PARLAMENT EWROPEW

Dokument ta' sessjoni

8.4.2008   B6‑0000/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara il-mistoqsija li titlob tweġiba orali B6‑0000/2008

skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura

minn Miroslav Ouzký

f'isem il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel

dwar tħejjijiet għal-laqgħat tas-COP-MOP fuq id-diversità bijoloġika u l-bijosikurezza f'Bonn, il-Ġermanja

B6‑0000/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar tħejjijiet għal-laqgħat tas-COP-MOP fuq id-diversità bijoloġika u l-bijosikurezza f'Bonn, il-Ġermanja

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Disa’ Konferenza ta' l-Istati Kontraenti (COP 9) għall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD) li għandha tinżamm mid-19 sal-31 ta’ Mejju 2008 f’Bonn, il-Ġermanja,

–  wara li kkunsidra r-Raba’ Laqgħa ta' l-Istati Kontraenti (MOP4) għall-Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Bijosikurezza (BSP) li għandha tinżamm mit-12 sas-16 ta’ Mejju 2008 f’Bonn, il-Ġermanja,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ Mejju 2007 dwar il-mira li sa l-2010 jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità ( 2006/2233(INI) ),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-CBD hija l-akbar ftehima globali dwar il-ħarsien tal-bijodiversità, li tindirizza l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità u t-tqassim ġust u ekwu tal-benefiċċji li joħorġu mill-użu tar-riżorsi ġenetiċi, u billi ġiet iffirmata minn 190 Stat kontraenti, inklużi s-27 Stat Membru ta’ l-UE u l-Komunità Ewropea,

B.  billi l-Istati Kontraenti għas-CBD impenjaw ruħhom li jnaqqsu b’mod sinifikanti r-rata tat-telf tal-bijodiversità sa l-2010, u li jistabbilixxu netwerk dinji ta’ żoni protetti fuq l-art sa l-2010 u fuq il-baħar sa l-2012,

C.  billi l-kredibilità tal-Konvenzjoni se tiddependi mill-kapaċità tagħha li tilħaq dawk il-miri,

D.  billi l-kredibilità ta’ l-UE fil-kuntest tas-CBD, hija mxekkla mill-implimentazzjoni mhux suffiċjenti tal-leġiżlazzjoni u l-politiki interni tal-bijodiversità bħalma hija d-Direttiva dwar l-Ambjenti Naturali ta' l-Għasafar, ix-xogħol prattiku insuffiċjenti biex jinkiseb l-impenn tagħha li sa l-2010 twaqqaf it-telf tal-bijodiversità milli jkompli fi ħdan it-territorju tagħha, ir-riluttanza tagħha li tidħol f'negozjati bbażati fuq it-test ta' strument li jkun jorbot legalment dwar l-Aċċess u t-Tqassim tal-Benefiċċji u l-riluttanza tagħha li tipprovdi fondi ġodda ulterjuri mmirati għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

E.  billi t-telf tal-bijodiversità tal-foresti, ir-rati tad-deforestazzjoni u l-kriżi fil-klima tant huma kbar li wieħed ma jistax jistenna sa wara l-2012 biex jittieħdu passi sinifikanti biex jiġu megħluba d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti,

F.  billi jeħtieġ li jimtlew nuqqasijiet sinifikanti ta’ implimentazzjoni fil-programmi ta’ ħidma tas-CBD,

G.  billi fl-aħħar laqgħa tas-COP tas-CBD sar pass lejn it-tisħiħ ta’ l-irwol tar-rappreżentanti tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet lokali permezz fin-negozjati ulterjuri dwar l-Aċċess u t-Tqassim tal-Benefiċċji u d-dritt tagħhom li jiddeterminaw prijoritajiet fit-territorji tagħhom kif definit fid-dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni;

H.  billi fl-aħħar laqgħa tas-COP tas-CBD il-Partijiet ġew mistidena jsaħħu l-isforzi tagħhom ħalli jtejbu l-infurzar tal-liġi dwar il-foresti u ħalli jindirizzaw il-kummerċ relatat,

