PARLAMENT EWROPEW
Dokument ta' sessjoni
31.8.2007 B6‑0329/2007
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
bi tkomplija għall-Mistoqsijiet bi Tweġiba Orali B6-0149/2007 u B6-0150/2007
skond ir-Regola 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura, imressqa minn
– Cristina Gutiérrez-Cortines f'isem il-Grupp PPE-DE
– María Sornosa Martínez, f'isem il-Grupp PSE
– Vittorio Prodi, f'isem il-Grupp ALDE
– Liam Aylward, Adriana Poli Bortone, Alessandro Foglietta u Cristian Muscardini, f'isem il-Grupp UEN
– Marie Anne Isler Béguin u David Hammerstein, f'isem il-Gruppi Verts/ALE
– Roberto Musacchio, f'isem il-Grupp GUE/NGL
– Johannes Blokland, f'isem il-Grupp IND/DEM
dwar l-objettivi ta' l-UE għat-Tmien Laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet Kontraenti (COP8) għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti biex Tkun Kumbattuta d-Deżertifikazzjoni (UNCCD), li se ssir f'Madrid, bejn it-3 u 14 ta' Settembru 2007
Riżoluzzjoni dwar l-objettivi ta' l-UE għat-Tmien Laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet Kontraenti (COP8) għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti biex Tkun Kumbattuta d-Deżertifikazzjoni (UNCCD), li se ssir f'Madrid, bejn it-3 u 14 ta' Settembru 2007
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-tmien laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet Kontraenti (COP8) għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti biex Tkun Kumbattuta d-Deżertifikazzjoni (UNCCD), li se ssir bejn it-3 u l-14 ta' Settembru 2007 f'Madrid, Spanja,
– wara li kkunsidra r-Regola 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi d-deżertifikazzjoni tfisser degradazzjoni ta' art f'zoni aridi, semi-aridi u aridi iżda xi ftit umdi li tirriżulta minn fatturi varji, inklużi varjazzjonijiet klimatiċi u attivitajiet umani, u għalhekk teħtieġ djanjosi u programm ta' implimentazzjoni olistiċi,
B. billi l-bidla fil-klima tipprovoka t-tisħin ta' l-art u żieda fit-temperatura tal-ħamrija, u kaġun ta' dan, żieda fil-livell ta' evaporazzjoni, li jirriżulta fid-deżertifikazzjoni,
C. billi ż-żieda fit-temperatura tnixxef il-fawwarajiet, u tnaqqas iċ-ċirkolazzjoni tal-livell ta' l-ilma tax-xmajjar u tal-baċiri ta' l-ilma ta' taħt l-art, u b'hekk teqred l-istruttura superfiċjali tal-ħamrija; billi fiċ-ċirkustanzi preżenti, fejn it-tul tan-nixfat qiegħed dejjem tiżdied, se tkun iżjed diffiċli li jiġu rkuprati l-foresti wara l-ħruq, b'riskju mistenni tad-deżertifikazzjoni,
D. billi d-deżertifikazzjoni u n-nixfa huma problemi li jolqtu lir-reġjuni kollha tad-dinja, u billi dawn jeħtieġu azzjoni konġunta biex tiġi missielta d-deżertifikazzjoni u/jew biex jiġu mmitigati l-effetti tan-nixfat, billi l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti biex tkun Kumbattuta d-Deżertifikazzjoni hija l-unika strument internazzjonali li jorbot legalment illi jiffaċċja d-degradazzjoni ta' l-art fit-terrafermi, u għandha sħubija kważi universali li tgħodd 191 Stati Kontraenti,
E. billi hemm konċentrazzjoni ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw, li b'mod notevoli jinkludu l-inqas pajjiżi żviluppati, fost dawk li għaddejjin minn nixfat u/jew deżertifikazzjoni serji,
F. billi l-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti (UNEP) jistma li d-deżertifikazzjoni bħalissa qiegħda taffettwa bejn ħamsa u għoxrin u tletin fil-mija ta' l-art ta' wiċċ id-dinja, u billi 1.2 u 2 biljun ruħ f'mill-inqas 100 stat jinsabu f'riskju; billi t-telf ekonomiku kkaġunat mill-produttività mitlufa fl-1992 ġie stmat $42 biljun ($64 biljun fi prezzijiet ta' l-2006); billi r-rata globali tad-deżertifikazzjoni qiegħda tikber, u dan qiegħed iwassal għall-faqar, il-migrazzjoni sforzata u l-kunflitti,
G. billi tliet kwarti tal-ħamrija tar-reġjuni f'zoni aridi, semi-aridi u aridi iżda xi ftit umdi qegħdin jisfaw degradati u nofs l-art li tiġi kkultivata mix-xmajjar tinsab mhedda, filwaqt li d-degradazzjoni tirriżulta f'telf fil-bijodiversità, fit-tnaqqis tal-fertilità tal-ħamrija u fil-kapaċità tagħha li żżomm l-ilma, u f'iżjed erożjoni kif ukoll fi tnaqqis fil-qabda tal-karbonju,
H. billi d-deżertifikazzjoni tiġri l-iżjed permezz ta' kultivazzjoni u r-ragħa eċċessivi, ta' prattiċi improprji ta' irrigazzjoni, u tad-deżertifikazzjoni, filwaqt li dawn l-attivitajiet joħorġu minn ġestjoni fqira ta' l-art, li min-naħa tagħha tirriżulta mill-kundizzjonijiet soċjo-ekonomiċi li jgħixu fihom il-bdiewa; billi l-istudji juru li l-investimenti fil-prattiċi sostenibbli tal-ġestjoni ta' l-art ikunu vantaġġjużi,
