PARLAMENT EWROPEW

Dokument ta' sessjoni

12.11.2007   B6‑0462/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni

skond l-Artikolu 103 (2), tar-Regoli ta' Proċedura

minn Martin Schulz, Claudio Fava, Gianni Pittella, Pasqualina Napoletano, Adrian Severin, Dan Mihalache u Kristian Vigenin, f'isem il-Grupp PSE

minn Monica Frassoni u Daniel Cohn-Bendit, f'isem il-grupp tal-Ħodor/ALE

minn Francis Wurtz , Roberto Musacchio, Marco Rizzo, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Giusto Catania, Vittorio Agnoletto u Umberto Guidoni, f'isem il-Grupp GUE/NGL

dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet tal-liberta' tal-moviment u tas-soġġorn taċ-ċittadini ta' l-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom fit-territorju ta' l-Istati Membri

B6‑0462/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet tal-liberta' tal-moviment u tas-soġġorn taċ-ċittadini ta' l-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom fit-territorju ta' l-Istati Membri

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 6, 13 u 29 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 61, 62, u 64 tat-Trattat dwar il-Komunità Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 6, 19, 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/38/KE dwar il-moviment ħieles taċ-ċittadini ta' l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar id-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew dwar il-moviment ħieles tal- persuni, dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoniet u speċjalment ir-riżoluzzjoni tiegħu dwar is-sitwazzjoni tar-Rom fl-Unjoni Ewropea ( RC-B6-0272/2005 ),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2), tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-moviment ħieles tal-persuni hija libertà fundamentali u inaljenabbli, rikonoxxuta għaċ-ċittadini ta' l-Unjoni mit-Trattati kif ukoll mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u li din il-libertà hija waħda mill-pilastri taċ-ċittadinanza Ewropea,

B.  billi għal din ir-raġuni, id-Direttiva 2004/38/KE dwar il-moviment ħieles taċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea u l-familji tagħhom li tipprevjeni l-possibilità għal Stat Membru li jbiegħed ċittadin ta' l-Unjoni, ipoġġi lill-din il-possibilità f'limiti definiti sew, sabiex jiggarantixxi l-libertajiet fundamentali,

C.  billi l-Unjoni għandha tkun miftuħa biex tiżgura livell għoli ta' sigurtà f'kuntest ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għaċ-ċittadini tagħha,

D. billi l-kriminalità organizzata u t-traffikar tal-bnedmin huma sfidi transkonfinali u li l-moviment ħieles f'kuntest Ewropew huwa bbażat ukoll fuq it-tisħiħ tal-koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija fuq livell Ewropew f'inkjesti u attivitajiet ta' segwitu, bl-appoġġ tal-Eurojust u l-Europol,

E.  billi r-rispett għal-liġijiiet tal-pajjiżi membri kollha huwa kundizzjoni essenzjali għall-ko-eżistenza u l-inklużjoni soċjali fl-Unjoni,

F.  billi l-ġlieda kontra kull forma ta' razziżmu u ta' ksenofobija kif ukoll kontra kull forma ta' diskriminazzjoni tagħmel parti mill-prinċipji fundamentali li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea,

G.  billi l-minoranza tar-Rom għadha l-mira ta' diskriminazzjoni u abbuż fit-territorju ta' l-Unjoni Ewropea u billi sfortunatament, l-integrazzjoni, l-inklużjoni soċjali u l-protezzjoni ta' din il-minoranza għadhom objettivi li għad iridu jintlaħqu,

H.  huwa xxukkjat bl-aggressjoni u bil-qtil brutali ta' mara f'Ruma, fejn ġie akkużat ċittadin Rumen,

I.  ikkunsidra l-attakki razzisti li segwew dan l-avveniment fejn kienu vittmi xi ċittadini rumeni,

J.   ikkunsidra inizjattiva konġunta mill-Prim Ministru Taljan u l-Prim Ministru Rumen, kif ukoll ittra komuni li huma ppreżentaw lill-President tal-Kummissjoni Ewropea,

1.  Jenfasizza mill-ġdid il-valur tal-liberta tal-moviment ta' persuni bħala prinċipju fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, aspett kostituzzjonali taċ-ċittadinanza Ewropea u element fundamentali tas-suq intern;

2.  Jenfasizza mill-ġdid l-objettiv li l-Unjoni ssir territorju fejn kull persuna tista' tgħix fil-liberta, sigurta u ġustizzja;

3.  Ifakkar li d-Direttiva 2004/38/KE tinkludi l-possibilita ta' tbegħid ta' ċittadin mill-Unjoni f'limiti preċiżi ħafna u li din tipprevedi b'mod speċjali:

–  l-Artikolu 27 tagħha, fejn l-Istati Membri ma jistgħux jillimitaw il-liberta ta' ċirkolazzjoni u ta' residenza ħlief għal raġunijiet ta' ordni pubblika, sigurta pubblika jew saħħa pubblika u li dawn ir-raġunijiet ma jistgħux jiġu applikati għal skopijiet ekonomiċi; kull miżura għandha tkun proporzjonata u bbażata esklussivament fuq l-atteġġament personali ta' l-individwu u fl-ebda każ fuq raġunijiet ta' prevenzjoni ġenerali;

