PARLAMENT EWROPEW
Dokument ta' sessjoni
5.12.2007 B6‑0512/2007
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill Ewropew u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Kristian Vigenin, Bárbara Dührkop Dührkop, Justas Vincas Paleckis u Csaba Sándor Tabajdi
f'isem il-Grupp PSE
dwar il-ġlieda kontra ż-żieda ta' l-estremiżmu fl-Ewropa
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ġlieda kontra ż-żieda ta' l-estremiżmu fl-Ewropa
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-razziżmu, il-ksenofobija u l-estremiżmu, b'mod partikolari dik ta' l-20 ta' Frar 1997 dwar ir-razziżmu, il-ksenofobija u l-lemin estrem u dik tal-15 ta' Ġunju 2006 dwar iż-żieda fil-vjolenza razzista u omofobika fl-Ewropa ( P6_TA(2006)0273 ,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tad-29 ta' Novembru 2007 dwar il-proposta għal Deċiżjoni ta' Qafas tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra ċertu forom u espressjonijiet razzisti u ksenofobiċi permezz tal-liġi kriminali (Rapport Roure),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 13 tat-Trattat KE, li jorbtu lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jappoġġjaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u li jipprovdu mezzi Ewropej biex jiġġieldu kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u d-diskriminazzjoni,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Istatut ta' l-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali,
– wara li kkunsidra l-istrumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni bbażata fuq oriġini razzjali u etnika, u b'mod partikolari l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (ECHR), it-tnejn li huma ffirmati mill-Istati Membri kollha u numru kbir mill-istati terzi,
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 1438 (25 ta' Jannar 2000) ta' l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar 'it-theddida għad-demokrazija li tiġi minn partiti u movimenti estremisti fl-Ewropa',
– wara li kkunsidra l-attivitajiet ta' l-Unjoni Ewropea biex tiġġieled kontra r-razziżmu, il-ksenofobija, l-anti-Semitiżmu u l-omofobija, b'mod partikolari d-Direttiva anti-diskriminatorja 2000/43/KE, li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali ta' persuni irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika, u d-Direttiva 2000/78/KE, li tistabbilixxi qafas ġenerali għat-trattament ugwali fl-impjieg u l-okkupazzjoni, u wara li kkunsidra d-deċiżjoni ta' qafas dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1344 (29 ta' Settembru 2000) ta' l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar 'it-theddida għad-demokrazija li tiġi minn partiti u movimenti estremisti fl-Ewropa',
– wara li kkunsidra r-Rapport dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija fl-Istati Membri ta' l-UE fl-2007, ippubblikat mill-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali,
– wara li kkunsidra d-dokument OSCE 'L-isfidi u t-tweġibiet għall-inċidenti kkawżati mill-mibgħeda fir-reġjun OSCE' (Ottubru 2006),
– Wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi jinsab imħasseb sew dwar il-qawmien fl-Ewropa ta' movimenti u partiti estremisti li jibnu l-ideoloġija u d-diskors politiku tagħhom, il-prattiki u l-kondotta fuq l-intolleranza, l-esklużjoni, il-ksenofobija, l-anti-Semitiżmu, miżuri anti-Roma u l-ultra-nazzjonaliżmu,
B. billi din l-ideoloġija hija inkompatibbli mad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem u mal-prinċipji u l-valuri li fuqhom twaqqfet l-UE,
