PARLAMENT EWROPEW

Dokument ta' sessjoni

7.11.2007   B6‑0435/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni

skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

minn Cristiana Muscardini

f’isem il-Grupp UEN

dwar l-interess Ewropew: suċċess fl-epoka ta’ globalizzazzjoni

B6‑0435/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-interess Ewropew: suċċess fl-epoka ta’ globalizzazzjoni

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi trid tiġi adottata strateġija xierqa mill-UE sabiex jiġu ffaċċjati l-isfidi u sabiex jiġu evitati r-riskji tal-globalizzazzjoni u biex tiġi ffaċċjata ż-żieda fil-kompetizzjoni mill-ekonomiji l-ġodda ewlenin,

B.  B.  billi l-konsistenza bejn l-aspetti interni u esterni ta' l-Aġenda ta' Liżbona mġedda hija indispensabbli għas-suċċess ta' l-inizjattiva,

C.   billi jkun hemm protesti pubbliċi qawwijin ta' sikwit kontra l-impatt inkwetanti li jkollu l-ftuħ tal-kummerċ fuq ċerti reġjuni u setturi ekonomiċi, waqt li l-effetti pożittivi tiegħu fuq l-innovazzjoni, il-kompetittività u l-impjiegi jiġu spiss injorati,

D.  billi l-aċċess għas-suq qiegħed ikun dejjem iżjed imxekkel minn tipi varji ta' ostakoli li m'humiex tariffi,

E.  billi t-tariffi għoljin għadhom jirrappreżentaw ostakolu sinifikanti għall-kummerċ, b'mod speċjali fir-rigward ta' pajjiżi ġodda ewlenin,

F.  billi s-sistema ta' kummerċ multilaterali inkorporata fid-WTO tibqa' l-iżjed qafas effettiv biex jinħoloq kummerċ ġust u bilanċjat fuq bażi globali, bl-iżvilupp ta’ regoli xierqa u l-iżgurar tal-konformità ma’ dawn ir-regoli,

G.  billi l-ftehimiet bilaterali li jikkumplimentaw in-negozjati multilaterali jistgħu jkunu għodda oħra li l-UE tista' tuża biex ittejjeb il-pożizzjoni kompetittiva tagħha,

H.  billi l-UE għandha tkun lesta li tiddefendi lilha nfisha, kull meta jkun meħtieġ, kontra l-ksur ta' regoli maqbula u kontra prattiki kummerċjali inġusti,

1.  Iqis li l-politika kummerċjali hija element vitali ta' kwalunkwe strateġija li jkollha l-għan li tistimula t-tkabbir u li toħloq l-impjiegi billi ttejjeb l-kompetittività Ewropea;

2.  Jemmen li, meta tieħu azzjoni esterna, l-Unjoni Ewropea trid tinkuraġġixxi r-riforma u l-koperazzjoni internazzjonali fl-isfera ekonomika sabiex toħloq ambjent kummerċjali favorevoli u biex tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli mad-dinja kollha;

3.  Jemmen li l-benefiċċji ta' sistema kummerċjali miftuħa huma akbar mill-impatt potenzjalment negattiv tagħha; għalhekk iqis li l-UE għandha tibqa' tistinka biex tikkompleta s-suq uniku, biex tippromwovi l-kummerċ ħieles u ġust u biex tirreżisti l-protezzjoniżmu; jemmen ukoll li l-impatt potenzjalment negattiv fuq ċerti setturi, reġjuni u pajjiżi, bħall-effetti taċ-ċaqliq u tar-rilokazzjoni, ma jistgħux jiġu injorati;

4.  Iqis li l-Kummissjoni għandha tadotta strateġija biex tinfluwenza b'mod pożittiv il-proċess tal-globalizzazzjoni u biex timmaniġġja r-riskji;

5.  Ifakkar li f'ħafna setturi l-UE diġà hija waħda mill-iżjed ekonomiji miftuħa fid-dinja u li l-prestazzjoni ta' l-UE, fir-rigward ta' l-ekonomiji diġà żviluppati u ta' dawk ġodda, hija affettwata min-nuqqas ta' reċiproċità fil-kundizzjonijiet ta' l-aċċess għas-suq, minn konformità insuffiċjenti mar-regoli kummerċjali maqbula u mill-proliferazzjoni ta' prattiki kummerċjali inġusti,

6.  Jinnota li bosta pajjiżi fid-dinja, inklużi xi ekonomiji ġodda ewlenin, iżommu ostakoli ta' tariffi għoljin u mhux kummerċjali fir-rigward ta' l-esportazzjonijiet ta' l-UE; iqis li t-tneħħija jew it-tnaqqis sinifikanti ta' ostakoli bħal dawn, li tqis b'mod xieraq il-kunsiderazzjonijiet ta' l-iżvilupp, għandha tkun waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-politika kummerċjali ta' l-UE;

