PARLAMENT EWROPEW

Dokument ta' sessjoni

21.4.2008  B6‑0191/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni

skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura

minn Dariusz Maciej Grabowski, Adam Bielan, Hanna Foltyn-Kubicka u Ryszard Czarnecki

f'isem il-Grupp UEN

dwar is-sitwazzjoni fil-Burma

B6‑0191/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Burma

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dawk ta’ l-14 ta’ Diċembru 2006 u tad-19 ta’ Ġunju 2007,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2007 li adottaw miżuri restrittivi msaħħa u addizzjonali kontra l-Burma,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 194/2008 tal-25 ta’ Frar 2008 li jġedded u jsaħħaħ il-miżuri ristrettivi rigward il-Burma u r-revoka tar-Regolament (KE) Nru 817/2006,

–  wara li kkunsidra l-ittra ta' l-1 ta' Awissu 2007 lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon iffirmata minn 92 Membru tal-Parlament tal-Burma li għadhom kemm ġew eletti, u li kienet tinkludi proposta għar-rikonċiljazzjoni nazzjonali u d-demokratizzazzjoni fil-Burma,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-President tal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (ICRC), Jakob Kellenberger, tat-28 ta’ Ġunju 2007,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Burma/Myanmar tat-23 ta’ Awwissu 2007

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Kunsill ta' l-Istat għall-Paċi u l-Iżvilupp (SPDC) tal-Burma qed ikompli jissottometti lin-nies tal-Burma għal abbużi diżgustanti tad-drittijiet tal-bniedem, bħal ma huma x-xogħol infurzat, il-persekuzzjoni tad-dissidenti, il-lieva ta’ suldati-tfal, u r-rilokazzjoni infurzata,

B.  billi l-arresti fil-Burma jiksru d-drittijiet fundamentali ta’ l-għaqda, ta’ l-assoċjazzjoni u ta’ l-espressjoni u skond il-liġi internazzjonali dawn l-arresti huma arbitrarji u illegali,

C.  billi 30% tal-popolazzjoni tal-Burma, li hija stmata li laħqet il-15 –il miljun persuna, qed tgħix f’kundizzjonijiet inqas mil-linja tal-faqar u ħafna persuni se jsibuha diffiċli biex jaffaċċjaw il-konsegwenzi tal-prezzijiet tal-prodotti bażiċi,

D.  billi r-ripressjoni vjolenti tal-protesti mmexxija mill-patrijiet Buddisti u mill-attivisti demokratiċi f'Burma lejn l-aħħar ta' l-2007 ħasdet l-istatus quo politiku, u l-komunità internazzjonali ġiet immobilizzata b'mod li qatt ma seħħ qabel,

E.  billi fil-25 ta’ Mejju 2007, il-gvern militari tal-Burma, għal darb’oħra estenda b’mod arbitrarju għal sena oħra, l-arrest domiċiljarju tal-kap ta’ l-oppożizzjoni u tar-rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi Daw Aung San Suu Kyi, li għaddiet 11 mill-aħħar 17 –il sena f’detenzjoni,

F  billi l-Konvenzjoni Nazzjonali, li ltaqgħet għall-ewwel darba fl-1993 biex tfassal kostituzzjoni u li minn dak iż-żmien lil hawn ġiet sospiża diversi drabi, qiegħda fl-aħħar fażi tal-proċess tat-tfassil, iżda ma tantx hija kredibbli minħabba n-nuqqas ta’ rappreżentanti eletti demokratikament, speċjalment il-Lega Nazzjonali għad-Demokrazija (NLD),

G. billi l-Gvern tal-Burma riċentement ordna lill-ICRC biex jagħlaq numru ta’ ‘field offices’ li għandu fil-pajjiż, u b’hekk għamilha effettivament impossibbli għal dan il-Kumitat biex iwettaq ix-xogħol umanitarju tiegħu li jibbenefikaw minnu dawk l-iktar vulnerabbli,

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-użu mill-SPDC ta’ marmalji pajżana bħal ma huma l-“Union Solidarity and Development Association” (USDA) u s-Swan Ahr Shin (SAS) sabiex jarrestaw, jattakkaw, jintimidaw u jheddu dimostranti u attivisti, u jitlob għall-iżbandament ta' dawn il-gruppi u ta’ gruppi simili għalihom;