C. billi l-ebda Stat Membru m'huwa immun għat-theddidiet intrinsiċi li l-estremiżmu joħloq għad-demokrazija, u billi għalhekk, il-ġlieda kontra l-attitudnijiet ksenofobiċi u l-movimenti politiċi estremisti huma sfida Ewropea,
D. billi ċerti partiti u movimenti politiċi, inklużi dawk fil-poter f'numru ta' pajjiżi jew dawk li huma rappreżentati fil-livell lokali, nazzjonali jew Ewropew, konxjament poġġew fiċ-ċentru ta' l-aġenda tagħhom l-intolleranza bbażata fuq ir-razez, l-oriġini etnika, in-nazzjonalità, ir-reliġjon u l-orjentazzjoni sesswali, li b'hekk ippermettew lill-kapjijiet politiċi biex jużaw lingwaġġ li jħeġġeġ il-mibgħeda razzjali u forom oħra tagħha u biex isaħħu l-estremiżmu fis-soċjetà,
E. billi l-estremisti neo-Nazi u leminija qed jimmiraw l-attakki vjolenti tagħhom kontra firxa wiesgħa ta' gruppi vulnerabbli, inklużi migranti, omosesswali, attivisti anti-razzisti, nies bla dar u żgħażagħ li jagħmlu parti minn subkulturi li mhumiex estremisti leminija,
F. billi l-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet paramilitari estremisti li joperaw f'numru ta' Stati Membri ta' l-UE qed iwasslu għal kemm tħassib u biżgħat fil-pajjiżi rispettivi tagħhom u f'pajjiżi ġirien,
G. billi f'ċerti Stati Membri teżisti xejra li biha s-sistema politika demokratika qed tkun progressivament imfixkla u l-partiti politiċi tradizzjonali qed jiġu sostitwiti mill-movimenti popolisti, li qed iwittu t-triq għall-forzi estremisti,
H. billi l-eżistenza ta' ċerti żbokki tal-midja kif ukoll numru kbir ta' 'homepages' ta' l-Internet, li jipprovdu s-sorsi ewlenin ta' l-informazzjoni dwar movimenti u gruppi li jxerrdu l-mibgħeda, l-attakki kontra l-istituzzjonijiet demokratiċi u kontra l-istabilità politika u li jxerrdu l-vjolenza, qed twassal għal tħassib dwar kif tista' tingħeleb din il-problema mingħajr ma jkun hemm ksur fil-libertà ta' l-espressjoni,
I. billi l-movimenti leminija estremisti jappellaw l-iżjed għal persuni soċjalment iżolati, esklużi u vulnerabbli, bla sigurtà ekonomika u bla edukazzjoni,
1. Jikkundanna bis-sħiħ l-attakki kollha li jinħolqu mir-razziżmu u l-mibgħeda u jħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali biex jagħmlu dak kollu fil-poter tagħhom biex jikkastigaw lil dawk responsabbli u biex jiġġieldu kontra l-klima ta' l-impunità fir-rigward ta' dawk l-attakki, jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-vittmi kollha ta' attakki bħal dawn u mal-familji tagħhom;
2. Josserva li l-movimenti estremisti li jħeġġu l-vjolenza, kemm fuq ġewwa ta' partit politiku kif ukoll fuq barra, jabbużaw mid-dritt ta' assoċjazzjoni minn lenti politika; miżuri meħuda biex jillimitaw il-kapaċità ta' dawn il-movimenti milli jaġixxu għandhom jiġu previsti fi proporzjon mal-periklu tal-vjolenza u bl-għan ċar li jiġu żgurati l-ugwaljanza u l-libertà għal kulħadd;
3. Jinnota li l-qawmien ta' organizzazzjonijiet estremisti, leminija estremisti u irridenti (ħafna drabi b'elementi anti-Semtiċi u neo-faxxisti) jirrifletti d-deterjorament tas-sitwazzjoni soċjali, in-nuqqas ta' impjieg, il-biża' kollettiva tal-globalizzazzjoni, il-marġinalizzazzjoni soċjali u l-falliment fl-iskola;
4. Jitlob lill-Istati Membri biex jindirizzaw il-kwistjonijiet soċjali u ekonomiċi, bħal ma huma n-nuqqas ta' impjieg, l-immigrazzjoni u s-sigurtà, li dawn il-partiti u l-movimenti jħobbu jużaw għall-argumenti tagħhom u biex jiġu żviluppati politiki ta' edukazzjoni għaċ-ċittadinanza demokratika bbażati fuq id-drittijiet u r-responsabilitajiet taċ-ċittadini;
5. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex imexxu t-tiftixa għal tweġibiet politiċi u legali xierqa, speċjalment fl-istadju preventiv, u mingħajr ma jintesew it-tweġibiet neċessarji rigward l-edukazzjoni u l-informazzjoni pubblika għaż-żgħażagħ, billi jitgħallmu dwar it-totalitarjaniżmu u l-firxa tal-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali sabiex tinżamm ħajja l-memorja ta' l-atti u l-avvenimenti kif verament ġraw fl-Ewropa;
6. Jinsisti li l-Kummissjoni għandha timmonitorja l-applikazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni eżistenti magħmula biex tipprojbixxi t-tixwix favur il-vjolenza, ir-razziżmu u l-ksenofobija u tħeġġeġ l-estensjoni ta' din il-leġiżlazzjoni mhux biss għall-individwi imma wkoll għall-partiti, l-organizzazzjonijiet u l-movimenti politiċi;
7. Iħeġġeġ lill-forzi politiċi demokratiċi kollha, kemm jekk huma tax-xellug kif ukoll tal-lemin, biex jirrifjutaw kwalunkwe koperazzjoni, kemm espliċita kif ukoll impliċita, ma' partiti estremisti ta' natura razzista jew ksenofobika u b'hekk ukoll kwalunkwe alleanza, tkun xi tkun, mar-rappreżentanti eletti tagħhom sabiex jifformaw maġġoranzi li jkollhom poter politiku;
8. Jitlob lill-midja demokratika biex tħeġġeġ u tferrex il-prinċipji u l-valuri tad-demokrazija, l-ugwaljanza u t-tolleranza fil-messaġġi tagħha;
9. Jilqa' x-xoljiment tal-grupp politiku tal-lemin estrem, Indipendenza, Tradizzjoni u Sovranità (ITS), u jittama fit-tisħiħ tal-kundizzjonijiet li jiggvernaw il-formazzjoni ta' gruppi politiċi; jitlob lill-Membri u l-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew biex ma jappoġġjawx inizjattivi li jiġu minn MEPs jew gruppi politiċi individwali li jemmnu f'ideat li jmorru kontra l-prinċipji li fuqhom hija mibnija l-Unjoni Ewropea;
10. Iwiddeb, billi jħares 'il quddiem lejn l-elezzjonijiet Ewropej 2009, dwar il-possibilità li partiti estremisti jistgħu jiksbu rappreżentazzjoni fil-Parlament Ewropew u jitlob lill-gruppi politiċi biex jieħdu miżuri xierqa sabiex jiżguraw li istituzzjoni demokratika ma tintużax bħala pjattaforma għall-iffinanzjar u t-tleħħin ta' messaġġi anti-demokratiċi;
11. Jitlob lill-Istati Membri kollha biex għall-inqas jipprovdu għall-possibilità li jiġi rtirat l-iffinanzjar pubbliku mill-partiti politiċi li ma jirrispettawx id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, kif stipulat fl-ECHR u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u jitlob lil dawk li diġà jgawdu minn din il-possibilità biex jagħmlu dan mingħajr dewmien; barra minn hekk, jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-ebda ffinanzjar ta' l-UE ma jkun disponibbli għall-iżbokki tal-midja li qed jintużaw bħala pjattaformi għat-tħeġġiġ ta' l-ideat razzisti, ksenofobiċi u omofobiċi fuq skala kbira;
12. Jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-NGOs u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu favur it-tħeġġiġ tal-valuri demokratiċi, is-solidarjetà, l-inklużjoni soċjali, id-djalogu interkulturali u l-kuxjenza soċjali bħala mezz li bih jiġġieldu kontra r-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolent;
13. Jitlob lill-Kunsill u l-Kummissjoni biex isaħħu l-programmi Ewropej li għandhom l-għan li jħeġġu l-inklużjoni soċjali u l-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza demokratika u biex jindirizzaw problemi soċjali u ekonomiċi bħal ma huma n-nuqqas tas-sigurtà, in-nuqqas ta' l-impjieg u l-esklużjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex titlob li l-pajjiżi applikanti ta' l-UE joqogħdu iżjed attenti għal politiki ta' tnaqqis tal-faqar, inklużjoni soċjali u edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza demokratika;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri u lill-Kunsill ta' l-Ewropa.