I.  billi fl-aħħar COP tas-CBD ġie affermat mill-ġdid l-applikazzjoni ta’ l-approċċ ta’ prekawzjoni għall-użu tat-Teknoloġija tar-Restrizzjoni ta’ l-Użu Ġenetiku (GURTs) u ġie rrakkomandat li m’għandhomx jiġu approvati la testijiet f’sitwazzjonijiet reali u l-anqas l-użu kummerċjali,

J.  billi l-bidla fil-klima se tkompli taggrava s-sitwazzjoni rigward id-diversità bijoloġika dinjija, billi twassal għad-degradazzjoni ta’ l-ekosistemi u l-estinzjoni ta’ l-ispeċijiet, u jkollha impatti indiretti fuq l-iżvilupp tal-bniedem u fuq il-qirda tal-faqar minn għeruqu,

K.  billi huwa stmat li madwar 20% ta’ l-emissjonijiet globali tal-karbonju huma kkawżati mid-deforestazzjoni u mid-degradazzjoni tal-foresti,

L.  billi s-CBD u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) jipprovdu l-qafas legali internazzjonali li jirregola l-ħarsien ta' l-ambjent tal-baħar bħala ħaġa sħiħa, għalkemm għad m'hemm l-ebda ftehima li tiġbor fiha kollox u li torbot legalment li tkun tiżgura li l-impenji eżistenti jkunu applikati b’mod konsistenti għall-oqsma kollha tal-baħar, inklużi l-ilmijiet internazzjonali ta’ l-ibħra li ma jaqgħu taħt l-ebda ġuriżdizzjoni,

M. billi s-CBD għandha rwol prinċipali fl-appoġġ tal-ħidma ta' l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (UNGA) fir-rigward taż-żoni tal-baħar protetti 'l hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali billi tipprovdi informazzjoni u pariri xjentifiċi u, kif xieraq, tekniċi relatati mad-diversità bijoloġika tal-baħar,

1.  Jinsab imħasseb serjament minħabba t-telf tal-bijodiversità li għadu għaddej u minħabba l-marka ekoloġika ta’ l-Unjoni Ewropea li kulma jmur qed dejjem tikber u li qiegħda testendi l-impatt fuq il-bijodiversità lil hinn ħafna mill-fruntieri ta’ l-Unjoni Ewropea;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex juru sens ta’ tmexxija u ta’ konvinzjoni billi jaqblu dwar miżuri konkreti għall-ħarsien tal-bijodiversità u billi jiffaċilitawhom, kemm fuq livell domestiku kif ukoll fuq livell internazzjonali;

3.  Jagħraf il-kontribut tan-netwerk Ewropew taż-żoni protetti ta’ Natura 2000 bħala ġebla tax-xewka ta’ l-isforzi ta’ l-UE biex tissodisfa l-impenji internazzjonali u interni tagħha tal-bijodiversità u bħala kontribut maġġuri għan-netwerk dinji ta’ żoni protetti; barra minn hekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li jkun hemm implimentazzjoni sħiħa tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ambjenti Naturali u jopponi bis-saħħa kull tentattiv biex idgħajjef il-ħarsien tagħhom;

4. Iqis li d-diskussjoni fil-Konvenzjoni ta’ Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima (UNFCCC) dwar it-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra li ġejjin mid-deforestazzjoni u mid-degradazzjoni tal-foresti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandha tkun mgħarrfa mill-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u għandha tiżgura li jkun hemm konsistenza ma' l-għanijiet tas-CBD u ma' l-objettivi biex tkun mħarsa l-bijodiversità tal-foresti;

5. Barra minn hekk jappella biex ikun hemm sforzi msaħħa biex jittejbu s-sinerġiji tas-CBD, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni (UNCCD) u tal-UNFCCC fil-qasam tat-trażżin tal-bidla fil-klima u l-adattament għaliha;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex:

  - jiżguraw li d-deċiżjonijiet tas-COP 9 jkunu mmirati biex jiġi implimentat il-programm tas-CBD dwar iż-żoni protetti, biex tiġi msaħħa l-implimentazzjoni lejn il-miri ta’ l-2010, u b’mod partikulari tal-Programm ta’ ħidma tas-CBD fuq id-diversità bijoloġika tal-foresti,

