall-Mobilità tal-Ħaddiema 2006 wasslet għal żieda sinifikanti fil-konsultazzjoni tal-Websajt dwar il-Mobilità tax-Xogħol tal-EURES;

1.  Jikkunsidra li l-EURES għandha ssir pjattaforma ta’ komunikazzjoni importanti għas-suq tax-xogħol Ewropew – post wieħed għall-mobilità ġeografika u tax-xogħol tal-ħaddiema; b’mira li jitneħħew l-ostakli eżistenti (speċjalment fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali marbuta max-xogħol), jiġi estiż l-għarfien tal-ħaddiema kollha dwar id-drittijiet individwali tagħhom, speċjalment id-drittijiet rigward trattament indaqs; jittejjeb in-netwerk konsultattiv tal-EURES kemm f'termini ta' kwalità kif ukoll f'termini ta' kwantità; jiġi estiż l-aċċess għall-informazzjoni dwar postijiet tax-xogħol vojta għall-ħaddiema staġjunali jew impjegati għal żmien qasir fi Istati Membri barra l-pajjiż ta' origini tagħhom; jiġi estiż il-kontenut tal-websajt tal-EURES għal informazzjoni dwar offerti tax-xogħol sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ ċittadini f’pajjiżi terzi, b’mod partikulari minn pajjiżi li jaqgħu taħt il-Politika tal-Viċinanza ta’ l-UE;

2.  Jikkunsidra li l-Kummissjoni għandha tippromwovi aktar il-mobilità ġeografika u tax-xogħol ta’ ħaddiema permezz ta’ żieda fil-baġit għall-2007 sabiex jiġu appoġġjati proġetti fil-qasam ta’ reklutaġġ transnazzjonali u sħubija transkonfinali bejn Stati Membri “antiki” u “ġodda” u bejn l-Istati Membri “l-ġodda”;

3.  Jinnota li s-Sena Ewropea għall-Mobilità tal-Ħaddiema wasslet għal żieda sinifikanti tad-domanda għas-servizzi tal-EURES, b'mod partikulari fil-qasam tat-talbiet għall-informazzjoni minn ħaddiema mobbli u kandidati tal-mobilità; jilqa’ b’sodisfazzjon ix-xogħol magħmul minn dawk li kkontribwew għall-EURES bħall-konsulenti tal-EURES, l-Imsieħba Soċjali u l-partijiet interessati reġjunali u lokali; jistenna li, bħala riżultat ta’ aktar viżibilità miksub mill-EURES fil-kuntest tas-Sena Ewropea u l-organizzazzjoni b’suċċess tal-fieri tax-xogħol madwar l-Ewropa, inizjattivi simili ser jiġu repetuti fl-2007;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.