 

–  l-Artikolu 28 tagħha, fejn hija meħtieġa evalwazzjoni qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni ta' tbegħid sabiex tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni personali ta' l-individwu kkonċernat, b'mod speċjali kemm se jkun twil is-soġġorn tiegħu, l-istat tas-saħħa tiegħu, is-sitwazzjoni tal-familja tiegħu u dik ekonomika, l-integrazzjoni tiegħu fl-Istat Membru ospitanti;

 

–  il-premessa 16 u l-Artikolu 14, il-possibilità ta' tbegħid jekk ċittadin ikun ta' piż mhux iġġustifikat għall-assistenza soċjali, iżda fl-istess ħin jenfasizza li jeħtieġ li jsir eżami fil-fond tal-każ individwali u li fl-ebda każ, din il-kundizzjoni waħidha ma tista' tiġġustifika it-tbegħid awtomatiku;

 

4.  Jafferma mill-ġdid li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kollha għandha tirrespetta b'mod strett dawn il-limitazzjonijiet u dawn il-garanziji, inkluż ukoll l-aċċess għal rikors legali kontra t-tbegħid u għall-eżerċitar tad-drittijiet ta' difiża u li l-eċċezzjonijiet kollha definiti mid-direttiva għandhom jiġu interpretati b'mod ristrett; ifakkar li l-espulsjonijiet kollettivi huma projbiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

 

5.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-appel ta' żewġ Prim Ministri għal impenn ta' l-Unjoni Ewropea favur l-integrazzjoni soċjali tal-popolazzjonijiet żvantaġġati u l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward ta' ġestjoni taċ-ċaqliċ tal-popolazzjoni tagħhom, kif ukoll permezz ta' programmi ta' żvilupp u ta' għajnuna soċjali inklużi fil-Fondi Strutturali;

 

6.  Jistieden lill-Kummissjoni biex mingħajr dewmien tippreżenta evalwazzjoni fid-dettall ta' l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE mill-Istati Membri kif ukoll xi proposti, b'konformita ma' l-Artikolu 39 tagħha;

 

7.  Mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Kummissjoni, jinkariga lill-kumitat parlamentari kompetenti biex minn issa sa l-ewwel ta' Ġunju 2008, b'kollaborazzjoni mal-parlamenti nazzjonali, iħejji evalwazzjoni tal-problemi ta' traspożizzjoni ta' din id-direttiva sabiex jiġu enfasizzati l-aħjar prattiki kif ukoll il-miżuri li jistgħu jwasslu għal diskriminazzjonijiet bejn ċittadini Ewropej,

 

8.  Jistieden lill-Istati Membri biex jegħilbu kwalunkwe eżitazzjoni u biex jipproċedu kemm jista' jkun malajr fl-infurzar ta' strumenti ta' koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija fil-qasam penali fuq livell ta' l-Unjoni Ewropea, sabiex tkun garantita ġlieda effikaċi kontra l-kriminalita organizzata u t-traffikar tal-bnedmin, fenomeni fuq dimensjoni trans-nazzjonali, filwaqt li jiġi assigurat qafas uniformi tal-garanziji ta' proċedura;

 

9.  Jirrifjuta l-prinċipju tar-responsabbilita kollettiva u jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li tiġi miġġielda kull forma ta' razziżmu u ksenofobija u kull forma ta' diskriminazzjoni u ta' stigmatizzazzjoni fuq il-bażi ta' nazzjonalita u oriġini etnika, kif hemm indikat fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea;

 

10.  Ifakkar lill-Kummissjoni dwar l-urġenza li jiġi ppreżentat proġett ta' direttiva orizzontali kontra kull diskriminazzjoni msemmija fl-Artikolu 13 tat-Trattat KE, ippjanat fil-programm leġiżlattiv ta' l-2008;

 

11.  Jikkunsidra li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-minoranza tar-Rom u l-integrazzjoni tagħha huma sfida għall-Unjoni Ewropea sħiħa u jistieden lill-Kummissjoni biex taġixxi mingħajr dewmien sabiex tiżviluppa strateġija globali għall-inklużjoni soċjali tal-popolazzjoni Rom, filwaqt li tuża b'mod speċjali il-Fondi għall-Integrazzjoni, kif ukoll il-Fondi Strutturali għall-appoġġ ta' l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fl-isforzi tagħhom biex jiżguraw l-inklużjoni soċjali tal-popolazzjoni Rom;

 

12.  Huwa tal-fehma li d-dikjarazzjonijiet riċenti tal-Viċi President tal-Kummissjoni, is-Sur Franco Frattini, lill-istampa Taljana fl-okkażjoni ta' l-episodji serji li seħħu f'Ruma, imorru kontra l-ispirtu u t-tifsira tad-Direttiva 2004/38/KE, direttiva li huwa mitlub jirrispetta bis-sħiħ;

 

13.  Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-Parlamenti ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea.