PARLAMENT EWROPEW
Dokument ta' Sessjoni
7.11.2007 B6‑0437/2007
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
skond l-Artikolu 81 tar-Regoli ta' Proċedura
imressqa mill- Kumitat dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
dwar l-abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament(KE) Nru 1725/2003 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità bi qbil mar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta': L-Istandards Internazzjonali ta' Rappurtaġġ Finanzjarju (IFRS) 8 rigward informazzjoni dwar oqsma operattivi
(C6‑0000/0000)
B6‑0437/2007
Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1725/2003 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità bi qbil mar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta': L-Istandards Internazzjonali ta' Rappurtaġġ Finanzjarju (IFRS) 8 rigward informazzjoni dwar oqsma operattivi
(C6‑0000/0000)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Regolament Nru 1606/2002[1] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament(KE) Nru 1725/2003 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità bi qbil mar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta': L-Istandards Internazzjonali ta' Rappurtaġġ Finanzjarju (IFRS) 8 rigward informazzjoni dwar oqsma operattivi (C6 0000/0000),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni[2],
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/512/KE tas-17 ta' Lulju 2006 li temenda d-Deċiżjoni 1999/468/KE[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-24 ta' Ottubru 2006[4] dwar l-istandards ta' kontabilità użati mill-emittenti ta' pajjiżi terzi u l-ekwivalenza tagħhom għall-IFRS li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet li fuqhom l-UE aċċettat il-proċess ta' konverġenza u ta' ekwivalenza bejn l-IFRS kif adottati mill-UE u l-GAAP ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerka,
– wara li kkunsidra d-dibattitu tas-sessjoni plenarja tal-25 ta' April 2007 li fih ġie deċiż li jkun aġġornat il-vot dwar il-mozzjoni għal riżoluzzjoni rigward l-Istandards Internazzjonali ta' Rappurtaġġ Finanzjarju (IFRS) 8 għaliex is-servizzi tal-Kummissjoni qablu li jagħmlu evalwazzjoni ta' l-impatt u li jippreżentawha lill-Kumitat dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Monentarji fl-10 ta' Settembru; wara li kkunsidra li l-konverġenza ta' l-istandards ta' rappurtaġġ finanzjarju għandha tagħmilha possibbli li jiġu magħmula dikjarazzjonijiet finanzjarji ta' kwalità għola,
– wara li kkunsidra r-relazzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni "Endorsement of IFRS 8 Operating Segments - Analysis of Potential Effects - Report" ta' l-10 ta' Settembru 2007,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 81 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi għall-kontijiet konsolidati ta' kumpaniji kkwotati fil-borża ta' l-UE, l-Unjoni Ewropea iddeċidiet li tapplika standards tal-kontabilità internazzjonali; billi dawn l-istandards tal-kontabilità huma inkorporati fil-liġi ta' l-UE permezz tal-komitoloġija,
B. billi r-rappurtaġġ ta' oqsma operattivi skond il-mudell tan-negozju kif qed isir bħalissa hu importanti biex id-dikjarazzjonijiet finanzjarji jiftehmu aħjar, kif ukoll tingħata informazzjoni ġeografika xierqa,
C. billi informazzjoni dwar l-oqsma operattivi għandha tkun paragonabbli,
D. billi sentejn wara l-implimentazzjoni ta' l-IFRS 8, l-IASB għandha tagħmel evalwazzjoni,
E. billi kull kumpanijia kkwotati fil-borża ta' l-UE, ikun xi jkun id-daqs tagħha, għandha ssegwi l-liġi ta' l-UE inkluż l-IFRS kif approvata mill-UE,