7.  Iqis li s-sistema ta' kummerċ multilaterali inkorporata fid-WTO tibqa' bil-qabda l-iżjed qafas effettiv biex jinħoloq kummerċ ħieles fuq bażi globali; huwa tal-fehma, madankollu, li s-sistema tad-WTO għandha tkun riformata sa ċertu punt sabiex jiżdiedu t-trasparenza u l-effettività;

8.  Iqis li l-FTAs il-ġodda kollha li ġew konklużi mill-UE għandhom ikunu kompatibbli mad-WTO, komprensivi u ambizzjużi, iwasslu għal aċċess għas-suq reċiproku u, iżjed minn hekk, jiżguraw liberalizzazzjoni estiża tas-servizzi u l-investimenti, li tmur lil hinn mill-impenji multilaterali eżistenti;

9.  Jisħaq fuq ir-relevanza dejjem tikber ta' kwistjonijiet regolatorji fil-kummerċ internazzjonali; jitlob għal iżjed konsistenza bejn ir-regoli u l-prattiki ta' l-UE u dawk ta' l-imsieħba kummerċjali ewlenin tagħna; jenfasizza li dan m'għandux iwassal għal ribass fl-armonizzazzjoni ta' l-istandards u tar-regolamenti li jgħawru l-kunfidenza taċ-ċittadini fir-rigward tas-saħħa, is-sikurezza u l-ambjent; jenfasizza li minflok għandhom jiżdiedu l-isforzi biex jiġi żgurat li regoli u prattiki bħal dawn ikunu rikonoxxuti u infurzati mill-imsieħba kummerċjali ewlenin ta' l-UE;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli bl-isforzi tagħha fl-oqsma tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, jinnota li r-rispett għall-brevetti u għad-difiża tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (IPRs) huma element ċentrali tal-kompetittività esterna ta' l-UE, u jemmen li f'dan ir-rigward l-UE għandha tadotta pożizzjoni iżjed riżoluta fil-konfront ta' pajjiżi terzi;

11.  Iqis il-protezzjoni xierqa ta' l-IPRs mill-imsieħba ewlenin ta' l-UE bħala rekwiżit indispensabbli biex tiġi preservata u mtejba l-kompetittività esterna ta' l-UE;

12.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikulari lill-ostakoli mhux kummerċjali (NTBs), li - ladarba kull ma jmur it-tariffi qegħdin jiġu mnaqqsa jew imneħħija - għandhom it-tendenza li jsiru l-ostakolu prinċipali għall-kummerċ internazzjonali; jiġbed l-attenzjoni għall-firxa kbira, il-kumplessità teknika u s-sensittività politika ta' l-NTBs, li jagħmluhom iżjed diffiċli biex jiġu ffaċċjati, u jistieden lill-Kummissjoni biex tiddedika riżorsi biżżejjed għal din il-biċċa xogħol diffiċli;

13.  Jemmen li s-segwitu ta' iżjed liberalizzazzjoni ulterjuri jagħmilha iżjed neċessarja li l-UE tippreserva l-abilità tagħha li tipproteġi lilha nfisha minn prattiki kummerċjali inġusti; għalhekk, iqis l-Istrumenti ta' Difiża Kummerċjali bħala element indispensabbli ta' l-istrateġija ta' l-UE għall-kompetittività esterna;

14.  Jinnota li l-globalizzazzjoni ta' l-ekonomija toħloq opportunitajiet ġodda għall-ekonomiji ta' l-UE li se jkollhom rwol aktar importanti fid-deċennji li ġejjin u jakkwistaw benefiċċji addizzjonali billi jutilizzaw sew l-ekonomiji fil-kobor, il-kapaċità, l-urbanizzazzjoni, in-netwerks u r-reputazzjoni pożittiva;

15.  Jenfasizza li l-UE tista' biss tilħaq l-objettivi tagħha ta' Liżbona internament billi tkun attiva u magħquda fix-xena dinjija; għalhekk jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni li tiġi żviluppata dimensjoni esterna koerenti ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona; iqis li approċċ komprensiv għall-politika esterna li jiffoka fuq il-koperazzjoni regolatorja, il-konverġenza ta' l-istandards u l-ekwivalenza tar-regoli jrid jippromwovi kemm il-kompetizzjoni ġusta kif ukoll il-kummerċ ġust; madankollu, f'dan il-kuntest iwissi biex ma tkunx sottovalutata l-importanza ta' aktar titjib fil-koperazzjoni interna u fil-proċessi ta' riforma;

