PARLAMENT EWROPEW
Dokument ta' sessjoni
24.9.2007 B6‑0357/2007
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kunsill
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Laima Liucija Andrikienė
f'isem il-Grupp PPE-DE
dwar l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill rigward moratorju għall-piena tal-mewt
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill rigward moratorju għall-piena tal-mewt
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu ta' l-1 ta' Frar u tas-26 ta' April 2007 dwar l-inizjattiva favur moratorju universali għall-piena tal-mewt,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tat-3 ta' Ġunju 1998 dwar il-politika ta' l-UE lejn pajjiżi terzi fir-rigward tal-piena tal-mewt,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar it-tneħħija tal-piena tal-mewt li ngħatat fid-19 ta' Diċembru 2006 fl-Assemblea Ġenerali tan-NU mill-Presidenza ta' l-UE, li ġiet iffirmata inizjalment minn 85 pajjiż mill-gruppi ġeografiċi kollha,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni li nqrat mill-Presidenza ta' l-UE f'isem l-Unjoni Ewropea waqt ir-raba' sessjoni tal-Kunsill tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-29 ta' Marzu 2007,
– wara li kkunsidra l-appoġġ għall-moratorju espress mis-Segretarju Ġenerali li n-NU esprimew b'mod pubbliku waqt iż-żjara reċenti tiegħu f'Ruma,
– wara li kkunsidra t-twaqqif ta' Ġurnata Ewropea kontra l-Piena Kapitali fl-10 ta' Ottubru ta' kull sena, kif approvat mill-Konferenza tal-Presidenti tiegħu tat-12 ta' Lulju 2007;
– wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-appell għal moratorju universali għall-piena tal-mewt jirrappreżenta deċiżjoni politika ċara lejn it-tneħħija tal-piena tal-mewt fil-pajjiżi kollha,
B. billi r-riżoluzzjonijiet tiegħu ta' l-1 ta' Frar u tas-26 ta' April 2007 ħeġġew lill-Presidenza ta' l-UE biex tressaq b'mod urġenti riżoluzzjoni lill-Assemblea Ġenerali tan-NU attwali u biex iżżomm lill-Parlament informat dwar ir-riżultati miksuba; billi sa dan il-punt ma tressqet l-ebda riżoluzzjoni lill-Assemblea Ġenerali tan-NU;
C. billi d-dikjarazzjoni dwar il-piena tal-mewt, imressqa mill-Unjoni Ewropea fl-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-19 ta' Diċembru 2006, issa ġabret 88 firma minn pajjiżi mill-gruppi ġeografiċi kollha;
1. Ifakkar lill-Presidenza ta' l-UE u lill-Istati Membri li l-kontenut politiku prinċipali tar-riżoluzzjoni li għandha titressaq fl-Assemblea Ġenerali tan-NU għandu jkun l-adozzjoni ta' moratorju dinji bħala pass kruċjali lejn it-tneħħija tal-piena kapitali;
2. Jistieden lill-Presidenza ta' l-UE u lill-Istati Membri biex ifittxu li r-riżoluzzjoni dwar il-moratorju titqiegħed fuq l-aġenda ta' l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti taħt l-intestatura 'drittijiet tal-bniedem', sabiex din tiġi adottata matul it-62 sessjoni ta' l-Assemblea Ġenerali; itenni t-talba tiegħu lill-Presidenza ta' l-UE biex tagħmel l-almu tagħha biex tipperswadi l-ikbar numru ta' pajjiżi possibbli bħala ko-awturi tar-riżoluzzjoni;
3. Jistieden lill-Presidenza ta' l-UE biex tinkuraġġixxi lil dawk il-pajjiżi li għandhom ma ffirmawx u ma rratifikawx it-Tieni Protokoll Mhux Obbligatorju għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi biex jagħmlu dan, u biex tinkuraġġixxi lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma ffirmawx il-Protokoll Nru 13 għall-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-piena kapitali biex jagħmlu dan;
4. Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-istituzzjonijiet ta' l-UE u lill-Istati Membri biex mill-2007, flimkien mal-Kunsill ta' l-Ewropa, jiddikjaraw l-10 ta' Ottubru ta' kull sena bħala l-Ġurnata Ewropea kontra l-Piena Kapitali;
5. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jieħdu kull opportunità possibbli biex jappoġġjaw it-twaqqif ta' koalizzjonijiet reġjonali favur il-moratorju u t-tneħħija tal-piena kapitali;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Presidenza ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU u lill-Istati Membri tan-NU.