2.  Jikkundanna l-metodi illegali ta’ l-SPDC ta’ ripressjoni politika u etnika tal-poplu tal-Burma u l-persekuzzjoni persistenti u l-priġunerija ta’ attivisti favur id-demokrazija;

3.  Jikkundanna l-mewġa ta’ arresti riċenti mill-SPDS ta’ dimostranti paċifiċi u ta’ attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem li ħarġu fit-toroq wara żieda qawwija u mhux imħabbra fil-prezzijiet tal-fjuwil; jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjoni ta’ dawk kollha li ġew arrestati minn meta bdew il-protesti fid-19 ta’ Awwissu 2007;

4.  Jiddeplora l-fatt li, minkejja l-kundizzjoni fil-pajjiż, il-kritika reġjonali u internazzjonali u minkejja ħamsa u erbgħin sena fil-poter, l-SPDC naqas milli jagħmel xi progress sostanzjali lejn id-demokrazija u l-prosperità ekonomika;

5.  Jiddeplora l-fatt li l-proċess tar-referendum kostituzzjonali huwa nieqes minn kwalunkwe leġittimità demokratika, minħabba li ċ-ċittadini tal-Burma ma jgawdu minn ebda drittijiet demokratiċi bażiċi li jippermettulhom li jkollhom dibattitu miftuħ dwar it-test kostituzzjonali, li jemendawh u li mbagħad jesprimu ruħhom b'mod ħieles permezz ta' referendum;

6.  Jikkundanna r-rifjut mill-Gvern tal-Burma tal-proposti li saru mill-Mibgħut Speċjali tan-NU, is-Sur Ibrahim Gambari, biex il-gvern jippermetti kampanja miftuħa u inklusiva fil-preparamenti għar-referendum kostituzzjonali;

7.  Jirrifjuta li jirrikonoxxi l-leġittimità ta’ kwalunkwe proposti kostituzzjonali magħmula mill-Konvenzjoni Nazzjonali, Konvenzjoni li hija magħmula biss minn delegati maħtura mill-SPDS; jistieden lill-Gvern tal-Burma biex jifforma Kumitat għall-abbozzar ta’ Kostituzzjoni ġdida, li jinkludi rappreżentanti tal-NLD, ir-rebbiegħ ta' l-elezzjonijiet ta' l-1990 u rappreżentanti ta' partiti politiċi u gruppi oħra;

8.  Jiddeplora l-għeluq mill-SPDC tal-‘field offices’ tal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u r-rifjut biex il-Kunsill jidħol fi kwalunkwe djalogu, sitwazzjoni li wasslet biex jieqfu kompletament l-attivitajiet tal-kumitat; jistieden lill-SPDC biex jippermetti li dawn ‘il-field offices’ jerġgħu jinfetħu mingħajr dewmien;

9.  Jilqa' b’sodisfazzjon it-tiġdid tas-sanzjonijiet speċifiċi ta' l-UE, iżda jirrikonoxxi li dawn ma' rnexxilhomx jiksbu l-impatt mixtieq fuq dawk li huma direttament risponsabbli għat-tbatija tal-poplu tal-Burma, u għalhekk jistieden lill-Kunsill biex janalizza d-dgħjufija fis-sistema attwali tas-sanzjonijiet u biex jintroduċi miżuri li jistgħu jkunu neċessarji sabiex ikun garantit grad ogħla ta’ effettività;

10.  Iħeġġeġ liċ-Ċina, lill-Indja, u lir-Russja, sabiex jużaw il-piż ekonomiku u politiku kunsiderevoli tagħhom mar-reġim Burman sabiex jitwettaq titjib sostanzjali fil-pajjiż u, fi kwalunkwe każ, sabiex iwaqqfu l-forniment ta’ armi u ta’ riżorsi strateġiċi oħra;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet ta' l-pajjiżi ASEAN u ASEM, lill-Caucus Interparlamentari tal-Myanmar, lil Aung San Suu Kyi, lill-NLD, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-Burma.