16.  Jenfasizza l-importanza li qed tikber ta’ l-UE bħala protagonista globali u bħala waħda mill-benefiċjarji ewlenin ta' l-ekonomija globali miftuħa, bħala l-akbar esportatur u importatur fid-dinja ta' oġġetti, l-akbar esportatur fid-dinja ta’ servizzi u t-tieni l-akbar destinazzjoni u oriġini ta’ Investiment Barrani Dirett; iqis li, għalhekk, għandha responsabiltà kbira li tittratta kwistjonijiet dinjin u li tadotta għodod ta’ politika ekonomika esterna komuni biex l-impatt estern tas-suq wieħed ta' l-UE jkun immaniġġjat kif xieraq;

17.  Iqis li l-konsolidazzjoni globali ta' l-industriji u l-akkwisti tal-kumpaniji ta' l-UE minn investituri ta' pajjiżi terzi u viċi versa jbaxxu l-ispiża effettiva tal-kapital; jitlob li jittieħdu miżuri ħalli jikkumbattu l-protezzjoniżmu kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra l-Unjoni Ewropea; madankollu, jiġbed l-attenzjoni li mingħajr koordinazzjoni xierqa meta jinħoloq il-qafas superviżorju ta’ l-UE u mingħajr infurzar qawwi tar-regoli tal-kompetizzjoni ta’ l-UE, il-vantaġġi tas-suq wieħed u l-benefiċċji fil-kobor li jinkisbu mill-parteċipazzjoni ta’ l-UE f’suq dinji bħala entità waħda jistgħu jonqsu;

18.  Huwa favur l-indipendenza ta' l-ECB fit-tfassil tal-politika monetarja u fit-tmexxija volatili tas-swieq finanzjarji globali; jenfasizza li l-apprezzament tar-rata tal-kambju ta’ l-Euro joriġina minn żbilanċi li qed jiżdiedu f’pajjiżi terzi u minn domanda dgħajfa fl-UE, u dan iżid il-pressjoni kompetittiva fuq il-kumpaniji ta’ l-UE, u jidentifika l-ħtieġa għal reazzjoni ta’ l-UE permezz ta’ politika ekonomika soda u permezz ta’ ftehimiet u koperazzjoni internazzjonali;

19.  Huwa tal-fehma li żiedet f’daqqa tad-domanda għar-riżorsi naturali, għall-prodotti u s-servizzi bażiċi minħabba t-tkabbir ta' ekonomiji li qed jiżviluppaw jista' jkollhom impatt inflazjonarju fuq l-ekonomiji ta' l-Istati Membri ta' l-UE li s'issa kien evitat minħabba l-kontribut tagħhom għaż-żieda tal-forniment dinji; iqis li l-Istati Membri għandhom iħejju għodda antinflazzjonarja ta’ politika ekonomika bi strateġiji ta’ tkabbir ekonomiku u b’qafas għal aġġustament makroekonomiku u koordinazzjoni mtejba sabiex tiġi ffaċċjata din il-problema;

20.  Huwa tal-fehma li t-trasparenza tas-suq finanzjarju, regoli tal-kompetizzjoni effettivi u regolazzjoni u sorveljanza xierqa se jibqgħu jkunu kruċjali, meta jitqiesu l-globalizzazzjoni tas-swieq finanzjarji u l-ħtieġa li jkunu garantiti d-drittijiet tal-konsumatur; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni sabiex telabora l-kwistjonijiet tas-suq finanzjarju f'inizjattivi ma' l-Ewropea kollha fil-qafas tal-programm Komunitarju ta' Liżbona;

21.  Jenfasizza li t-tnaqqis fir-ritmu tal-produzzjoni hi kwistjoni ta' tħassib għall-politika ekonomika u jvarja minn pajjiż għall-ieħor ta' l-UE, minkejja hemm xejra ġenerali komuni li tindika punti dgħajfa fis-swieq, fid-distribuzzjoni u fis-servizzi finanzjarji;

22.  Jirrimaka li r-riġidità strutturali ma tippermettix l-effiċjenza fl-użu ta' teknoloġiji ġodda u l-aċċessibilità ta' netwerks f'industriji li għadhom lura; jemmen li l-linji gwida ta' politika ekonomika għandhom jinkludu azzjonijiet li jħejju sabiex jinħoloq l-ambjent tajjeb għal operazzjonijiet transkonfinali min-negozji u biex tissaħħaħ id-dehra ta’ suq finanzjarju wieħed;

23.  Jemmen li titjib fl-operat tas-swieq, fid-distribuzzjoni u fis-servizzi finanzjarji jista' jinkiseb billi tikber il-koordinazzjoni fir-riformi ekonomiċi fl-Istati Membri differenti, b’mod partikulari fi ħdan iz-zona euro, u fl-immodernizzar ta' l-ekonomija billi jiżdiedu l-isforzi għal investiment fit-teknoloġija; jappoġġja approċċ integrat ta’ governanza ekonomika bbażat fuq il-valur miżjud ta’ l-integrazzjoni;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.