F. billi l-Kummissjoni kienet impenjata li tagħmel evalwazzjoni ta' l-impatt ta' l-IFRS 8,
1. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tapprova l-IFRS 8 waqt li tinkorpora fil-ligi ta' l-UE l-SFAS 131 ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika, li jimplika li l-kumpaniji kkwotati fil-borża ta' l-UE se jkollhom permess jiżvelaw informazzjoni ta' oqsma operattivi huma u jsegwu 'l-approċċ ibbażat fuq l-angolu li minnu jħares min qed imexxi';
2. Jiddispjaċih li l-evalwazzjoni ta' l-impatt magħmula mill-Kummissjoni ma ħaditx biżżejjed konsiderazzjoni ta' l-interessi ta' l-utenti kif ukoll tal-ħtiġijiet ta' kumpaniji żgħar u ta' daqs medju li jinsabu f'pajjiżi differenti Ewropej u ta' kumpaniji li joperaw biss lokalment;
3. Ifakkar li l-konverġenza tal-kontabilità mhix proċess unilaterali fejn parti minnhom sempliċement tikkopja l-istandards tar-rappurtaġġ finanzjarju tal-parti l-oħra;
4. Jesprimi riserva dwar l-analiżi tal-Kummissjoni li l-iżvelar ta' informazzjoni ġeografika mhux se tkun ridotta fil-prattika meta mqabbla ma l-IAS 14, u jqis bħala vitali li l-amministrazzjoni tkompli tipprovdi informazzjoni suffiċjenti dwar oqsma operattivi biex tippermetti lill-utenti li jagħmlu evalwazzjoni tar-riskji u tal-forzi li jmexxu l-kummerċ f'termini ġeografiċi, fejn relevanti pajjiż pajjiż, u tas-settur kummerċjali u jitlob lill-Kummissjoni sabiex tirraporta lura lill-Parlament dwar l-eżitu tad-diskussjoni ma' l-IASB dwar din il-kwistjoni sa żmien sitt xhur oħra;
5. Jinnota li l-kunċett 'Chief Operating Decision Maker' jista' jidher bħala funzjoni, u għalhekk jaċċetta l-kunċett ta' bord li għandu responsabiltà kollettiva kif stipulata mil-liġi Ewropea;
6. Jitlob lill-Kummissjoni li ssegwi mill-qrib l-applikazzjoni ta' l-IFRS 8 u li tagħti rapport lill-Parlament mhux aktar tard mill-2011, fost l-oħrajn rapport ta' oqsma ġeografiċi, oqsma ta' profitt jew telf, ta' użu ta' miżuri li mhumiex IFRS; jenfasizza li jekk il-Kummissjoni tiskopri nuqqasijiet fl-applikazzjoni ta' l-IFRS 8 għandha d-dmir li tikkorreġi dawn in-nuqqasijiet;
7. Jenfasizza li l-Parlament se juża b'mod attiv id-dritt tiegħu ta' skrutinju; jisħaq għalhekk li l-IASB/IASCF u l-Kummissjoni b'mod partikolari għandhom jimpenjaw irwieħhom aktar mill-qrib mal-Parlament u mal-Partijiet Interessati Ewropej kif għamlu s'issa, għaliex meta ma sarx hekk inħolqu problemi serji bħal, per eżempju, ma' l-IFRS 8; iqis li għandu jkun involut sa mill-ewwel stadji tal-proċess ta' ffissar ta' standards sabiex jiġi evitat dewmien sinifikanti fil-proċess ta' konferma;
8. Jitlob għalhekk li l-Kummissjoni tmur lil hinn mil-linji gwida volontarji u tappoġġja l-iżvilupp ta' standard tal-kontabilità xieraq li jirrikjedi mill-kumpaniji ta' estrazzjoni rappurtaġġ pajjiż pajjiż ;
9. Jenfasizza li l-Kummissjoni f'kull każ għandha ssegwi l-prinċipji tagħha ta' regolamentazzjoni aħjar, u li, partikolarment rigward standard internazzjonali tal-kontabilità, għandha tiżgura li l-evalwazzjonijiet ta' l-impatt isiru fil-bidu nett ta' l-iżvilupp ta' kull standard jew interpretazzjoni ta' kontabilità internazzjonali, u li tipprovdi l-appoġġ meħtieġ; jenfasizza li evalwazzjonijiet ta' l-impatt bħal dawn għandhom jinkorporaw informazzjoni kwantitattiva u jirriflettu bilanċ bejn il-partijiet interessati;
10. Jenfasizza l-importanza ta' infurzar xieraq ta' standards tal-kontabilità, fosthom il-kapaċità tal-PE li jeżerċita kif xieraq id-dritt tiegħu ta' skrutinju;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-parlamenti u l-gvernijiet ta' l-Istati Membri.