  - Jappoġġjaw finanzjarjament l-Inizjattiva LifeWeb immirata għat-tqabbil ta' impenji volontarji minn Partijiet għall-ħatra u t-tmexxija ta' żoni protetti ma' impenji volontarji minn donaturi għal (ko)finanzjament iddedikat;

  - jieħdu rwol prinċipali fin-negozjati biex ikun adottat reġim internazzjonali li jkun jorbot legalment u li jkun ġust u ekwu, dwar l-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi u t-tqassim tal-benefiċċji li jiġu minn dawn ir-risorsi (ABS); iqisu li tkun ħaġa essenzjali li s-COP 9 tagħmel progress fl-identifikazzjoni ta’ elementi prinċipali tar-reġim internazzjonali ta’ l-ABS, u jiggarantixxu li jkun hemm konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-pajjiżi li jipprovdu biex tiżgura li jkun hemm miżuri effettivi kontra l-bijopiraterija;

  - iseddqu s-sinerġiji u r-rabtiet bejn l-UNFCCC u s-CBD bil-għan li jiġu mmassimizzati l-kobenefiċċji fir-rigward tal-mitigazzjoni tal-bidla fil-klima, il-ħarsien tal-bijodiversità u l-iżvilupp sostenibbli tal-bniedem,

  - iqisu li s-suċċess fil-konservazzjoni u fl-użu sostenibbli tal-bijodiversità għandu jkun fost l-ewwel prijoritajiet għas-COP 9,

  - jiżguraw l-għarfien ta’ ġestjoni u finanzjament effettivi taż-żoni protetti u tan-netwerk tagħhom bħala ħtieġa vitali, u l-adozzjoni ta’ mekkaniżmi finanzjarji innovattivi u permanenti, peress li jikkontribwixxu għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità,

  - iwettqu valutazzjoni ta’ l-UE dwar l-impatt rigward in-nixfiet u l-iskarsezza ta’ l-ilma kkawżati mill-bidla fil-klima u l-effetti tagħha fuq l-ambjent naturali ta’ l-annimali selvaġġi, li tkun tenfasizza ż-żoni fejn ibejtu l-għasafar tal-passa, u tippromwovi l-koperazzjoni internazzjonali biex jiġu protetti l-għasafar tal-passa u l-artijiet mistagħdra staġjonali li jipprovduhom b'ilma u ikel.

  - jiżguraw li s-COP 9 tistieden lill-partijiet biex jagħtu bidu għal diskussjoni u jaqblu dwar prinċipji u kriterji komuni ta’ governanza tajba tal-foresti, fiwaqt li jibnu fuq il-progress li jkun diġà sar f’diversi proċessi reġjonali tal-FLEG/T u t-Trattat ta’l-Amażonja,

  - jiżguraw li s-COP 9 jaqbel li l-partijiet jibdew diskussjonijiet biex jiftiehmu dwar mekkaniżmu dinji biex ikun irregolat il-qtugħ tas-siġar għall-injam u l-kummerċ tiegħu bil-għan li jiġi miġġieled il-qtugħ illegali tas-siġar u bil-għan li jiġi promoss l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-foresti, u li s-COP 9 tistieden lill-partijiet biex jadottaw leġislazzjoni nazzjonali li ma tippermettix il-bejgħ fis-suq ta' injam u ta' prodotti ta’ l-injam li ġejjin mill-qtugħ illegali u distruttiv,

  - jiżguraw li s-COP 9 tirrakkomanda li l-partijiet ikomplu jintegraw l-aspetti tal-bijodiversità tal-foresti ta’ l-impatti tal-bidla fil-klima u attivitajiet ta’ reazzjoni fi strateġiji u pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali dwar il-bijodiversità (NBSAPs), u f'programmi nazzjonali dwar il-foresti u fi strateġiji oħra marbuta mal-foresti, kif ukoll li jappoġġjaw ir-riċerka biex ikun hemm fehim aħjar ta’ l-impatti tal-bidla fil-klima fuq il-bijodiversità tal-foresti,

  - jiżguraw li jkun hemm implimentazzjoni aktar mgħaġġla ta' l-impenji eżistenti għal konservazzjoni aħjar u għall-ġestjoni sostenibbli tal-bijodiversità tal-baħar bil-għan li l-bijodiversità tal-baħar tiġi mħarsa minn prattiki distruttivi,