I billi avvenimenti klimatiċi drastiċi, bħall-għargħar u n-nixfiet konnessi mal-bidla fil-klima. qegħdin isiru iżjed spissi u iżjed qawwija fl-effetti tagħhom, u dan ikabbar ir-riskju u l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali negattivi tad-deżertifikazzjoni,
J. billi d-deżertifikazzjoni tikkontribwixxi wkoll għall-bidla fil-klima, u billi d-degradazzjoni ta' l-art u t-telf ta' veġetazzjoni relatat ma' dan jirriżulta f'żieda fl-emissjonijiet u fi tnaqqis fil-carbon sink; billi l-irkupru tal-kundizzjonijiet tat-terrafermi jista' jkollu impatt pożittiv importanti,
K. billi l-UNCCD għandha rwol importanti fl-isforzi globali biex jinqered il-faqar, biex jinkiseb żvilupp sostenibbli u biex jintlaħqu l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp,
1. Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-UNCCD u għall-proċess riformatorju tagħha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex fil-laqgħa tas-COP jippreżentaw pożizzjoni unifikata, b'koperazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi sħab fl-ACP;
2. Jesprimi l-appoġġ tiegħu għal pjan ta' azzjoni strateġiku b'objettivi ddefiniti bl-iskadenzi; jistieden lill-UE biex timpenja ruħha b'mod kostruttiv fit-tfassil u fin-negozjati ta' pjan strateġiku t'10 snin sabiex tibni mekkaniżmi sodi u effiċjenti għal implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni; f'das-sens, jistieden li tingħata attenzjoni speċjali għal
·il-kisba tal-progress fuq l-art u f'komunitajiet lokali
·is-sinerġiji biex jinkisbu l-objettivi ta' l-UNCCD u l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp
·l-iżvilupp ta' kapaċità li tmur lil hinn mil-livell ċentrali, b'attenzjoni speċjali fuq l-azzjonisti lokali;
3. Jenfasizza li l-irwol tas-soċjetà ċivili u tal-popolazzjonijiet lokali fl-implimentazzjoni u fil-kisba ta' l-objettivi ta' l-UNCCD;
4. Jirrakkomanda li tiġi organizzata Konferenza biex tevalwa l-implimentazzjoni u l-effettività tal-Pjanijiet ta' Azzjoni fl-iżjed reġjuni milquta, speċjalment fl-Afrika, qabel ma jsiru Konferenzi ta' Partijiet oħrajn;
5. Jirrikonoxxi l-importanza tad-degredazzjoni ta' l-art bħala fattur kruċjali li jxekkel l-iżvilupp tal-pajjiżi milqutin fil-ġejjieni, u jitlob li l-politika ta' l-UE għall-Iżvilupp tagħti attenzjoni speċjali lil dan il-fenomenu, inkluż fl-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet ta' l-għajnuna għall-iżvilupp;
6. Jistqarr it-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' fondi impenjati għal azzjonijiet, filwaqt li jilqa' b'sodisfazzjoni l-użu tal-Faċilità Ambjentali Globali bħall-mekkaniżmu finanzjarju u jitlob lill-UE biex issaħħaħ il-finanzjament għal miżuri kontra d-deżertifikazzjoni fil-kuntest ta' mekkaniżmi flessibbli skond il-qafas tal-Konvenzjoni għall-Klima tan-NU;
7. Jitlob biex ir-riforma fil-CAP tintroduċi kriterji li jorbtu dwar il-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni u d-degredazzjoni ta' l-art fiz-zoni milquta fl-Unjoni Ewropea; barra minn dan, jitlob għal politika ta' prevenzjoni u ta' implimentazzjoni sabiex jinżammu n-nies fiz-zoni rurali;
8. Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra t-twaqqif ta' Osservatorju Ewropew dwar in-Nixfa, li jiġbor tagħrif u jipproponi miżuri ta' mitigazzjoni u ta' segwitu sabiex jiġu minimizzati l-effetti tan-nixfa fuq l-Ewropa;
9. Jirrikonoxxi li l-istudji riċenti waslu għall-konklużjoni li l-ispiża ta' l-investiment fit-tnaqqis tad-degradazzjoni ta' l-art f'zoni milqutin tkun inqas mill-ispejjeż li jirriżultaw mid-degradazzjoni; huwa konxju mill-impenn fit-tul li huwa meħtieġ sabiex il-miżuri ta' kontra d-deżertifikazzjoni jkunu effettivi;
10. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-koperazzjoni internazzjonali fl-implimentazzjoni ta' l-UNCCD billi jipprovdu inċentivi addizzjonali u għajnuna finanzjarja, u biex jappoġġjaw programmi ta' koperazzjoni transkonfinali li jkunu konnessi mar-riżorsi ta' l-ilma; jitlob, għalhekk, biex din il-kwistjoni titpoġġa fuq l-aġenda tas-sammit EU-Afrika li ġej;
11. Jerġa' jtenni r-riżoluzzjoni tiegħu ta' Lulju 2005 u d-diżappunt tiegħu dwar in-nuqqas ta' regoli obbligatorji u komprensivi li jipprojbixxu l-importazzjoni fl-UE ta' njam illegali u pproċessat b'mod mhux sostebibbli;
12. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-partijiet kontraenti ta' l-UNCCD u lis-Segretarjat ta' l-UNCCD.