PARLAMENT EWROPEW

Dokument ta' sessjoni

22.10.2007  B6‑0422/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

skond l-Artikolu 81 tar-Regoli ta' Proċedura

mill-Kumitat għall-Iżvilupp

dwar abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi Miżura Speċjali 2007 għall-Iraq

(C6‑0000/2007)

B6‑0422/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi Miżura Speċjali 2007 għall-Iraq

(C6‑0000/2007)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp[1],

–  wara li kkunsidra l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi Miżura Speċjali 2007 għall-Iraq (CMT-2007-2245),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni mogħtija fit-8 ta’ Ottubru 2007 mill-kumitat li hemm referenza għalih fl-Artikolu 35(1) tar-regolament imsemmi hawn fuq (minn issa ’l quddiem imsejjaħ "il-kumitat ta' ġestjoni ta' l-Istrument ta' Koperazzjoni ta’ l-Iżvilupp" (DCI)),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tad-deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li jistabbilixxi l-proċeduri għat-tħaddim tal-poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [2],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 81 tar-Regoli ta' Proċedura,

A.  billi, fit-8 t'Ottubru 2007, il-kumitat ta' ġestjoni ta' l-Istrument ta' Koperazzjoni ta’ l-Iżvilupp ivvota favur l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi Miżura Speċjali għall-2007 għall-Iraq (CMT-2007-2245),

B.  billi, skond l-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/EC u skond il-Punt 1 tal-Ftehima bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-proċeduri għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/EC[3], il-Parlament Ewropew irċieva l-abbozz tal-miżura ta’ implimentazzjoni li tressqet lill-kumitat ta' ġestjoni ta' l-Istrument ta' Koperazzjoni ta’ l-Iżvilupp u r-riżultati tal-votazzjoni,

C.  billi l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 jistipula li “l-objettiv primarju u ewlieni tal-koperazzjoni taħt dan ir-Regolament għandu jkun l-eliminazzjoni tal-faqar fil-pajjiżi u r-reġjuni msieħba fil-kuntest ta' l-iżvilupp sostenibbli”,

D.  billi l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 jistipula li l-“miżuri msemmija fl-Artikolu 1(1)[4] għandhom jitfasslu sabiex jissodisfaw il-kriterji ta' l-Assistenza Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) stabbiliti mill-OECD/DAC ” [Development Assistance Committee of the Organization for Economic Cooperation and Development],

E.  billi, fir-rapport tagħha 'Reporting Directives for the Creditor Reporting System' (DCD/DAC(2002)21), l-OECD/DAC tiddefinixxi l-ODA bħala flussi finanzjarji lejn pajjiżi elenkati fil-lista tad-DAC ta’ min jirċievi l-ODA għal-liema, fost affarijiet oħra, kull transazzjoni tiġi amministrata permezz tal-promozzjoni ta' l-iżvilupp ekonomiku u tal-benesseri tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw bħala l-objettivi ewlieni tagħha',

 

F.  billi fl-Artikolu 23, paragrafi 1 u 3, ta’ tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 rispettivament jistipulaw li “Fil-każ ta' ħtiġijiet jew ċirkostanzi mhux previsti u debitament ġustifikati relatati ma' diżastri naturali, konflitti jew kriżijiet ċivili, u li ma jistgħux jiġu ffinanzjati taħt ir-Regolament (KE) Nru 1717/2006 jew ir-Regolament (KE) Nru 1257/96, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri speċjali mhux previsti fid-dokumenti ta' strateġija jew fil-programmi indikattivi pluriennali (minn hawn 'il quddiem imsejħa "miżuri speċjali"), li "Il-miżuri speċjali jistgħu jintużaw ukoll sabiex jiffinanzjaw miżuri li jiffaċilitaw it-transizzjoni mill-għajnuna ta' emerġenza għal operazzjonijiet ta' żvilupp fit-tul, inklużi dawk li għandhom l-għan li jħejju lill-popolazzjoni għal kriżijiet rikorrenti", u li "Fejn l-ispiża ta' dawn il-miżuri taqbeż EUR 10000000, il-Kummissjoni għandha tadottahom skond il-proċedura ta' ġestjoni msemmija fl-Artikolu 35(2)",

1.  Huwa tal-fehma li fl-abbozz tal-Miżura Speċjali għall-Iraq għall-2007, l-Għanijiet ta' l-Iżvilupp tal-Millennju (MDGs) m’humiex ippreżentati b’mod ċar bħala prijorità ewlenija; iqis li dan ma jikkonformax ma' l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) 1905/2006 li fih hemm stipulata l-kisba ta' l-MDGs bħala wieħed mill-prinċipji ewlenin tal-koperazzjoni skond id-DCI;

2.  Huwa tal-fehma li fl-abbozz tal-Miżura Speċjali għall-Iraq għall-2007, il-Kummissjoni qiegħda tmur lil hinn mis-setgħat ta' implimentazzjoni stabbiliti fl-att bażiku billi għażlet bħala wieħed mill-oqsma ta’ intervenzjoni “l-Istudju ta’Fattibilità għaż-Żona tal-Gass Akkas”, li l-objettiv ġenerali tiegħu hu li “jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet għall-esplorazzjoni taż-Żona tal-Gass Akkas fil-punent ta’ l-Iraq bl-iskop li l-produzzjoni minnha tmur fin-netwerk Sirjan tal-pajpijiet tal-gass”, u aktar minn hekk “biex jekk ikun possibbli, dan il-proġett ikun integrat mal-ħidma tal-Proġett Ewropew-Għarbi tas-Suq tal-Gass fil-Maxriq”; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li "l-istudju ser iqis l-interess tal-futur tal-ġirien tal-Maxriq u l-interess ta’ l-UE sabiex il-produzzjoni mill-bjar tiġi integrata fis-suq tal-gass Euro-Maxriq”, u li “din l-integrazzjoni ser tiftaħ suq potenzjali kbir għall-produzzjoni taż-żona tal-gass ta’ Akkas u li ser tippermetti l-ewwel integrazzjoni tal-gass naturali ta’ l-Iraq mas-suq reġjunali u Ewropew”, u għalhekk iqis li dan l-objettiv m’huwiex konformi ma’ l-Artikolu 2(1) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006, fis-sens li l-objettiv primarju tal-Miżuri Speċjali m’huwiex il-qerda tal-faqar u li l-objettivi ddikjarati ma jissodisfawx l-kriterji ta’ l-ODA stabbiliti mill-OECD/DAC;‑{}‑

3.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tirtira jew temenda l-abbozz tad-deċiżjoni li tistabbilixxi Miżura Speċjali għall-Iraq, u biex tressaq abbozz ta’ deċiżjoni ġdid lill-kumitat ta' ġestjoni ta' l-Istrument ta' Koperazzjoni ta’ l-Iżvilupp li jirrispetta b’mod sħiħ id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lir-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri fil-kumitat ta' ġestjoni ta' l-Istrument ta' Koperazzjoni ta’ l-Iżvilupp, u lill-parlamenti u lill-gvernijiet ta’ l-Istati Membri.

[1] ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41.
[2] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.
[3] ĠU L 256, 10.10.2000, p. 19.
[4]L-Artikolu 1(1): “ Il-Komunità għandha tiffinanzja miżuri mmirati bħala appoġġ għall-koperazzjoni ma' pajjiżi, territorji u reġjuni (...).”