  - jiżguraw li s-COP 9 jadotta s-sett propost ta’ kriterji xjentifiċi għall-identifikazzjoni taż-żoni tal-baħar li jeħtieġu l-ħarsien u għan-netwerks rappreżentattivi taż-żoni protetti tal-baħar, kif ġie rrakkomandat mill-Workshop ta’ Esperti dwar il-Kriterji Ekoloġiċi u s-Sistemi ta’ Klassifikazzjoni Bijoġeografiċi għal Żoni tal-Baħar li Jeħtieġu l-Ħarsien,

  - jiżguraw li s-COP 9 jirrakkomanda li l-partijiet jaħdmu lejn approċċ ta’ governanza integrata għall-bijodiversità tal-baħar f’żoni lil hinn minn xi ġurisdizzjoni nazzjonali, bil-għan li jiġu applikati l-kriterji miftiehma u li n-netwerks nazzjonali u reġjonali ta’ żoni tal-baħar protetti jiġu estiżi lejn ilmijiet internazzjonali li ma jaqgħu taħt l-ebda ġurisdizzjoni nazzjonali,

  - jinkuraġġixxu lill-Istati biex jibdew negozjati dwar ftehima ta’ implimentazzjoni ta’ l-UNCLOS għall-ħarsien tal-bijodiversità tal-baħar f’żoni lil hinn minn xi ġurisdizzjoni nazzjonali, sabiex tkun żgurata governanza integrata fuq il-medda t-twila ta’ żmien,

  - jiżguraw li s-COP 9 tadotta deċiżjoni finali biex jiġu pprojbiti t-teknoloġiji kollha ta’ terminazzjoni (GURTS), u li jiftiehmu dwar moratorju fuq ir-rilaxx ambjentali, inklużi t-testijiet f’sitwazzjonijiet normali, l-użu kummerċjali ta’ siġar li jkunu ġenetikament modifikati,

  - jiżguraw li s-COP 9 tagħmel disponibbli r-rakkomandazzjonijiet dwar il-bijodiversità tal-baħar u tax-xtut li ħarġu mill-Workshop ta' l-Esperti msemmi hawn lill-Grupp ta' Ħidma ad hoc Informali u miftuħ ta' l-UNGA,

  - jieħdu rwol prinċipali fil-Laqgħa ta' l-Istati Kontraenti għall-Protokoll ta’ Cartagena sabiex ikun żgurat reġim ta’ responsabilità li jkun jorbot legalment u li jkollu ambitu wiesa’,

  - jiżguraw li s-COP 9 tadotta standards ta’ sostenibilità għall-produzzjoni tal-bijomassa għall-enerġija bil-għan li jiġu evitati l-effetti negattivi possibbli ta’ żjieda fil-produzzjoni ta’ l-agrofjuwils,

  - jippromwovu l-implimentazzjoni sħiħa tal-Prinċipji Gwida tas-CBD dwar l-Ispeċijiet Aljeni Invażivi u, f'dan ir-rigward, jadottaw leġiżlazzjoni ta' l-UE biex jiżguraw li jiġu indirizzati b'mod komprensiv it-theddidiet mill-Ispeċijiet Aljeni Invażivi fuq l-ambjent naturali u l-ispeċijiet ta' l-Unjoni Ewropea,

  - jippromwovu l-implimentazzjoni tal-Programm ta' Ħidma dwar iż-Żoni Protetti, b'mod partikolari għall-għan 2.2 tiegħu, li jfittex li jtejjeb u jiżgura li jkun hemm involviment tal-komunitajiet indiġeni u lokali u tal-partijiet interessati rilevanti fil-ħatra u fl-immaniġjar ta' żoni protetti, inkluż bil-promozzjoni ta' attivitajiet ta' għarfien dwar il-mitigazzjoni u l-adattament u li jżidu l-koperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet u s-sidien ta’ l-art,

  - jinkuraġġixxu u jappoġġjaw skemi ta’ ċertifikazzjoni għal forestrija u wċuħ oħra inklużi l-bijofjuwils u t-tħawwil ta’ siġar f’żoni fejn jitrabbew l-ifrat,

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Kontraenti għall-Konvenzjoni dwar il-Bijodiversità.